YouVersion Logo
Search Icon

MARK 9

9
Kapitlu 9
1Qalilhom ukoll: “Tassew ngħidilkom, li hawn xi wħud minnkom li qegħdin hawn, li żgur ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw il-wasla tas-Saltna ta’ Alla, mogħnija bil-qawwa.”#Mk 13,30.
It-Trasfigurazzjoni
(Mt 17,1-8; Lq 9,28-36)
2Sitt jiem wara Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom.#2 Pt 1,17-18. #Mt 10,2; Mk 1,29; 3,16-17; 5,37; 13,3; 14,33; Lq 5,10; 6,14; 8,51. 3Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. 4U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù. 5Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.” 6Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom. 7Imbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.”#Dt 18,15; Mt 3,17; Mk 1,11; Lq 3,22; Atti 3,22; Atti 3,22; 2 Pt 1,17. 8Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.
9Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.#Mt 12,16; Mk 8,30. 10Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser ‘tqum mill-imwiet’. 11Staqsewh u qalulu: “Għaliex jgħidu l-kittieba li l-ewwel għandu jiġi Elija?”#Mal 3,23. 12“Tassew,” weġibhom, “l-ewwel għandu jiġi Elija#9,12: Elija: ara nota Mt 11,14., u jerġa’ jqiegħed kollox f’postu. Mela kif inhu miktub fuq Bin il-bniedem li għandu jbati ħafna u jkun imżeblaħ?#S 22,1-18; Is 53,2. 13Imma ngħidilkom: Elija ġa ġie, u huma ġiebu rwieħhom miegħu kif għoġobhom, bħalma hemm miktub fuqu.”#Mt 11,14.
Ġesù jfejjaq tifel u jeħilsu mix-xitan
(Mt 17,14-20; Lq 9,37-42)
14Meta reġgħu ġew ħdejn id-dixxipli l-oħra, rawhom b’kotra kbira ta’ nies madwarhom, u xi kittieba jitlewmu magħhom. 15In-nies, kif rawh, ilkoll stagħġbu ħafna u ġrew lejh biex isellmulu. 16U hu staqsiehom: “Fuqiex qegħdin titlewmu magħhom?” 17U wieħed mill-kotra qallu: “Mgħallem, ġibtlek lil ibni għax għandu spirtu mbikkem. 18U kull fejn jaħkmu jsabbtu mal-art u hu joħroġ ir-ragħwa minn ħalqu, jgħażżeż snienu u jibbies. Għedt lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh minnu, u ma kellhomx ħila.” 19“Ja nies bla fidi,” qalilhom Ġesù, “kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum nissaportikom? Ġibuhuli quddiemi.” 20U ressquhulu quddiemu. L-ispirtu, malli lemaħ lil Ġesù, beda jħabbtu ’l hawn u ’l hemm bir-ragħwa f’ħalqu. 21“Xi kemm ilu jagħtih hekk?” staqsa Ġesù lil missieru. “Minn ċkunitu,” qallu, 22“u sikwit ġie li tefgħu fin-nar u fl-ilma biex jeqirdu. Imma int, jekk tista’ tagħmel xi ħaġa, għinna u ħenn għalina!” 23“Jekk tista’!” qallu Ġesù. “Kollox jista’ jkun għal min jemmen!”#Mt 21,21; Mk 11,23-24; Lq 17,6. 24Missier it-tifel minnufih beda jgħajjat u jgħidlu: “Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi!”#Lq 17,5. 25Ġesù, meta ra l-kotra tiżdied, hedded bl-aħrax lill-ispirtu ħażin u qallu: “Ja spirtu mbikkem u trux, jiena nordnalek: oħroġ minnu, u la terġax tidħol fih, qatt iżjed!” 26U filwaqt li qabad jixher u jħabbtu ħafna, ħareġ minnu, u t-tifel inxteħet għal mejjet, hekk li l-kotra tan-nies bdiet tgħid: “Miet!”#Mk 1,26. 27Imma Ġesù qabdu minn idu u qajmu, u hu waqaf fuq saqajh.#Mk 9,25; Mk 1,31; 5,41; Lq 8,54; Atti 3,7. 28Meta mbagħad Ġesù raġa’ daħal id-dar, id-dixxipli tiegħu staqsewh rasu u rashom: “Għaliex ma rnexxilniex inkeċċuh?” 29“Spirtu bħal dak,” qalilhom, “ma jista’ jitkeċċa b’xejn ħlief bit-talb.”
It-tieni taħbira tal-mewt u tal-qawmien
(Mt 17,22-23; Lq 9,43-45)
30Telqu minn hemm u għaddew minn nofs il-Galilija, u ma ried li ħadd ikun jaf, 31għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt.”#Mt 16,21; 20,18-19; Mk 8,31; 10,33-34; Lq 18,32-33; 24,7. 32Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.
Min hu l-akbar fis-Saltna tas-Smewwiet
(Mt 18,1-5; Lq 9,46-48)
33Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?” 34Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.#Lq 22,24. 35Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd.”#Mt 20,26-27; 23,11; Mk 10,43-44; Lq 22,26. 36U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: 37“Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni.”#Mt 10,40; Lq 10,16; Ġw 13,20.
Min mhuwiex kontra Ġesù
(Lq 9,49-50; Mt 10,42)
38“Mgħallem,” qallu Ġwanni, “wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna.” 39Imma Ġesù qal: “La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. 40Għax min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna.#Mt 12,30; Lq 11,23.
41“Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu.”
L-iskandlu
(Mt 18,6-9; Lq 17,1-2)
42“Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar. 43U jekk idek#9,43: U jekk idek: Xi manuskritti jżidu v.44 li hu ripetizzjoni tal-v.48. hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda fil-ħajja, milli li tmur b’idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex.#Mt 5,30. 45U jekk riġlek#9,45: U jekk riġlek: Xi manuskritti jżidu v.46 li hu ripetizzjoni oħra tal-v.48. hu għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtgħu barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’riġel wieħed fil-ħajja, milli tinxteħet b’riġlejk it-tnejn fl-infern. 47U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’għajn waħda fis-Saltna ta’ Alla milli tinxteħet b’għajnejk it-tnejn fl-infern#9,47: Fl-infern: litteralment ġeħenna, il-wied ta’ Geħinnom fejn kien hemm il-miżbla dejjem tħeġġeġ li saret is-simbolu tal-infern fis-sens modern.,#Mt 5,29. 48fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex.#Is 66,24. 49Għax kulħadd ikun immellaħ bin-nar.
50“Tajjeb il-melħ; iżda jekk il-melħ jaqta’, biex terġgħu tagħtuh it-togħma tiegħu? Fittxu li jkollkom melħ fikom infuskom u li tgħixu fis-sliem bejnietkom.”#Mt 5,13; Lq 14,34; Rum 12,18; 1 Tess 5,13.

Currently Selected:

MARK 9: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in