YouVersioni logo
Search Icon

ĠWANNI 21

21
Kapitlu 21
Ġesù jidher lil seba’ dixxipli
1Wara dan, Ġesù raġa’ deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija. Dehrilhom hekk: 2Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien,#Ġw 11,16; 20,24. 3u Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad.” Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll.” Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn. 4Filgħodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù.#Lq 24,16; Ġw 20,14. 5Ġesù qalilhom: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?” “Le,” weġbuh.#Lq 24,41. 6Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu.” Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqs kemm qabdu ħut!#Lq 5,4-7. 7Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!” Għalhekk Xmun Pietru, kif sama’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien għoddu għeri, u ntafa’ l-baħar.#Mt 14,29; Ġw 19,26; 20,2; 21,20. 8Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut. 9Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż. 10Qalilhom Ġesù: “Newlu ’l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu.” 11Xmun Pietru tala’ fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx.#Lq 5,6. 12Qalilhom Ġesù: “Ejjew, kulu.” Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih, ‘Int min int?’, għax kienu jafu li kien il-Mulej. 13Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut.#Mt 14,19; 15,36; Mk 6,41; 8,6; Lq 9,16; Ġw 6,11. 14Din kienet ġa t-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.#Ġw 20,19-26.
Ġesù u Pietru
15Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?” “Iva, Mulej,” wieġbu, “int taf li nħobbok.” Qallu: “Irgħa l-ħrief tiegħi.” 16Staqsieh għat-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?” “Iva, Mulej,” wieġbu, “int taf li nħobbok.” Qallu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi.”#Atti 20,28; 1 Pt 5,2. 17Għat-tielet darba staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?” Pietru ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba, ‘Tħobbni?’ u qallu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok.” Qallu Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi.#Ġw 16,30. 18Tassew tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!”#2 Pt 1,14. 19Dan qalu biex ifisser b’liema mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla. Imbagħad Ġesù ssokta jgħidlu: “Ejja warajja.”#Ġw 12,33; 18,32.
Ġesù u d-dixxiplu li kien iħobb
20Pietru dar, u ra lid-dixxiplu li kien iħobb Ġesù miexi warajhom, dak id-dixxiplu li waqt l-ikla kien imtedd fuq sider Ġesù u qallu, ‘Mulej, min hu li se jittradik?’#Ġw 13,23-25; 19,26; 20,2; 21,7. 21Pietru, mela, kif ra lil dan, qal lil Ġesù: “U dan, Mulej, x’se jsir minnu?” 22Ġesù qallu: “Inti x’inhi affarik jekk jiena rridu jibqa’ sa ma niġi? Int imxi warajja!”#Mt 16,28. 23B’hekk ġriet ix-xniegħa fost l-aħwa li dak id-dixxiplu ma kienx se jmut. Madankollu Ġesù ma qalx li ma kienx se jmut, imma biss, ‘Jekk irridu jibqa’ sa ma niġi, inti x’inhi affarik#21,23: Inti x’inhi affarik: dan il-kliem ma nsibuhx f’xi manuskritti.?’
Ix-xhieda tad-Dixxiplu
24Dan huwa d-dixxiplu li qiegħed jagħti xhieda għal dan kollu u li kiteb dawn il-ħwejjeġ, u aħna nafu li x-xhieda tiegħu hi minnha.#Ġw 19,35.
25Iżda hemm ukoll bosta ħwejjeġ oħra li għamel Ġesù. Li kieku wieħed kellu jikteb kollox ħaġa b’ħaġa, naħseb li anqas id-dinja stess ma kienet tesagħhom il-kotba li kienu jinkitbu.#Ġw 20,30.

Currently Selected:

ĠWANNI 21: MB20

Tõsta esile

Share

Kopeeri

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in