YouVersion Logo
Search Icon

RUMANI 13

13
Kapitlu 13
Ubbidjenza lill-awtorità
1Kull bniedem għandu jobdi lill-awtorità ta’ fuqu. Ma hemmx awtorità jekk mhix ġejja minn Alla; u l-awtoritajiet li hemm, qegħdin hemm bl-ordni ta’ Alla.#Prov 8,15; Ġw 19,11; Tit 3,1. 2Għalhekk, dawk li jeħduha kontra l-awtorità jkunu qegħdin jeħduha kontra l-ordni mwaqqaf minn Alla; u dawk li jeħduha kontra Alla, ikunu qegħdin jiġbdu l-kundanna fuqhom infushom. 3Jibżgħu mill-awtoritajiet mhux dawk li jagħmlu t-tajjeb, iżda dawk li jagħmlu l-ħażin. Trid ma tibżax minn min għandu s-setgħa? Agħmel it-tajjeb, u jkollok it-tifħir mingħandu.#1 Pt 2,13-14. 4Għax qaddej ta’ Alla hu għall-ġid tiegħek. Jekk inti tagħmel il-ħażin, ibża’ minnhom. Mhux għal xejn li l-kap iġib ix-xabla; hu l-ministru ta’ Alla biex jikkastiga u jitħallas minn min jagħmel il-ħażen. 5Għalhekk jeħtieġ li toqogħdu għall-awtoritajiet, mhux biss minħabba l-korla, imma wkoll minħabba l-kuxjenza. 6Għalhekk ukoll ħallsu t-taxxi; għax l-awtoritajiet huma uffiċjali ta’ Alla għal dan ix-xogħol. Meta jagħmlu dan, ikunu qegħdin jaqdu dmirhom.
7Agħtu lil kulħadd dak li ħaqqu, taxxi lil min imissu t-taxxi, dazju lil min imissu d-dazju, rispett lil min imissu r-rispett, ġieħ lil min imissu l-ġieħ.#Mt 22,21; Mk 12,17; Lq 20,25.
Ħobbu lil xulxin
8Tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil xulxin. Kull min iħobb ikun iħares il-bqija tal-Liġi.#Gal 5,14; 1 Tim 1,5. 9Għax il-kmandamenti: “La tagħmilx adulterju, la toqtolx, la tisraqx, la tkunx rgħib,” u kull preċett ieħor, hu liema hu, kollha jinġabru f’kelma waħda: “Ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”#Eż 20,13-17; Lev 19,18; Dt 5,17-21; Mt 5,43; 19,18-19; 22,39; Mk 12,31; Lq 10,27; Gal 5,14; Ġak 2,8. 10L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi.#Mt 22,40.
Inqumu min-ngħas
11Barra minn dan, intom tafu f’liema żmien qegħdin. Waslet is-siegħa li intom tqumu min-ngħas; għax is-salvazzjoni tagħna hi eqreb minn meta bdejna nemmnu.#Ef 5,14; 1 Tess 5,6-7. 12Il-lejl għoddu għadda, u qorob il-jum. Inwarrbu mela l-għemil tad-dlam u nilbsu l-armi tad-dawl.#Ef 5,11; 1 Ġw 2,8. 13Ngħixu kif jixraq, bħal f’binhar; mhux bl-ikel iż-żejjed u s-sokor, mhux biż-żina u t-tbahrid, mhux bil-ġlied u l-għira.#Lq 21,34; 5,18. 14Imma ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu u ħallukom mill-ħsieb tal-ġisem u l-ġibdiet tiegħu.#Gal 3,27.

Currently Selected:

RUMANI 13: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in