YouVersion Logo
Search Icon

MARK 15

15
Kapitlu 15
Ġesù quddiem Pilatu
(Mt 27,1-2.11-26; Lq 23,1-5.13-25; Ġw 18,28; 19,1.4-16)
1Filgħodu kmieni l-qassisin il-kbar iltaqgħu malajr max-xjuħ u mal-kittieba u mas-Sinedriju kollu biex jiftiehmu bejniethom. Imbagħad rabtu lil Ġesù, ħaduh u tawh f’idejn Pilatu#15,1: Pilatu: ara nota Mt 27,2..#Mt 16,21; 27,41; Mk 8,31; 11,27; 14,45-53.
2Pilatu staqsieh: “Inti s-sultan tal-Lhud?” U hu wieġeb u qallu: “Int qiegħed tgħidu.” 3Il-qassisin il-kbar bdew jaqilgħu ħafna akkużi kontra tiegħu. 4Iżda Pilatu raġa’ staqsieh: “Ma twieġeb xejn? Ara kemm akkużi qegħdin iġibu kontra tiegħek!”#Is 53,7; Mk 14,60-61; Lq 23,9. 5Imma Ġesù ma wieġeb xejn iżjed, hekk li Pilatu baqa’ mistagħġeb.
Ġesù kkundannat għall-mewt
(Mt 27,15-26; Lq 23,13-25; Ġw 18,39—19,16)
6F’nhar ta’ festa kien jitilqilhom wieħed ħabsi, lil dak li kienu jitolbu huma. 7Issa fil-ħabs kien hemm wieħed jismu Barabba, arrestat flimkien max-xewwiexa li fir-rewwixta kienu qatlu lil xi ħadd.
8In-nies telgħu u bdew jitolbuh jagħmel kif kien jagħmlilhom dejjem. 9Qabad Pilatu u qalilhom: “Tridux nitilqilkom is-sultan tal-Lhud?” 10Għax hu għaraf tajjeb li l-qassisin il-kbar kienu tawh lil Ġesù f’idejh minħabba l-għira. 11Iżda l-qassisin il-kbar bdew ixewxu n-nies li aħjar jitilqilhom lil Barabba.#Atti 3,14. 12Pilatu raġa’ staqsiehom u qalilhom: “U x’nagħmel imbagħad b’dak li intom issejħulu s-sultan tal-Lhud?”#Atti 3,13; 13,28; Lq 23,11. 13Iżda huma nfexxew jgħajtu mill-ġdid: “Sallbu!” 14Qalilhom Pilatu: “Imma x’għamel ħażin?” Huma aktar bdew jgħajtu: “Sallbu!” 15Pilatu mbagħad, biex jogħġob lin-nies, telqilhom lil Barabba#15,15: Barabba: ara nota Mt 27,16., u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh.
Is-suldati jżebilħu lil Ġesù
(Mt 27,27-31; Ġw 19,2-3)
16Is-suldati ħaduh magħhom ġewwa fil-palazz, jiġifieri l-Pretorju, u sejħu r-riġment kollu#15,16: U sejħu r-riġment kollu: bil-Grieg speiran, koorti, stakkament ta’ 600 suldat Ruman.. 17Libbsuh ilbies aħmar skur#15,17: Ilbies aħmar skur: il-porpra, ilbies prezzjuż li kienu jilbsuh is-slaten u l-kbarat. Tfisser ukoll kull mantar aħmar skur bħal dak li kienu jilbsu s-suldati Rumani., u qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk. 18U bdew isellmulu: “Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!” 19U qabdu jagħtuh b’qasba fuq rasu, jobżqulu fuqu, u jilwu rkupptejhom quddiemu biex jagħtuh qima. 20Imbagħad, wara li għaddewh biż-żufjett, neżżgħulu l-ilbies aħmar u xeddewlu ħwejġu.
Ġesù msallab
(Mt 27,32-44; Lq 23,26-43; Ġw 19,18-24)
U ħaduh ’il barra biex isallbuh. 21Kien għaddej wieħed, Xmun minn Ċireni, missier Xandru u Rufu, ġej lura mir-raba’, u ġagħluh jerfagħlu s-salib#15,21: Jerfagħlu s-salib: ara nota Mt 27,32.. 22U wassluh f’post jismu Golgota, li jfisser post il-Qorriegħa#15,22: Qorriegħa: ara nota Mt 27,33.. 23U tawh jixrob inbid imħallat bil-mirra#15,23: Inbid imħallat bil-mirra: xorb kalmanti li kienu jisqu lill-ikkundannat biex inaqqsulu l-uġigħ., imma hu ma riedx jieħu minnu.#S 69,21. 24Imbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti ħalli kull wieħed jieħu li jmissu.#S 22,19. 