YouVersion Logo
Search Icon

1 SAMWEL 17

17
Kapitlu 17
David u Gulija
1Il-Filistin inġemgħu bl-eżerċtu tagħhom għall-gwerra u ltaqgħu f’Xoku ta’ Ġuda, u waqqfu l-kamp bejn Xoku u Għażeka, f’Efes-dammim. 2Sawl u n-nies ta’ Iżrael inġabru u waqqfu l-kamp fil-wied ta’ Ela, u tqassmu għall-ġlied kontra l-Filistin. 3U l-Filistin kienu fuq l-għolja minn naħa u l-Iżraelin fuq l-għolja min-naħa l-oħra, u l-wied bejniethom. 4U ħareġ jisfidahom raġel kampjun mill-kamp tal-Filistin, jismu Gulija, minn Gatt, twil sitt idriegħ u xiber.#2 Sam 21,19. 5Kellu f’rasu elmu tal-bronż u kurazza maħduma qxur qxur, tiżen ħamest elef xekel bronż. 6F’riġlejh kellu xedd tal-bronż u alabarda tal-bronż fuq spallejh. 7L-għuda tal-lanza tiegħu kienet bħal motwa tan-nissieġa u l-ħadida tal-lanza kienet tiżen sitt mitt xekel#17,7: Sitt mitt xekel: jiġifieri 68.4 kg. ħadid; u quddiemu kien jimxi wieħed iġorrlu t-tarka.#2 Sam 21,19; 1 Kron 11,23; 20,5. 8Waqaf u beda jgħajjat lill-qtajja’ ta’ Iżrael, u għidilhom: “Għalfejn ħriġtu mqassma għall-gwerra? M’iniex jien Filisti u intom l-iliera ta’ Sawl? Agħżlu issa bniedem u jinżel għalija. 9Jekk għandu l-ħila jitqabad miegħi u joqtolni, aħna nsiru lsiera tagħkom, imma jekk negħlbu jien u noqtlu, intom tkunu lsiera tagħna u intom taqduna.” 10Imbagħad issokta jgħid il-Filisti: “Hawn jien illum nisfida l-qtajja’ ta Iżrael! Agħtuni raġel u nitqabdu flimkien.”
11Malli Sawl u Iżrael semgħu dan il-kliem tal-Filisti, triegħdu u beżgħu ħafna.
David jinżel fil-kamp
12David kien bin raġel minn Efrata, minn Betlehem ta’ Ġuda, li kien jismu Ġesse, u dan kellu tmint itfal. Dan ir-raġel fi żmien Sawl kien xiħ u mdaħħal fiż-żmien,#Rt 1,2; 1 Sam 16,10-11. 13u t-tlieta l-kbar minn ulied Ġesse marru għall-gwerra ma’ Sawl, u t-tliet uliedu kien jisimhom: il-kbir Elijab, it-tieni Abinadab, u t-tielet Samma. 14David kien iż-żgħir; u t-tlieta l-kbar marru wara Sawl. 15David kien ġej u sejjer minn ħdejn Sawl u lura lejn Betlehem jirgħa n-nagħaġ ta’ missieru.
16Għal erbgħin jum sħaħ, filgħodu u filgħaxija, il-Filisti kien joħroġ wieqaf quddiemhom. 17U Ġesse qal lil ibnu David: “Ħu lil ħutek efa minn dan il-qamħ inkaljat, u dawn l-għaxar ħobżiet, u ħudhom lil ħutek fil-kamp. 18U dawn l-għaxar ġbejniet ħudhom lill-kmandant tal-elf, u ara ħutek humiex tajbin, u ħu ħbarhom.” 19U Sawl, u huma, u l-Iżraelin kollha kienu fil-wied ta’ Ela jiġġieldu mal-Filistin.
