YouVersion Logo
Search Icon

MARK 8

8
Kapitlu 8
Ġesù jitma’ erbat elef
(Mt 15,32-39)
1F’dawk il-jiem, reġgħet inġabret kotra kbira u ma kellhomx x’jieklu, sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom:#Mt 14,14-21; Mk 6,35-44; Lq 9,12-17; Ġw 6,5-13. 2“Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax ġa ilhom miegħi tlitt ijiem, u ma għandhom xejn x’jieklu. 3Jekk inħallihom imorru sajmin lejn djarhom, żgur iħosshom ħażin fit-triq, għax xi wħud minnhom ġew mill-bogħod.” 4Id-dixxipli tiegħu weġbuh: “F’deżert bħal dan minn fejn jista’ wieħed ixabba’ lil dawn in-nies kollha bil-ħobż?” 5Hu staqsiehom: “Xi kemm għandkom ħobż?” Qalulu: “Sebgħa.” 6Imbagħad qal lin-nies kollha jinxteħtu bilqiegħda fl-art, ħa s-seba’ ħobżiet, radd il-ħajr, qasamhom u tahom lid-dixxipli tiegħu biex inewluhom lin-nies, u huma newluhomlhom. 7U kellhom ukoll xi ftit ħut żgħir; berikhom, u ried li jitnewlu dawn ukoll. 8U kielu u xebgħu; u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal, sebat iqfief! 9U kien hemm madwar l-erbat elef ruħ! 10Imbagħad bagħathom. U minnufih tala’ fuq dgħajsa flimkien mad-dixxipli tiegħu u mar lejn l-inħawi ta’ Dalmanuta#8,10: Dalmanuta: belt jew raħal ma nafux sew fejn kien..
Il-Fariżej jitolbu sinjal mis-sema
(Mt 16,1-4)
11Ġew il-Fariżej u bdew iħaqquha miegħu; u, biex iġarrbuh, talbuh sinjal mis-sema.#Mt 12,38; 16,1; Lq 11,16; Ġw 6,30. 12Hu tniehed tnehida fih innifsu u qal: “Għalfejn irid sinjal dan in-nisel? Tassew ngħidilkom, ebda sinjal ma jingħatalu dan in-nisel.”#Mt 12,39; Lq 11,29. 13U telaqhom, raġa’ tala’ fuq id-dgħajsa u mar ix-xatt l-ieħor.
Il-ħmira tal-Fariżej u ta’ Erodi
(Mt 16,5-12)
14U nsew jieħdu l-ħobż, u ma kellhomx ħlief ħobża waħda magħhom fid-dgħajsa. 15Hu wissiehom u qalilhom: “Iftħu għajnejkom, oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u mill-ħmira ta’ Erodi!”#Lq 12,1. 16Huma bdew jgħidu bejniethom: “Dan għax m’għandniex ħobż.” 17Ġesù induna u qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom li ma għandkomx ħobż. Għadkom ma ntbaħtux u ma fhimtux? X’ebusija ta’ ras għandkom?#6,52. 18Għandkom għajnejn u ma tarawx? Għandkom widnejn u ma tisimgħux? Ma tiftakrux#Ġer 5,21; Eżek 12,2; Mk 4,12; Atti 28,26. 19meta qassamt il-ħames ħobżiet bejn il-ħamest elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu mimlija bil-bċejjeċ li kien fadal?” Qalulu: “Tnax.”#Mt 14,15-21; Lq 9,12-17; Ġw 6,5-13. 20“Meta qassamt is-seba’ ħobżiet bejn l-erbat elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu bil-bċejjeċ li kien fadal?” Qalulu: “Sebgħa.”#Mt 15,32-38; Mk 8,1-9. 21“U għadkom ma fhimtux?” qalilhom.
Ġesù jfejjaq raġel agħma f’Betsajda
22Waslu Betsajda, u ħadulu quddiemu raġel agħma u talbuh imissu.#Mk 7,32-33. 23Qabad l-agħma minn idu u ħadu barra mir-raħal, beżaqlu f’għajnejh, qiegħed idejh fuqu u staqsieh: “Qiegħed tara xi ħaġa?”#Ġw 9,6. 24Dak ħares ’il fuq u qal: “Qiegħed nara n-nies, imma qiegħed narahom donnhom siġar mexjin.” 25Imbagħad raġa’ qegħedlu idejh fuq għajnejh, u beda jara ċar: u kien imfejjaq, hekk li sar jara kollox tajjeb mill-bogħod ukoll. 26Bagħtu lura lejn daru, u qallu: “Qis li ma tgħid xejn meta tmur ir-raħal.”
Stqarrija tal-fidi minn Pietru
(Mt 16,13-20; Lq 9,18-21)
27Telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta’ Ċesarija ta’ Filippu#8,27: Ċesarija ta’ Filippu: din il-belt, illum Banijas, kienet xi 40 km lejn it-Tramuntana tal-għadira tal-Galilija. Erodi Filippu, tetrarka tat-Trakonija, bnieha mill-ġdid u semmieha għall-imperatur u għalih innifsu: kienu jgħidulha ta’ Filippu biex jagħżluha minn Ċesarija li Erodi kien bena fuq xatt il-Mediterran.. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: “Min jgħidu n-nies li jien?” 28Weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti.”#Mk 6,14-15; Lq 9,7-8. 29“Imma intom,” staqsiehom, “intom min tgħidu li jien?” Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija.” 30Imbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu.#Mk 9,9.
L-ewwel taħbira tal-mewt u tal-qawmien
(Mt 16,21-23; Lq 9,22)
31U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum.#Mt 17,12; Mk 9,12; Lq 17,25. 32Fuq dan kellimhom ċar. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu. 33Iżda hu dar iħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!”
34Sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja.#Lq 14,27. 35Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha.#Mt 10,39; Lq 17,33; Ġw 12,25. 36Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? 37Xi prezz jista’ jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? 38Għax jekk xi ħadd, minn dan in-nisel żieni u midneb tal-lum, għad jistħi minni u minn kliemi, Bin il-bniedem ukoll għad jistħi minnu meta jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien mal-anġli mqaddsa.”#Mt 10,33; Lq 12,9.

Currently Selected:

MARK 8: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in