YouVersion Logo
Search Icon

MARK 16

16
Kapitlu 16
Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet
(Mt 28,1-18; Lq 24,1-12; Ġw 20,1-10)
1Meta għadda s-Sibt, Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salomi xtraw xi fwejjaħ#16,1: Fwejjaħ: ara nota 14,8. biex imorru jidilkuh bihom. 2U kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx marru ħdejn il-qabar.
3U bdew jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?” 4Iżda meta ħarsu, raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb; kienet ġebla kbira ħafna. 5Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda; u nħasdu. 6Imma hu qalilhom: “Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, mhuwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh. 7Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu, u lil Pietru, li hu sejjer fil-Galilija qabilkom; tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom.”#Mt 26,32; Mk 14,28. 8U huma ħarġu#16,8: U huma ħarġu: Ħafna manuskritti antiki jagħlqu l-Evanġelju ta’ San Mark hawn u jħallu barra l-vv.9-20. Manuskritt wieħed biss, wara l-v.8, jagħlaq l-Evanġelju hekk: U huma għaddew dawn it-twissijiet lil Pietru u lil sħabu. Wara dan, Ġesù nnifsu xerred permezz tagħhom mil-Lvant għall-Punent l-Evanġelju tas-salvazzjoni li ma tintemm qatt għal dejjem. Ammen. ’l barra u tbiegħdu b’ġirja waħda mill-qabar, għax kellhom rogħda fuqhom u baqgħu mbellhin bil-biża’. U ma qalu xejn lil ħadd, għax beżgħu.
Ġesù jidher lil Marija ta’ Magdala
(Mt 28,9-10; Ġw 20,11-18)
9Wara li qam mill-mewt filgħodu kmieni fl-ewwel jum tal-ġimgħa Ġesù deher l-ewwel lil Marija ta’ Magdala, li minnha kien keċċa seba’ xjaten.#Lq 8,2. 10Din marret tħabbar kollox lil sħabu, li kienu qalbhom sewda u jibku. 11Imma dawn, meta semgħuha tgħid li hu kien ħaj u li ratu, ma emmnuhiex.
Ġesù jidher lil żewġ dixxipli
(Lq 24,13-35)
12Wara dan, wera ruħu taħt sura oħra lil tnejn minnhom huma u sejrin bil-mixi lejn ir-raba’. 13U huma reġgħu lura u taw l-aħbar lill-oħrajn, imma anqas lil dawn ma emmnuhom.
Ġesù jagħti l-missjoni lill-Appostli
(Mt 28,16-20; Lq 24,36-49; Ġw 20,19-23; Atti 1,6-8)
14Fl-aħħar wera ruħu lill-Ħdax stess waqt li kienu fuq il-mejda, u ċanfarhom talli kienu nieqsa mill-fidi u hekk rashom iebsa#16,14: Rashom iebsa: litteralment qalbhom iebsa. li ma emmnux lil dawk li kienu rawh wara li qam mill-mewt. 15U qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. 16Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.#Atti 2,38; 16,31-33. 17U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda,#Atti 2,4-11; 8,7; 10,46; 16,18; 19,6; 1 Kor 14,2-40. 18jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.”#Lq 10,19; Atti 4,30; 5,16; 8,7; 28,3-6; Ġak 5,14-15.
It-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema
(Lq 24,50-53; Atti 1,3-14)
19U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla.#2 Slat 2,11; S 110,1; Mt 22,14; 26,54; Mk 12,36; 14,62; Lq 20,42; 22,69; Atti 1,9-11; 2,33-34; 5,31; 7,55-56; Rum 8,34; Ef 1,20; Kol 3,1; Lhud 1,3-13; 8,1; 10,12; 12,2; 1 Pt 3,22. 20Huma mbagħad marru jippridkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.#Atti 14,3; Lhud 2,3-4.

Currently Selected:

MARK 16: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in