25Kienet it-tielet siegħa#15,25: It-tielet siegħa: litteralment: madwar id-9 ta’ filgħodu. Is-sitt siegħa (v.33) kienet taħbat madwar nofsinhar. Id-disa’ siegħa (v.34) għal xi t-3 ta’ wara nofsinhar; ara nota Mt 20,3. xħin sallbuh. 26Il-kitba li turi l-ħtija tal-kundanna tiegħu kienet tgħid hekk: “Is-sultan tal-Lhud.” 27Miegħu sallbu wkoll żewġ ħallelin#15,27: Ħallelin: aktarx kienu xewwiexa politiċi; ara 3,18: 15,7. Xi wħud mill-manuskritti jżidu v. 28: U hekk seħħet l-Iskrittura li tgħid, ‘Kien magħdud mal-midinbin’ Is 53,12., wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. 29Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajruh, iċaqilqu rashom u jgħidu: “Għajb għalik, int li tħott it-tempju u tfittex terġa’ tibnih fi tlitt ijiem!#S 22,7; 109,25; Lam 2,15; Mk 14,58; Ġw 2,19. 30Inżel minn fuq is-salib u salva lilek innifsek!” 31Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih bejniethom u mal-kittieba u jgħidu: “Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! 32Ħa jinżel issa l-Messija, is-sultan ta’ Iżrael, minn fuq is-salib biex aħna naraw u nemmnu!” U dawk li kienu msallbin miegħu bdew imaqdruh huma wkoll.
Il-mewt ta’ Ġesù
(Mt 27,45-56; Lq 23,44-49; Ġw 19,28-30)
33Xħin saret is-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa.#Għam 8,9. 34U fid-disa’ siegħa Ġesù għajjat b’leħen qawwi: “Eloî, Eloî, lema sabaqtani!”, li jfisser: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni!”#S 22,2-3. 35Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: “Ara, qiegħed isejjaħ lil Elija!” 36U mar wieħed jiġri jxappap sponża bl-inbid qares#15,36: Bl-inbid qares: xorb ordinarju tas-suldati Rumani., waħħalha f’tarf ta’ qasba u tah jixrob filwaqt li qal: “Stennew, ħa naraw jiġix Elija jniżżlu!”#S 69,21; Mt 27,34; Mk 15,23; Lq 23,36. 37Imma Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu. 38U l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel.#Lhud 10,19-20. 39Iċ-ċenturjun#15,39: Ċenturjun: uffiċjal Ruman b’100 suldat taħt il-kmand tiegħu. li kien wieqaf biswitu, meta rah jgħajjat u jmut hekk, qal: “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!”
40Kien hemm ukoll xi nisa jħarsu mill-bogħod, fosthom Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu ż-żgħir u Ġosè, u Salomi;#Lq 8,2-3. 41dawn, meta Ġesù kien fil-Galilija, kienu jmorru miegħu u jaqduh. U kien hemm ukoll bosta oħrajn li kienu telgħu Ġerusalemm miegħu.
Id-difna ta’ Ġesù
(Mt 27,57-61; Lq 23,50-55; Ġw 19,38-42)
42Kien ġa sar filgħaxija, u billi kien Jum it-Tħejjija, jiġifieri lejlet is-Sibt, 43Ġużeppi minn Arimatija, membru magħruf tal-Kunsill, li hu wkoll kien jistenna s-Saltna ta’ Alla, għamel il-ħila, daħal quddiem Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù. 44Pilatu stagħġeb li kien ġa miet; bagħat għaċ-ċenturjun u staqsieh jekk kienx ilu li miet. 45Meta mbagħad sar jaf mingħand iċ-ċenturjun, ta l-ġisem ta’ Ġesù lil Ġużeppi, 46u dan xtara liżar tal-għażel, niżżel lil Ġesù mis-salib, keffnu fil-liżar u qiegħdu f’qabar imħaffer fil-blat; imbagħad gerbeb ġebla fid-daħla tal-qabar.#Atti 13,29. 47Marija ta’ Magdala u Marija omm Ġosè qagħdu jaraw fejn tqiegħed.

Currently Selected:

MARK 15: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in