YouVersion Logo
Search Icon

1 SAMWEL 28

28
Kapitlu 28
1U ġara li f’dak iż-żmien il-Filistin ġemgħu l-eżerċtu tagħhom biex jaħbtu għall-Iżraelin. U Akis qal lil David: “Kun af li int tiġi miegħi fil-kamp, int u n-nies tiegħek.” 2U David wieġeb lil Akis: “Tajjeb, issa tkun taf x’jista’ jagħmel il-qaddej tiegħek.” U Akis qallu: “U jien nagħmlek għassies tiegħi għal dejjem.”
Sawl u s-saħħara ta’ Għajn-dor
3Samwel kien miet, u kien bkieh Iżrael kollu, u difnuh fil-belt tiegħu ta’ Rama. U Sawl kien keċċa ’l barra mill-pajjiż lil dawk kollha li kienu jsejħu l-erwieħ u jeħbru, u s-saħħara.#1 Sam 25,1; Sir 46,20. 4U l-Filistin inġabru u marru jwaqqfu l-kamp f’Sunem; u Sawl ġabar lil Iżrael kollu u waqqfu l-kamp f’Gilbogħa. 5U Sawl ra l-kamp tal-Filistin u baża’ u qalbu bdiet tħabbat bil-qawwi. 6U Sawl stħarreġ lill-Mulej, imma l-Mulej ma weġbux, la bil-ħolm, la bl-Urim u anqas bil-profeti.#Eż 28,30; 33,7; Lev 8,8; 1 Sam 14,37. 7U Sawl qal lill-qaddejja tiegħu: “Fittxuli mara li tqajjem l-erwieħ, u mmur għandha, u nistħarriġha.” Il-qaddejja tiegħu weġbuh: “Ara, hemm mara li tqajjem l-erwieħ f’Għajn-dor.”#Lev 19,31; 20,27; Dt 18,10-12; 1 Kron 10,13-14; Atti 16,16. 8U Sawl biddel ħwejġu u libes ilbies ieħor, u mar flimkien ma’ żewġt irġiel oħra, u ġie għand il-mara billejl u qalilha: “Staqsi l-erwieħ u għidli xortija, u sejjaħ lil min se ngħidlek.”#1 Slat 14,2. 9U l-mara weġbitu: “Ara, inti taf x’għamel Sawl, li qaċċat mill-pajjiż lil dawk kollha li jeħbru bl-erwieħ#28,9: Lil dawk kollha li jeħbru bl-erwieħ: Sawl kien ipprojbixxa din ix-xorta ta’ teħbir tal-ġejjieni, skont il-Liġi, Dt 18,10, imma issa fid-disperazzjoni tiegħu mar hu stess għand is-saħħara. Alla ppermetta u nqeda b’din il-mara biex permezz ta’ Samwel iċanfru u jheddu bil-kastig. u s-saħħara; għaliex trid issa tonsobli ħajti? Biex joqtluni?” 10U Sawl ħalfilha bil-Mulej u qalilha: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, ma tiġrilek ebda ħsara minħabba dan.” 11U l-mara qaltlu: “Lil min se nqajjimlek?” U hu weġibha: “Qajjimli lil Samwel.”#Sir 46,20. 12Malli l-mara lemħet lil Samwel infexxet f’għajta kbira u qalet lil Sawl: “Għax qarraqt bija? Int Sawl.” 13U s-sultan qalilha: “La tibżax, imma għidli x’rajt.” U l-mara qalet lil Sawl: “Rajt alla tiela’ mill-art.” 14U staqsieha: “X’sura għandu?” U hi wieġbet: “Raġel xiħ tiela’, imkebbeb f’mantar.” Sawl għaraf li kien Samwel, u niżżel wiċċu sal-art, u tah qima.
15U Samwel qal lil Sawl: “Għalfejn qgħadt taqlagħni u tellajtni hawn?” U Sawl wieġeb: “Għandi dwejjaq kbar; il-Filistin għamluli gwerra, u Alla tbiegħed minni, u ma jweġibnix, la bil-profeti u lanqas bil-ħolm. Għalhekk jien sejjaħtlek, biex tgħarrafni x’għandi nagħmel.” 16U Samwel wieġeb: “Għalfejn tistaqsini, la darba l-Mulej tbiegħed minnek, u sar l-għadu tiegħek?#1 Sam 15,21-28. 17Il-Mulej għamel miegħek kif kien tkellem permezz tiegħi, u ħataflek minn idek is-saltna, u taha lil David sieħbek. 18Għaliex int ma smajtx mill-kelma tal-Mulej, u ma għamiltx lil Għamalek skont ma ried hu fil-qilla tiegħu. Għalhekk għamillek dan il-Mulej illum.#1 Sam 15,18-19. 19U l-Mulej jerħi wkoll lil Iżrael miegħek f’idejn il-Filistin, u għada int u wliedek tkunu miegħi; u l-kamp ukoll ta’ Iżrael jerħih il-Mulej f’idejn il-Filistin.”#1 Sam 31,2-6; Sir 46,20. 20Minnufih Sawl waqa’ minn tulu fl-art u qabdu biża’ kbir minħabba kliem Samwel; ma baqgħetlu ebda saħħa, għax ma kienx daq ħobż dak in-nhar u dak il-lejl kollu.
21U l-mara ġriet għal ħdejn Sawl u malli ratu daqshekk imħawwad qaltlu: “Ara, il-qaddejja tiegħek semgħet minn kliemek u lagħbet ħajjitha f’idha; smajt mill-kliem li int għedtli. 22Mela, isma’ issa int minn kliem il-qaddejja tiegħek, ħa nqegħedlek quddiemek kisra ħobż, kul biex tieħu saħħtek u tkun tiflaħ taqbad triqtek.” 23Iżda hu ma riedx, u qalilha: “Ma nikolx.” Imma l-qaddejja tiegħu u l-mara bdew isusu warajh sakemm sama’ minnhom; u qam mill-art u nxteħet fuq sodda. 24U l-mara kellha għoġol imsemmen u qatlitu malajr, ħadet id-dqiq, għaġnitu, u għamlitu ftajjar, u ħmietu bla ħmira. 25U ġiebet kollox quddiem Sawl u l-qaddejja tiegħu, u kielu. U qamu u telqu dak il-lejl stess.

Currently Selected:

1 SAMWEL 28: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in