YouVersion Logo
Search Icon

MARK 3

3
Kapitlu 3
Ir-raġel b’idu niexfa
(Mt 12,9-14; Lq 6,6-11)
1Raġa’ daħal fis-sinagoga, u kien hemm raġel li kellu idu niexfa. 2U qagħdu jgħassulu jekk ifejqux f’jum is-Sibt, biex ikollhom fuqiex jixluh. 3Imma hu qal lir-raġel li kellu idu niexfa: “Qum, ejja fin-nofs.” 4Imbagħad staqsa lilhom: “X’jiswa li tagħmel nhar ta’ Sibt, ġid jew deni? Issalva ħajja jew toqtolha?” Iżda huma baqgħu siekta. 5U xeħet ħarsa qalila madwaru fuqhom, imnikket għall-aħħar minħabba l-ebusija ta’ qalbhom, u qal lir-raġel: “Midd idek.” Dak meddha, u idu reġgħet ġiet f’saħħitha.#Mk 6,52; 8,17; Ġw 12,40; Rum 11,25; Ef 4,18. 6U l-Fariżej ħarġu; minnufih bdew jiftiehmu mal-Erodjani#3,6: Erodjani: grupp ta’ nies li kienu jżommu mal-familja ta’ Erodi, u kienu mxaqilba sewwa lejn ir-Rumani u għalhekk il-Fariżej ma kinux jaħmluhom. kontra tiegħu kif jeqirduh.#Mt 22,15-16; Mk 12,13.
Kotra kbira f’xatt il-baħar
(Mt 12,15-16)
7Ġesù telaq flimkien mad-dixxipli tiegħu għan-naħa tal-baħar, u kotra kbira mill-Galilija marret warajh; u mil-Lhudija#3,7: Lhudija: il-Palestina tan-Nofsinhar.,#Mt 4,25. 8minn Ġerusalemm, mill-Idumija#3,8: Idumija: in-naħa tan-Nofsinhar tal-Lhudija. Tir u Sidon: ara nota Mt 11,22., min-naħa l-oħra tal-Ġordan, u mill-inħawi ta’ Tir u Sidon, kotra kbira ta’ nies, li semgħu b’kulma kien għamel, marru ħdejh. 9Hu qal lid-dixxipli tiegħu biex iżommulu dgħajsa mħejjija fil-qrib minħabba l-kotra, biex ma jagħfsux fuqu;#Mk 4,1; Lq 5,3. 10għax billi kien fejjaq ħafna nies dawk kollha li kellhom xi mard kienu jrossu fuqu biex imissuh.#Mt 14,36; Mk 6,56. 11U l-ispirti ħżiena kull darba li kienu jilmħuh, kienu jinxteħtu fl-art quddiemu u jaqbdu jgħajtu: “Int l-Iben ta’ Alla!”#Mk 1,34; Lq 4,41. 12Iżda hu kien jordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien.
Ġesù jagħżel it-Tnax
(Mt 10,1-4; Lq 6,12-16)
13Tela’ fuq l-għolja u sejjaħ lejh lil dawk li ried. Huma resqu lejh, 14u għażel tnax li semmiehom appostli biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jippridkaw, 15u jkollhom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten. 16Għażel mela t-Tnax: Xmun, li tah ukoll l-isem ta’ Pietru,#Mt 16,17-18; Ġw 1,42. 17u Ġakbu ta’ Żebedew, u Ġwanni, ħu Ġakbu, li tahom ukoll l-isem ta’ Boanerges, jiġifieri wlied ir-ragħad,#Lq 9,54. 18u Indrì, u Filippu, u Bartilmew, u Mattew, u Tumas, u Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew, u Xmun il-Kanani#3,18: Il-Kanani: ara nota Mt 10,4., 19u Ġuda l-Iskarjota#3,19: L-Iskarjota: ara nota Mt 10,4., dak li ttradieh.#Mt 26,25; 27,3; Ġw 18,2.5.
Ġesù u Begħelżebul
(Mt 12,22-32; Lq 11,14-23; 12,10)
20Imbagħad mar id-dar#3,20: Mar id-dar: ara 1,29; 2,1, u l-kotra reġgħet inġemgħet, hekk li anqas biss setgħu jieklu.#Mk 6,31. 21Qrabatu, malli semgħu, ħarġu biex iżommuh, għax qalu li tilef moħħu.
22Il-kittieba li kienu niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: “Dan għandu fih lil Begħelżebul#3,22: Begħelżebul: ara nota Mt 10,25.,” u wkoll, “Dan bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċihom ix-xjaten.”#Mt 9,34. 23Hu sejħilhom lejh u beda jkellimhom bil-parabboli: “Kif jista’ x-Xitan ikeċċi x-Xitan? 24Jekk saltna tinqasam fiha nfisha, dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa. 25U jekk familja tinqasam fiha nfisha, dik il-familja ma tistax iżżomm wieqfa. 26Li kieku mela x-Xitan qam kontra tiegħu nnifsu u nfired, ma kienx jista’ jżomm sħiħ, imma jkun wasal fit-tmiem. 27Ħadd ma jista’ jidħol fid-dar ta’ wieħed qawwi u jaħtaflu ġidu jekk qabel ma jkunx rabat lil dak il-qawwi; imbagħad id-dar jaħtafhielu żgur. 28Tassew ngħidilkom, kollox jinħafrilhom lil ulied il-bniedem, id-dnubiet u d-dagħa kollu li jidgħu. 29Imma min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jkollu qatt maħfra; jibqa’ ħati għal dejjem.” 30Għax kienu qalu: “Għandu fih spirtu ħażin.”#Ġw 7,20; 8,48-52; 10,20.
Omm Ġesù u ħutu
(Mt 12,46-50; Lq 8,19-21)
31Darba ġew ommu u ħutu#3,31: Ħutu: ara nota Mt 12,43., baqgħu barra u bagħtu jsejħulu.#Mk 6,3; Ġw 2,12; Atti 1,14. 32Dak il-ħin kien hemm ħafna nies bilqiegħda madwaru. “Ara,” qalulu, “ommok u ħutek qegħdin hemm barra u jriduk.” 33U hu weġibhom: “Min huma ommi u ħuti?” 34Imbagħad dawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bilqiegħda, u qal: “Dawn, ara, huma ommi u ħuti. 35Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi.”#Ġw 7,17; 9,31.

Currently Selected:

MARK 3: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in