20David bakkar filgħodu u ħalla l-merħla f’idejn għassies, għabba u telaq kif kien qallu Ġesse, u mar u wasal fil-kamp sewwasew meta l-qtajja’ kienu ħierġa mqassma għall-ġlied, u bl-għajta tal-gwerra fuq fommhom. 21U l-Iżraelin u l-Filistin tqassmu fi qtajja’ kontra xulxin. 22U David ħalla l-ħwejjeġ li kellu fuqu f’idejn l-għassies, u mar jiġri lejn il-qtajja’, u kif wasal staqsa jekk ħutu kinux tajbin. 23Kif kien jitkellem magħhom, il-kampjun Gulija, il-Filisti minn Gatt, ħareġ minn fost il-qtajja’ tal-Filistin jgħid dak il-kliem, u semgħu David.#1 Sam 17,8-10. 24U l-Iżraelin kollha malli raw dak il-bniedem, ħarbu minn quddiemu, kollhom beżgħana. 25Wieħed mill-Iżraelin qal: “Rajtuh dan ir-raġel ġej fin-nofs? Ġej jisfida lil Iżrael! Il-bniedem li joqtlu, is-sultan jagħnih bil-ġid, jagħtih lil bintu, u ’l dar missieru jeħlisha mill-ħaraġ f’Iżrael.”
26U David kellem lin-nies li kien hemm miegħu u qalilhom: “X’jagħmlulu lir-raġel li joqtol lil dan il-Filisti, u jneħħi l-għajb minn fuq Iżrael? U min hu dan il-Filisti bla ħtin, biex jisfida lill-qtajja’ ta’ Alla l-ħaj?”#Ġoż 5,9; Mħ 14,3; 2 Slat 19,4; Is 37,4. 27U n-nies weġbuh u qalulu l-istess kliem: “Hekk jagħmlulu lir-raġel li joqtlu.” 28U Elijab, ħuh il-kbir, semgħu jitkellem man-nies, u Elijab għadab għal David u qallu: “Għalfejn ġejt hawn? U ma’ min ħallejt dik id-daqsxejn ta’ merħla fix-xagħri? Naf tajjeb il-kburija u l-ħażen li hemm f’qalbek! Int inżilt hawn biex tara t-taqbid.” 29U David wieġeb: “X’għamilt jien issa? Mhux kelma għedt?” 30U dar madwaru lejn wieħed ieħor u raġa’ staqsieh l-istess; u n-nies tennewlu l-istess kliem ta’ qabel.
31Il-kliem ta’ David semgħuh in-nies, u wassluh lil Sawl, u dan bagħat għalih. 32U David qal lil Sawl: “Ħadd ma għandu jaqta’ qalbu minn dan il-bniedem. Jien, il-qaddej tiegħek, immur niġġieled ma’ dan il-Filisti.” 33U Sawl wieġeb lil David: “Int ma tistax tmur quddiem dan il-Filisti u tiġġieled miegħu, għax int għadek żagħżugħ, u hu raġel tal-ġlied sa minn żgħożitu.”
34U David wieġeb lil Sawl: “Il-qaddej tiegħek kien għadu jirgħa n-nagħaġ ta’ missieru, u meta kien jiġi xi ljun jew ors jaħtaf xi waħda mill-merħla, 35jien kont nagħmel għal warajh, nidorbu, u naħtafhielu minn ħalqu. U jekk kien idur għalija, kont naqbdu minn ilħitu, nidorbu u noqtlu. 36Il-qaddej tiegħek qatel l-iljun u l-ors; u dan il-Filisti bla ħtin ikun bħal wieħed minnhom, għaliex sfida l-eżerċti ta’ Alla l-ħaj.” 37U David issokta jgħid: “Il-Mulej, li ħelisni minn ħalq l-iljun u l-ors, jeħlisni minn id dan il-Filisti.” “Mur,” wieġeb Sawl, “u l-Mulej ikun miegħek.”#S 18,18; Prov 28,1.
38Sawl libbes lil David bl-armatura tiegħu, qegħedlu f’rasu elmu tal-bronż, u xiddlu l-kurazza. 39Imbagħad David tħażżem bix-xabla fuq l-armatura, u meta ġie biex jimxi, darba darbtejn, ma għamel xejn. Għalhekk qal lil Sawl: “Ma nistax nimxi b’dan kollu; m’iniex imdorri bihom.” U għalhekk neħħa kollox minn fuqu.
