YouVersion Logo
Search Icon

1 SAMWEL 26

26
Kapitlu 26
David jerġa’ jiltaqa’ ma’ Sawl
1U n-nies ta’ Żif marru għand Sawl f’Gibgħa u qalulu: “Ara, David moħbi fl-għolja ta’ Ħakila, biswit Ġesimon.”#1 Sam 24.#1 Sam 23,19-20; S 54. 2U Sawl qam u niżel lejn id-deżert ta’ Żif, u miegħu ħa tlitt elef raġel magħżula minn Iżrael, ifittex lil David fid-deżert ta’ Żif. 3U Sawl waqqaf il-kamp fuq l-għolja ta’ Ħakila, biswit Ġesimon, fuq in-naħa tat-triq, u David kien qiegħed fid-deżert, u ra li Sawl ġie għal warajh fid-deżert. 4U David bagħat nies jitkixxfu, u sar jaf fejn kien wasal sewwa Sawl. 5U qam David u ġie fil-post fejn kien waqqaf il-kamp u ra wkoll David fejn kienu jorqdu Sawl u Abner bin Ner, il-kap tal-eżerċtu tiegħu. U Sawl kien rieqed fin-nofs u n-nies tiegħu madwaru.#1 Sam 17,20. 6U David qabad u qal lil Aħimelek il-Ħitti u ’l Abisaj bin Seruja, ħu Ġowab, u qallu: “Min se jinżel miegħi ħdejn Sawl fil-kamp?” U Abisaj wieġeb u qal: “Ninżel miegħek jien.”#1 Kron 2,16. 7U ġie David u Abisaj ħdejn l-eżerċtu billejl, u Sawl kien mimdud u rieqed f’nofs il-kamp, u l-lanza tiegħu kienet imwaħħla fl-art in-naħa ta’ rasu; u Abner u n-nies tiegħu mimdudin madwaru.
8U Abisaj qal lil David: “Illum il-Mulej reħa l-għadu tiegħu f’idejk, ħa nsammru mal-art b’daqqa waħda bil-lanza tiegħu stess, bla ma nagħtih oħra.”#1 Sam 18,11; 19,10. 9Imma David wieġeb lil Abisaj: “La toqtlux, għax min qatt medd idu fuq il-midluk tal-Mulej, u ħelisha?”#1 Sam 24,7. 10U ssokta jgħid: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, il-Mulej biss jilħqu, jew jasal il-jum tiegħu u jmut, jew jinżel għall-gwerra u jinqered. 11Iħarisni l-Mulej milli mmidd idi fuq il-midluk tal-Mulej! U issa aqbad il-lanza u l-ġarra tal-ilma minn ħdejn rasu, u ejja mmorru.” 12U David ħa l-lanza u l-ġarra tal-ilma minn ħdejn ras Sawl u telqu, bla ma ħadd rahom jew intebaħ, u bla ma ħadd stenbaħ, għax kollha kienu reqdin, u ngħas tqil waqa’ fuqhom mingħand il-Mulej.#Ġen 2,21; 15,12.
13David imbagħad qasam għan-naħa l-oħra u qagħad fuq il-quċċata tal-għolja fil-bogħod, b’wisa’ kbir bejniethom. 14U David beda jgħajjat lill-poplu, u lil Abner bin Ner, u jgħidilhom: “Ma tweġibx Abner?” U Abner wieġeb u qal: “Min int biex tgħajjat lis-sultan?” 15U David qal lil Abner: “Intix raġel int? Min hu bħalek f’Iżrael? Għaliex mela ma ħaristx lil sidek, is-sultan? Ma tafx li ġie wieħed min-nies biex joqtol is-sultan sidek? 16Mhux sewwa dan li għamiltlu. Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, żgur ħaqqkom il-mewt, intom li ma għassistux sewwa ’l sidkom, il-midluk tal-Mulej. U issa, ara fejn huma l-lanza tas-sultan u l-ġarra tal-ilma, li kienu ħdejn rasu?” 17U Sawl għaraf leħen David u qal: “Dan mhux leħen ibni David?” U David wieġeb: “Leħni, sidi s-sultan.” 18U ssokta jgħid: “X’inhu dan li sidi qiegħed jiġri wara l-qaddej tiegħu? Għax x’għamilt jien u x’deni nista’ nagħmel? 19Ħa jisma’ s-sultan sidi, kliem il-qaddej tiegħu. Jekk il-Mulej qiegħed ixewxek kontra tiegħi, ħa jogħġbu s-sagrifiċċju; imma jekk inhuma bnedmin, misħuta huma quddiem il-Mulej, għax huma llum keċċewni u qatgħuni minn wirt il-Mulej#26,19: Minn wirt il-Mulej: mill-art ta’ Iżrael, fejn kien meqjum il-Mulej. Skont il-ħsieb ta’ dik il-ħabta, kull pajjiż kellu l-alla jew l-allat tiegħu, u min ibiddel pajjiżu jbiddel ukoll l-allat tiegħu, li ma kienx jista’ jqim barra minn pajjiżu. u qaluli: ‘Mur aqdi allat barranin.’#Dt 7,6; 1 Sam 24,16. 20U issa tħallix li demmi jixtered fl-art, ’il bogħod minn wiċċ il-Mulej, għax is-sultan ta’ Iżrael ħareġ ifittex bergħud bħalma jduru għal perniċa qalb il-muntanji.”
21U Sawl qal: “Ħtija tiegħi! Ejja lura, ibni David, m’iniex se nagħmillek iżjed deni, għax int illum għożżejt lil ħajti. Ara, jien tbellaht u żbaljajt bil-bosta.” 22U David wieġeb: “Hawn hi l-lanza tas-sultan, ħa jiġi ’l hawn wieħed mill-qaddejja u jeħodha. 23Il-Mulej irodd lil kull wieħed skont il-ġustizzja tiegħu u l-lealtà tiegħu. Il-Mulej telqek f’idejja llum, imma jien ma ridtx immidd idejja fuq il-midluk tal-Mulej.#S 7,9; 18,21. 24Ara! bħalma llum jien għożżejt lil ħajtek, hekk il-Mulej jgħożż lil ħajti u jeħlisni minn kull għawġ.” 25U Sawl wieġeb lil David: “Imbierek int ibni David, int għad tirnexxi f’kulma tagħmel, u jkollok setgħa kbira.”#1 Sam 24,21.
U David telaq għal triqtu, u Sawl raġa’ lura lejn postu.

Currently Selected:

1 SAMWEL 26: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in