MATTEW 9
9
Kapitlu 9
Ġesù jfejjaq wieħed mifluġ
(Mk 2,1-12; Lq 5,17-26)
1U tala’ f’dgħajsa, qasam il-baħar u baqa’ sejjer fil-belt tiegħu#9,1: Fil-belt tiegħu: Kafarnahum; ara Mk 2,1.. 2U ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, mixħut fuq friex. Kif ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: “Agħmel il-qalb, ibni; dnubietek maħfura.”#Lq 7,48. 3Xi wħud mill-kittieba bdew jgħidu fihom infushom: “Dan qiegħed jidgħi!” 4Ġesù għaraf x’kienu qegħdin jaħsbu, u qalilhom: “Imma għaliex qegħdin taħsbu ħażin f’qalbkom? 5Għax x’inhu l-eħfef, tgħid ‘Dnubietek maħfura,’ jew tgħid ‘Qum u imxi’? 6Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art” - qal lill-mifluġ - “Qum, aqbad il-friex u mur lejn darek.”#Atti 9,33-35. 7Dak qam u telaq lejn daru. 8In-nies, meta raw dan, beżgħu u qabdu jfaħħru lil Alla li ta setgħa bħal din lill-bnedmin.
Is-sejħa ta’ Mattew
(Mk 2,13-17; Lq 5,27-32)
9Huwa u għaddej minn hemm, Ġesù ra wieħed bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi; kien jismu Mattew. “Ejja warajja,” qallu. Dak qam u mar warajh. 10U ġara li, kif qagħad għandu għall-mejda, ġew bosta pubblikani u midinbin u qagħdu madwar il-mejda ma’ Ġesù u d-dixxipli tiegħu.#Mt 11,19; Lq 7,34; 15,1-2; 19,7. 11Meta raw dan il-Fariżej qalu lid-dixxipli: “Għaliex jiekol mal-pubblikani u l-midinbin#9,11: Mal-pubblikani u l-midinbin: skont l-għorrief Lhud, meta wieħed jiekol ma’ xi ħadd imniġġes jew impur, fis-sens legali u ritwali, kien jiċċappas hu wkoll. l-Imgħallem tagħkom?” 12Hu semagħhom, u qal: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. 13Mela morru tgħallmu x’jiġifieri, ‘Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju’; għax mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin.”#Hos 6,6; Mt 12,7.
Mistoqsija fuq is-sawm
(Mk 2,18-22; Lq 5,33-39)
14Imbagħad resqu lejh id-dixxipli ta’ Ġwanni u qalulu: “Għaliex aħna u l-Fariżej insumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?” 15Qalilhom Ġesù: “Huwa l-mistednin tal-għarus se jsewdu qalbhom sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Imma jasal il-jum meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu. 16Ħadd ma jraqqa’ libsa qadima b’biċċa drapp ġdida, għax inkella r-roqgħa ssellet il-libsa, u t-tiċrita tikber. 17Anqas ma jqiegħdu l-inbid il-ġdid f’damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella d-damiġġani jinfaqgħu, l-inbid jixtered, u d-damiġġani jintilfu. Iżda nbid ġdid jitfgħuh f’damiġġani ġodda, u hekk iżommu t-tnejn.”
Ġesù jfejjaq mara u jqajjem tifla mill-mewt
(Mk 5,21-43; Lq 8,40-56)
18Kif kien għadu jgħidilhom dan, resaq lejh wieħed mill-kapijiet, inxteħet f’riġlejh u qallu: “Binti iss’issa għadha kemm mietet. Imma int ejja qiegħed idek fuqha u hija tgħix.”#Mt 8,3; Mk 6,5; 7,32; 8,23-25; Lq 13,13. 19Ġesù qam u mar warajh flimkien mad-dixxipli tiegħu.
20Mela waħda mara, li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm, resqet lejh minn wara u messitlu t-tarf tal-libsa,#Mt 14,36; Mk 6,56. 21għax bejnha u bejn ruħha qalet: “Imqar jekk immiss il-libsa tiegħu, infiq.” 22Ġesù dar, lemaħha, u qalilha: “Agħmel il-qalb, binti; il-fidi tiegħek fejqitek.” U minn dak il-ħin stess il-mara fieqet.#Mk 10,52; Lq 7,50; 17,19; Atti 3,16.
23Meta daħal għand il-kap, Ġesù ra d-daqqaqa tal-flawt u folla nies jagħmlu storbju sħiħ#9,23: Daqqaqa tal-flawt u folla nies jagħmlu storbju sħiħ: dawn kienu l-bekkejja u d-daqqaqa mħallsa jew mistiedna apposta. Din id-drawwa nsibuha wkoll f’Malta ta’ dari.; 24u qalilhom: “Warrbu, għax it-tifla m’hijiex mejta, imma rieqda.” U qabdu jiddieħku bih.#Ġw 11,11. 25Iżda hu keċċa n-nies ’il barra, daħal, qabad id it-tifla u din qamet.#Mk 1,31; 9,27. 26U din l-aħbar xterdet ma’ dak il-pajjiż kollu.
Ġesù jfejjaq żewġ għomja
27Waqt li Ġesù kien għaddej minn hemm marru warajh żewġ għomja jgħajtu u jgħidu: “Bin David, ħenn għalina!”#Mt 20,29-31. 28Meta mbagħad daħal id-dar, l-għomja resqu lejh u Ġesù qalilhom: “Temmnu intom li jien nista’ nagħmlu dan?” Qalulu: “Iva, Mulej.” 29Imbagħad messilhom għajnejhom u qal: “Mela ħa jsirilkom skont il-fidi tagħkom.”#Mt 20,34. #Mt 8,13; 15,28. 30U għajnejhom infetħulhom. Ġesù widdibhom bis-sħiħ u qalilhom: “Qisu li ħadd ma jsir jaf b’dan.”#Mk 7,36. 31Iżda dawk ħarġu u bdew ixerrdu l-fama tiegħu ma’ dak il-pajjiż kollu.
Ġesù jfejjaq wieħed imbikkem
32Kif dawk ħarġu, in-nies ġabulu quddiemu wieħed imbikkem maħkum mix-xitan.#Mt 12,22; Mk 7,32-35; Lq 11,14. 33Ġesù keċċa x-xitan, u l-imbikkem qabad jitkellem. In-nies stagħġbu, u bdew jgħidu: “Ħaġa bħal din qatt ma dehret f’Iżrael!”#Mk 2,12. 34Imma l-Fariżej qalu: “Dan bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċi x-xjaten.”#Mt 12,24; Mk 3,22; Lq 11,15.
Ġesù jħoss għan-nies
35Ġesù dar l-ibliet kollha u l-irħula jgħallem fis-sinagogi, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna, u jfejjaq kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu.#Mt 4,23; 10,1; Mk 1,34-39. 36Ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.#Num 27,17; 1 Slat 22,17; 2 Kron 18,16; Ġdt 11,19; Eżek 34,5; Żak 10,2; Mt 14,14; 15,32; Mk 6,34. 37Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit.#Lq 10,2. 38Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.”
Currently Selected:
MATTEW 9: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.