YouVersion Logo
Search Icon

MARK 2

2
Kapitlu 2
Ġesù jfejjaq wieħed mifluġ
(Mt 9,1-8; Lq 5,17-26)
1Meta wara xi ġranet daħal Kafarnahum, in-nies semgħet li kien id-dar#2,1: Kien id-dar: ara nota Mt 13,1.. 2U nġabru bosta, hekk li ma kienx hemm fejn joqogħdu iżjed, anqas quddiem il-bieb. U qagħad ixandrilhom il-kelma#2,2: Il-Kelma: L-Evanġelju, l-aħbar tas-salvazzjoni.. 3U marru ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, merfugħ minn erbgħa min-nies. 4Billi ma setgħux jersqu sa ħdejh minħabba l-kotra, qalgħu s-saqaf ta’ fuqu, fetħu toqba, u niżżlu minnha l-friex li fuqu kien mimdud il-mifluġ. 5Meta ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: “Ibni, dnubietek maħfura.”#Lq 7,48. 6Mela kien hemm bilqiegħda xi wħud mill-kittieba, u f’qalbhom bdew jgħidu: 7“Dan kif qiegħed jitkellem hekk? Dan qiegħed jidgħi! Min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla biss?”#S 103,3; Is 43,25; 1 Ġw 1,9. 8Malli Ġesù ntebaħ fih innifsu x’kienu qegħdin jgħidu bejnhom u bejn ruħhom qalilhom: “Għaliex qegħdin taħsbu hekk f’qalbkom?#Mt 16,8. 9X’inhu l-eħfef, tgħid lill-mifluġ, ‘Dnubietek maħfura’, jew tgħidlu, ‘Qum u aqbad friexek u imxi’? 10Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art,” qal lill-mifluġ, 11“Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek.” 12Dak qam, qabad malajr friexu, u ħareġ ’il barra quddiem kulħadd. U kulħadd stagħġeb, u bdew ifaħħru lil Alla u jgħidu: “Ħwejjeġ bħal dawn qatt ma rajniehom.”#Mt 9,33.
Is-sejħa ta’ Levi
(Mt 9,9-13; Lq 5,27-32)
13Raġa’ ħareġ lejn xatt il-baħar, u n-nies kollha resqu lejh, u hu qagħad jgħallimhom. 14Hu u għaddej lemaħ lil Levi ta’ Alfew#2,14: Levi ta’ Alfew: Kafarnahum (ara nota Mt 4,13), billi kienet fuq il-fruntiera, kienet belt tad-dwana. Levi kien wieħed mill-pubblikani li kienu jiġbru t-taxxi. bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi. “Ejja warajja,” qallu. Dak qam u mar warajh.#Mt 4,20-22; 8,22; Mk 10,21; Lq 18,22; Ġw 1,4; 3,21. 15U ġara li kif kien fuq il-mejda fid-dar tiegħu, bosta pubblikani u midinbin qagħdu madwar il-mejda ma’ Ġesù, u mad-dixxipli tiegħu; għax kien hemm ħafna li bdew imorru warajh. 16Il-kittieba tal-Fariżej, kif rawh jiekol mal-midinbin u mal-pubblikani, qalu lid-dixxipli tiegħu: “Dan għaliex jiekol mal-pubblikani u mal-midinbin?”#Mt 11,19; Lq 7,34; 15,1-2. 17Ġesù semagħhom u qalilhom: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda l-midinbin.”
Mistoqsija fuq is-sawm
(Mt 9,14-17; Lq 5,33-39)
18Darba waħda d-dixxipli ta’ Ġwanni u l-Fariżej kienu sajmin, u ġew u qalu lil Ġesù: “Għaliex id-dixxipli ta’ Ġwanni u d-dixxipli tal-Fariżej isumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?” 19Qalilhom Ġesù: “Huwa l-ħbieb tal-għarus se jsumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Sakemm ikollhom l-għarus magħhom mhumiex se jsumu. 20Imma jasal il-jum meta l-għarus jitteħdilhom, u mbagħad isumu dak inhar. 21Ħadd ma jraqqa’ mantar qadim b’biċċa drapp ġdida, għax inkella r-roqgħa l-ġdida ssellet il-qadim, u t-tiċrita tikber. 22U ħadd ma jqiegħed l-inbid il-ġdid f’damiġġani#2,22: Damiġġani: kelma teknika li tfisser iż-żaqq li fiha jżommu l-inbid. qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid jifqa’ d-damiġġani, u jintilef kemm l-inbid u kemm id-damiġġani. Iżda nbid ġdid jitqiegħed f’damiġġani ġodda!”
Id-dixxipli jaqtgħu s-sbul is-Sibt
(Mt 12,1-8; Lq 6,1-5)
23Ġara li darba s-Sibt kien għaddej minn għalqa miżrugħa, u d-dixxipli tiegħu, huma u mexjin, bdew jaqtgħu s-sbul.#Dt 23,26. 24U l-Fariżej staqsewh: “Ara, għaliex qegħdin jagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt?” 25U hu qalilhom: “Qatt ma qrajtu x’għamel David meta kien fil-ħtieġa u ħadu l-ġuħ, hu u dawk li kienu miegħu,#1 Sam 21,1-7. 26kif daħal fid-dar ta’ Alla, fi żmien il-qassis il-kbir Abjatar, u kiel il-ħobż tal-preżenza#2,26: Il-ħobż tal-preżenza: dawn kienu t-tnax-il ħobża li l-qassisin kienu jqiegħdu kull nhar ta’ Sibt fuq il-mejda fil-kamra ta’ barra tas-santwarju fit-tempju; ara Lev 24,5-9. ta’ quddiem il-Mulej, li ħadd ma kien jista’ jieklu ħlief il-qassisin, u ta minnu wkoll lil min kien miegħu?”#Lev 24,5-9; 2 Sam 15,35. 27U qalilhom: “Is-Sibt kien magħmul għall-bniedem, u mhux il-bniedem għas-Sibt.#Eż 20,8-10; Dt 5,12-14. 28Għalhekk Bin il-bniedem tas-Sibt ukoll huwa sid.”

Currently Selected:

MARK 2: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in