YouVersion Logo
Search Icon

1 SAMWEL 16

16
Kapitlu 16
Il-konsagrazzjoni ta’ David
1Il-Mulej kellem lil Samwel: “Kemm se ddum qalbek sewda għal Sawl, meta jien neħħejtu minn sultan fuq Iżrael? Imla l-qarn biż-żejt u itlaq. Jien se nibagħtek għand Ġesse l-Betlemita, għaliex minn fost uliedu jien għażilt għalija sultan.”#Rt 4,17-22; 1 Slat 1,39; 1 Kron 11,3; Is 11,1; Lq 2,4. 2Samwel wieġeb: “Kif nista’ mmur? Jekk ikun jaf Sawl, joqtolni!” Il-Mulej wieġbu: “Ħu għoġla miegħek; għid li mort biex tagħmel sagrifiċċju lill-Mulej. 3Sejjaħ lil Ġesse għas-sagrifiċċju; jien imbagħad nurik x’tagħmel; u lil min ngħidlek, tidlikhuli sultan.”
4U Samwel għamel kulma qallu l-Mulej u mar Betlehem. Ix-xjuħ tal-belt marru jilqgħuh imriegħda, u staqsewh: “Ġejt hawn bis-sliem?” 5U hu wieġeb: “Bis-sliem. Ġejt biex noffri sagrifiċċju lill-Mulej. Tqaddsu u ejjew miegħi għas-sagrifiċċju.” U hu qaddes lil Ġesse u ’l uliedu u sejħilhom għas-sagrifiċċju.#Eż 19,10; 1 Sam 9,12-13; 20,26; Ġob 1,5.
6Ġara li, malli waslu, Samwel ra lil Elijab u qal: “Hawn quddiem il-Mulej il-midluk tiegħu?” 7U l-Mulej qal lil Samwel: “Tħarisx lejn is-sura tiegħu, jew it-tul ta’ persuntu, għax jien diġà warrabtu. Għax il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb.”#1 Sam 9,2; 10,23-24; 1 Kron 28,9; Ġob 10,4; Prov 15,11; S 147,10; Is 55,8-9; Ġer 11,20; 17,10; 20,12; Lq 16,15; Atti 1,24. 8Ġesse sejjaħ lil Abinadab u ressqu quddiem Samwel, u dan qal: “Anqas lil dan ma ħatar il-Mulej.”#1 Sam 17,12-13; 1 Kron 2,13-15. 9U Ġesse ressaq lil Samma. Samwel qal: “Anqas lil dan ma ħatar il-Mulej.” 10Ġesse ressaq quddiem Sanwel sebgħa minn uliedu; imma Samwel qallu: “Il-Mulej ma ħatar lil ħadd minn dawn.” 11U ssokta jgħidlu: “Dawn huma t-tfal kollha?” “Għad fadal iż-żgħir,” wieġbu Ġesse, “qiegħed jirgħa n-nagħaġ.” U Samwel qal lil Ġesse: “Ibgħat għalih u ġibu, għax ma noqogħdux fuq il-mejda qabel ma jiġi hawn.”#1 Sam 17,15; 2 Sam 7,8. 12U bagħat għalih u ġiebu: kien żagħżugħ ruxxan, għajnejh ħelwin, u sabiħ fis-sura tiegħu. U l-Mulej qal lil Samwel: “Qum u idilku, għax dan hu.”#Ġen 39,6; 1 Sam 9,2; 2 Sam 14,25-26.
13U Samwel ħa f’idejh il-qarn biż-żejt, u dilku quddiem ħutu#16,13: Ħa f’idejh il-qarn, u dilku quddiem ħutu: il-qarn kienu jaħżnu fih iż-żejt għall-użu ritwali u profan: ara 1 Slat 1,39. B’din id-darba David kien ikkonsagrat tliet darbiet b’kollox; ara 2 Sam 2,4; 5,3.. Minn dakinhar ’il quddiem niżel fuq David u ħakmu l-ispirtu tal-Mulej.#Mħ 3,10; 9,9; 1 Sam 10,6; 11,6; Sir 46,13.
U Samwel qam u mar Rama.
David fil-palazz ta’ Sawl
14L-ispirtu tal-Mulej warrab minn Sawl; u l-Mulej bagħat fuqu spirtu ħażin biex iħabbtu#16,14: Spirtu ħażin biex iħabbtu: skont l-ideat ta’ dak iż-żmien, il-mard tal-moħħ kien ġej mill-ispirti ħżiena li kienu jieħdu pussess ta’ dak il jkun..#1 Sam 18,10-11. 15U l-qaddejja ta’ Sawl qalulu: “ara, spirtu ħażin mingħand Alla qiegħed fuqek. 16Ħa jgħid kelma Sidna, u aħna l-qaddejja tiegħek hawn quddiemek, lesti biex infittxu raġel li jaf idoqq l-arpa, u kull meta jaħtfek l-ispirtu ħażin ta’ Alla jdoqqlok b’idejh, u int tħossok aħjar.” 17U Sawl wieġeb lill-qaddejja tiegħu: “Sibuli raġel li jaf idoqq tajjeb, u ġibuhuli.” 18U wieħed miż-żgħażagħ wieġeb: “Araw! Jien rajt wieħed bin Ġesse, il-Betlemita, li jaf idoqq, bniedem qalbieni, jinqala’ għall-gwerra, għaqli fi kliemu, u raġel sabiħ, u l-Mulej miegħu.”#2 Sam 17,8.
19U Sawl bagħat messaġġiera għand Ġesse jgħidulu: “Ibgħatli lil David#16,19: Ibgħatli lil David: għandna żewġ tradizzjonijiet dwar il-laqgħa ta’ David ma’ Sawl: waħda 16,14-23; 17,1-13,32-54, u l-oħra 17,12-31 55-18,5; din tal-aħħar hi nieqsa fit-traduzzjoni Griega tas-Sebgħin., ibnek, li qiegħed mal-merħla.” 20U Ġesse ħa ħmar, għabbieh bil-ħobż, u żaqq inbid, u gidi u bagħathom ma’ David, ibnu, lil Sawl.#1 Sam 9,7-8; 10,4; 16,1; 17,27-29. 21U David mar għand Sawl, u baqa’ miegħu; u dan ħabbu ħafna, u għamlu l-iskudier tiegħu.#1 Sam 18,2. 22U Sawl bagħat jgħid lil Ġesse: “Ħa jibqa’ miegħi għax ħadt grazzja miegħu.” 23U kull meta l-ispirtu ta’ Alla kien ikun fuq Sawl, David kien jaqbad l-arpa, u jdoqqha b’idu, u Sawl kien jieħu r-ruħ u jħossu tajjeb, u l-ispirtu ħażin kien iwarrab minnu.

Currently Selected:

1 SAMWEL 16: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in