Logo de YouVersion
Ícono Búsqueda

ISAIJA 48

48
Kapitlu 48
L-ingratitudni ta’ Iżrael
1Isimgħu dan, dar Ġakobb,
intom li ġġibu isem Iżrael,
intom li ħriġtu mill-ġewwieni ta’ Ġuda,
intom li taħilfu b’isem il-Mulej,
u tfaħħru l-isem ta’ Alla ta’ Iżrael,
imma mhux bis-sinċerità u lanqas bis-sewwa.#Ġer 5,2.
2Mill-belt qaddisa jissemmew,
u fuq Alla ta’ Iżrael iserrħu,
Jaħweh tal-eżerċti jismu.
3“Minn żmien il-qedem ħabbart il-ġrajjiet,
ħarġu minn fommi, u jien semmajthom,
u jien għamilthom minnufih, u seħħew ilkoll.
4Għax kont naf li int rasek iebsa,
għonqok għerq tal-ħadid, u ġbinek bronż.#Eż 32,9.
5Sa mill-qedem ħabbarthomlok,
qabel ma seħħew semmajthomlok
li ma tmurx tgħid:
‘L-idolu tiegħi għamilhom,
ix-xbieha minquxa u mdewba ordnathom.’#Is 42,9.
6Int smajt u rajt dan kollu,
u issa ma tridx ixxandru?
Minn issa ’l quddiem insemmgħek ħwejjeġ ġodda,
ħwejjeġ mistura li int ma tafhomx.
7Inħolqu issa, u mhux żmien ilu;
u qabel żmienhom int ma smajtx bihom,
li ma tmurx tgħid: ‘Arani, jien kont naf bihom.’
8Int qatt ma smajt, int qatt m’għaraft;
lanqas qatt ma ftaħt widnejk.
Kont naf li int qarrieq,
u sa mill-ġuf sejħulek: ‘Xewwiex.’#Is 1,2; 43,22-24.
9Minħabba f’ismi ma nżommx għadbi,
u minħabba ġieħi nitrażżan għalik,
biex ma neqirdekx.
10Arani, jien saffejtek mhux bħall-fidda;
ippruvajtek fil-forn tan-niket.#Is 1,25; Ġer 6,29-30; Żak 13,9; Mal 3,2.
11Minħabba fija, minħabba fija nagħmel dan.
Għax għandu jitkasbar ismi?
Is-sebħ tiegħi lil ħaddieħor ma nagħtihx.”#Is 42; Eżek 36,22.
Il-Mulej jifdi lil Iżrael
12“Ġakobb, ismagħni,
u int Iżrael, li jien sejjaħt.
Jiena hu, Jiena l-ewwel, u Jiena l-aħħar.#Is 41,4; 44,6; 48,12; Apk 1,8-17; 2,8; 22,13.
13Idejja sejsu l-art,
u leminti firxet is-smewwiet.
Jiena nsejħilhom,
u huma jfeġġu lkoll flimkien.#Is 40,22-26; 45,12-18; Rum 4,17.
14Inġabru lkoll u isimgħu!
Min minnhom ħabbar dan?
Il-Mulej iħobbu u hu#48,14: Hu: is-sultan Ċiru. jagħmel ir-rieda tiegħu
fuq Babilonja u nisel il-Kaldin.
15Jiena, jiena tkellimt u sejjaħtlu wkoll,
jiena ġibtu u nġiblu r-riżq fi triqtu.
16Ersqu lejja u isimgħu dan:
Sa mill-bidu ma tkellimtx bil-moħbi,
u meta seħħew il-ġrajja jien kont hemm.”
U issa Sidi l-Mulej bagħat lili u l-ispirtu tiegħu.#Is 45,19.
17Dan jgħid il-Mulej, il-feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ Iżrael;
“Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek;
jien ngħallmek għall-ġid tiegħek,
u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi.#Is 41,14.
18Li kieku tajt widen għall-kmandamenti tiegħi,
kien ikun bħal xmara sliemek,
u sedqek bħal mewġ tal-baħar;
19In-nisel tiegħek bħar-ramel,
l-għelejjel ta’ ġewwenik bħat-trab,
u ismek la jitħassar u la jinqered minn quddiemi.”#Ġen 15,5; 22,17.
20Oħorġu minn Babilonja,
aħarbu mill-Kaldin.
B’leħen l-għana ħabbruha, u xandruha;
xandruha sa truf l-art u għidu:
“Feda l-Mulej lil Ġakobb, il-qaddej tiegħu.”#Is 41,8; Ġer 50,8; 51,45; Apk 18,4.
21Għaddiehom mid-deżert u ma ħadhomx l-għatx;
ilma mill-blat nixxielhom,
xaqqilhom il-blat u gelglilhom l-ilma.#Eż 17,6; Num 20,11; S 78,15-16.
22Għall-ħżiena, m’hemmx sliem, jgħid il-Mulej.#Is 57,21.

Actualmente seleccionado:

ISAIJA 48: MB20

Destacar

Compartir

Copiar

None

¿Quieres guardar tus resaltados en todos tus dispositivos? Regístrate o Inicia sesión

Video de ISAIJA 48