YouVersion Logo
Search Icon

MATTEW 8

8
Kapitlu 8
Ġesù jfejjaq wieħed lebbruż
(Mk 1,40-45; Lq 5,12-16)
1Kif niżel minn fuq il-muntanja, folol kbar marru warajh. 2U resaq fuqu wieħed lebbruż, inxteħet quddiemu u qallu, “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni#8,2: Tista’ tfejjaqni: letteralment: tnaddafni, issaffini..” 3Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: “Irrid; kun imfejjaq.” U minnufih ġismu ndaf mil-lebbra. 4U qallu Ġesù: “Qis li ma tgħid lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis u agħmel l-offerta li ordna Mosè, biex hekk tagħti xhieda li inti fiqt.”#Lev 14,4-32; Mt 9,30; 12,16; Mk 7,36; Lq 17,14.
Ġesù jfejjaq il-qaddej ta’ ċenturjun
(Lq 7,1-10; Ġw 4,46-53)
5Daħal Kafarnahum, u resaq fuqu wieħed ċenturjun jitolbu bil-ħerqa#Ġw 4,46-47. 6u jgħidlu: “Sinjur, id-dar għandi l-qaddej mixħut, mifluġ u batut wisq.” 7Qallu Ġesù: “Niġi jien infejqu.” 8“Sinjur”, qallu ċ-ċenturjun, “Ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi. Iżda int ordna biss b’kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq. 9Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor, u jien stess għandi suldati taħti; lil wieħed ngħidlu, ‘Mur’, u jmur; lil ieħor ngħidlu, ‘Ejja’, u jiġi; u lill-ilsir tiegħi ngħidlu, ‘agħmel dan’, u jagħmlu.” 10Ġesù baqa’ mistagħġeb meta sama’ dan, u qal lil dawk li kienu miexja warajh: “Tassew, ngħidilkom, f’ħadd minn Iżrael ma sibt fidi bħal din. 11Jiena ngħidilkom li għad jiġu ħafna mil-Lvant u mill-Punent u joqogħdu fuq il-mejda ma’ Abraham u ma’ Iżakk u ma’ Ġakobb fis-Saltna tas-Smewwiet,#S 107,3. #Lq 13,28-29. 12waqt li dawk li twieldu fis-Saltna#8,12: Dawk li twieldu fis-Saltna: jew ulied is-Saltna: ara nota Lq 7,35. jitkeċċew ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!”#Mt 13,42-50; 22,13; 24,51; 25,30; Lq 13,28. 13Imbagħad Ġesù qal liċ-ċenturjun: “Mur, ħa jsirlek kif emmint!” U l-qaddej fieq dak il-ħin stess.#Mt 9,20; 15,28; Ġw 4,50-51.
Ġesù jfejjaq ħafna nies
(Mk 1,29-34; Lq 4,38-41)
14Ġesù mar fid-dar ta’ Pietru, u ra li omm il-mara ta’ Pietru kienet mixħuta bid-deni.#1 Kor 9,5. 15Messilha idha, u d-deni ħallieha; imbagħad qamet u bdiet isservih. 16Filgħaxija mbagħad ġabulu quddiemu bosta li kienu maħkuma mix-xitan, u bil-kelma tiegħu keċċa l-ispirti, u fejjaq il-morda kollha. 17Biex hekk seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal:
“Hu rafa’ fuqu d-dgħufija tagħna,
u tgħabba bil-mard tagħna.” # Is 53,4.
X’jistenna Ġesù mid-dixxipli tiegħu
(Lq 9,57-62)
18Meta ra ruħu mdawwar b’ħafna nies, Ġesù ordna li jaqsmu għax-xatt l-ieħor.#Mk 4,35; Lq 8,22. 19Imbagħad resaq fuqu wieħed mill-kittieba u qallu: “Mgħallem, tmur fejn tmur, jiena niġi warajk.” 20Imma Ġesù wieġbu: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom, u l-għasafar tas-sema l-bejtiet; iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu.”#2 Kor 8,9. 21Ieħor, wieħed mid-dixxipli, qallu: “Mulej, ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri.” 22Ġesù wieġbu: “Imxi warajja, u ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom.”
Ġesù jsikket it-tempesta
(Mk 4,35-41; Lq 8,22-25)
23Ġesù tala’ fuq dgħajsa, u d-dixxipli marru warajh. 24U qamet taqliba kbira fuq il-baħar, hekk li l-mewġ beda jgħatti d-dgħajsa; iżda hu kien rieqed. 25Id-dixxipli resqu fuqu, qajmuh u qalulu: “Salvana, Mulej! Se nintilfu!” 26U qalilhom: “Dan il-biża’ kollu għalfejn, ja nies ta’ fidi ċkejkna?” Imbagħad qam, ordna lill-irjieħ u lill-baħar, u waqgħet kalma kbira. 27Dawk stagħġbu, u bdew jgħidu: “Dan xi bniedem hu, biex sa l-irjieħ u l-baħar jisimgħu minnu?”
Ġesù jfejjaq żewġ imxajtna
(Mk 5,1-20; Lq 8,26-39)
28Wasal ix-xatt l-ieħor, fil-pajjiż tal-Gadarin#8,28: Gadarin: Gadara kienet belt pagana fix-Xlokk tal-għadira tal-Galilija; xi sitt mili ’l bogħod minnha., u tnejn min-nies, maħkumin mix-xitan, ħarġu mill-oqbra u resqu fuqu. Kienu qliel wisq; ħadd ma kien jista’ jgħaddi bihom minn dik it-triq. 29U nfexxew jgħajtu u jgħidu: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Bin Alla? Ġejt hawn biex taħqarna qabel iż-żmien?”#Mk 1,24; Lq 4,34. 30Mela ftit ’il bogħod minnhom kien hemm merħla kbira ta’ ħnieżer tirgħa. 31U x-xjaten talbu ħafna lil Ġesù u qalulu: “Jekk toħroġna, ibgħatna fil-merħla tal-ħnieżer.” 32“Morru,” qalilhom. Imbagħad ħarġu, u daħlu fil-ħnieżer, u l-merħla kollha nxteħtet mill-għoli tax-xaqliba għal ġol-baħar u nqerdet fl-ilma. 33Ir-rgħajja ħarbu u marru l-belt ixerrdu l-aħbar ta’ kollox u ta’ kulma kien għadda minn għala l-imxajtna.
34U l-belt ħarġet bi ħġarha għal ħdejn Ġesù u kif rawh, bdew jitolbuh ħafna biex jibqa’ sejjer ’il barra minn pajjiżhom.

Currently Selected:

MATTEW 8: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in