40David ħa l-ħatar f’idu, għażel ħames ċagħqiet lixxi mill-wied, u qegħedhom fil-ħorġa ta’ ragħaj li kellu; ħa wkoll l-iżbandola f’idu, u qarreb lejn il-Filisti. 41Il-Filisti resaq lejn David bil-mod, u raġel bit-tarka quddiemu. 42Malli lemaħ lil David, stmellu, għax rah żagħżugħ, ruxxan u sabiħ fis-sura tiegħu.#1 Sam 16,12. 43U l-Filisti qal lil David: “Xi ħsibtni lili, xi kelb, biex ħriġt għalija bil-ħatar?” U beda jisħet lil David bl-allat tiegħu. 44U ssokta jgħid lil David: “Ejja lejja, biex nagħti laħmek lit-tjur tas-smewwiet u lill-bhejjem tal-art.”#Dt 28,26; Is 18,6; Ġer 15,3. 45David wieġeb lill-Filisti: “Inti ġejt lejja bix-xabla, bil-lanza u bil-vleġġa; iżda jien ġejt għalik b’isem il-Mulej tal-eżerċti, Alla tal-armata ta’ Iżrael, li int sfidajt. 46Illum stess il-Mulej jagħtik f’idejja, u jien nidorbok, naqtagħlek rasek minn fuqek, u ’l ġismek u l-iġsma tal-armata tal-Filistin nagħtihom illum stess lit-tjur tas-smewwiet u lill-bhejjem tal-art. U kulħadd isir jaf li hemm Alla f’Iżrael.#Ġoż 4,24. 47U din il-kotra tagħraf illi l-Mulej ma jsalvax bix-xabla jew bil-lanza; għax il-gwerra f’idejn il-Mulej, u llum se jitlaqkom f’idejna.”#1 Sam 14,6; 2 Slat 19,34-35; S 33,16; Hos 1,7.
48Il-Filisti qam u resaq lejn David; malli dan, David mar jgħaġġel fil-post tal-ġlied jiltaqa’ mal-Filisti. 49Daħħal idu fil-ħorġa, ħa minnha ċagħqa, waddabha bl-iżbandola, u laqat il-Filisti fi ġbinu: iċ-ċagħqa daħlet fi ġbinu u hu waqa’ għal wiċċu fl-art. 50Hekk David rebaħ lill-Filisti bi żbandola u b’ċagħqa; laqtu u qatlu, bla xabla f’idu. 51David qabeż fuq il-Filisti, u waqaf fuqu, ħadlu x-xabla mill-għant, qatlu u qatagħlu rasu biha.
Malli l-Filistin raw li miet il-bniedem kampjun tagħhom, ħarbu.
52U l-irġiel ta’ Iżrael u Ġuda qamu u bdew jgħajtu u ntefgħu għal fuq il-Filistin sa qrib Gatt u l-bibien ta’ Għekron. U ħafna mill-Filistin baqgħu mejta fit-triq ta’ Sagħrajm sa Gatt u sa Għekron. 53U malli reġgħu lura minn wara l-Filistin, l-Iżraelin ħatfu kulma sabu fil-kamp tagħhom. 54U David ħa ras il-Filisti, u ħadha Ġerusalemm#17,54: U ħadha Ġerusalemm: din in-nota żdiedet mat-tradizzjoni oriġinali wara li David ħa Ġerusalemm f’idejh mill-Ġebusin; ara 2 Sam 5,6-9; Ġoż 15,63., u l-armi li kellu ħadhom fit-tinda tiegħu.#1 Sam 17,57; 31,9.
55Meta ra lil David ħiereġ għall-Filisti, Sawl staqsa lil Abner, il-kmandant tal-eżerċitu: “Abner, bin min hu dan iż-żagħżugħ?” U Abner wieġeb: “Daqs kemm int ħaj, sultan, ma nafx.” 56U s-sultan qallu: “Mur u ara bin min hu ż-żagħżugħ.” 57U malli David raġa’ lura wara li kien qatel il-Filisti, mar jilqgħu Abner u ħadu quddiem Sawl, b’ras il-Filisti f’idu. 58U Sawl qallu: “Bin min int, żagħżugħ?” u David wieġbu: “Bin il-qaddej tiegħek Ġesse, il-Betlemita.”

Currently Selected:

1 SAMWEL 17: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in