YouVersion Logo
Search Icon

MATTEW 21

21
Kapitlu 21
Id-daħla messjanika f’Ġerusalemm
(Mk 11,1-11; Lq 19,28-38; Ġw 12,12-16)
1Xħin waslu qrib Ġerusalemm u ġew quddiem Betfaġe#21,1: Betfaġe: raħal fuq l-Għolja taż-Żebbuġ qrib Betanja, fuq it-triq lejn Ġeriko. lejn l-Għolja taż-Żebbuġ, Ġesù bagħat żewġ dixxipli 2u qalilhom: “Aslu sar-raħal biswitkom; u minnufih issibu ħmara marbuta u felu ħdejha; ħolluhom u ġibuhomli. 3Jekk xi ħadd jgħidilkom xi ħaġa, weġbuh, ‘Il-Mulej jeħtieġhom, u malajr jerġa’ jibgħathom lura.’ 4Dan ġara biex iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal,
5 ‘Għidu lil bint Sijon:
Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek,
ġwejjed, riekeb fuq ħmara
u fuq felu, ferħ ta’ bhima tat-tagħbija.’ # Is 62,11; Żak 9,9.
6Id-dixxipli marru u għamlu kif ordnalhom Ġesù; 7ġiebu l-ħmara u l-felu, qiegħdu fuqhom l-imnatar tagħhom, u hu qagħad fuqhom. 8Għadd kbir ta’ nies firxu l-imnatar tagħhom fit-triq, waqt li oħrajn qatgħu xi friegħi mis-siġar u ferrxuhom mat-triq. 9Il-folol li kienu miexja quddiem u dawk li kienu miexja wara bdew jgħajtu u jgħidu:
“Hosanna # 21,9: Hosanna: akklamazzjoni li tfisser ‘Salvana’; ara S 118,25. lil Bin David!
Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!
Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!” # S 118,26; Mt 21,15; Mt 23,39; Lq 13,35.
10Meta mbagħad daħal Ġerusalemm, il-belt kollha tqanqlet. “Dan min hu?” bdew jgħidu. 11U l-folol weġbuhom: “Dan hu l-profeta Ġesù minn Nazaret tal-Galilija.”
Il-qdusija tat-tempju
(Mk 11,15-19; Lq 19,45-46; Ġw 2,13-22)
12Ġesù daħal fit-tempju, qabad ikeċċi ’l barra l-bejjiegħa u x-xerrejja kollha li kien hemm fit-tempju, u qaleb l-imwejjed tas-sarrafa#21,12: Is-sarrafa: jew ċanġieri, kienu hemm biex isarrfu l-flus tal-pellegrini barranin li kienu jżuru t-tempju biex iħallsu t-taxxa jew jixtru l-offerti għat-tempju. tal-flus u s-siġġijiet ta’ dawk li kienu jbigħu l-ħamiem. 13U qalilhom: “Hemm miktub li
‘Dari dar it-talb tissejjaħ’.
Intom, imma, għamiltuha għar tal-ħallelin!” # Is 56,7; Ġer 7,11; Is 60,7.
14Resqu lejh xi għomja u zopop fit-tempju, u hu fejjaqhom. 15Il-qassisin il-kbar u l-kittieba ma felħux jissaportu meta raw l-għeġubijiet li kienu qegħdin isiru u lit-tfal fit-tempju jgħajtu u jgħidu, ‘Hosanna lil Bin David!’#Mt 21,9. 16U qalulu: “Qiegħed tisma’ x’inhuma jgħidu dawn?” “Iva”, qalilhom Ġesù, “qatt ma qrajtu li
minn fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib
int ħejjejt tifħir għalik?”
17U ħalliehom hekk; ħareġ barra mill-belt, mar Betanja#21,17: Betanja: raħal fuq l-Għolja taż-Żebbuġ qrib Betfaġe, fuq it-triq għal Ġeriko., u għadda l-lejl hemmhekk.
Is-siġra tat-tin misħuta
(Mk 11,12-14.20-24)
18Filgħodu, xħin kien sejjer lura lejn il-belt, ħadu l-ġuħ. 19Ra siġra tat-tin mal-ġenb tat-triq, mar ħdejha, u ma sabilha xejn ħlief weraq. U qalilha: “Qatt iżjed ma joħroġ frott minnek għal li ġej!” U dak il-ħin stess is-siġra nixfet.#Lq 13,6. 20Stagħġbu d-dixxipli kif raw dan, u qalu: “Ara kif nixfet f’daqqa s-siġra!” 21Weġibhom Ġesù: “Tassew, ngħidilkom, jekk ikollkom il-fidi u ma toqogħdux titħassbu, mhux biss dak li ġara lil din is-siġra tagħmlu, iżda wkoll jekk tgħidu lil din il-muntanja, ‘Inqala’ u inxteħet il-baħar,’ hekk isir.#Mt 17,20; Lq 17,6; 1 Kor 13,2. 22U kulma titolbu taqilgħuh, jekk ikollkom il-fidi.”#Mt 7,7-11; 18,19; Ġw 14,13-14.
Il-Lhud jistaqsu dwar is-setgħa ta’ Ġesù
(Mk 11,27-33; Lq 20,1-8)
23Daħal fit-tempju, u, waqt li kien qiegħed jgħallem, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu u qalulu: “Int b’liema setgħa qiegħed tagħmel dan kollu? U min tahielek din is-setgħa?” 24U Ġesù qalilhom: “Ħa nagħmlilkom mistoqsija waħda jien ukoll: jekk tweġbuni għaliha, jien ukoll ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan kollu. 25Il-magħmudija ta’ Ġwanni minn fejn kienet ġejja, mis-sema jew mill-bnedmin?” Dawk bdew jirraġunaw bejniethom u jgħidu: “Jekk inweġbuh, ‘Mis-sema,’ jgħidilna, ‘Mela għaliex ma emmintux?’#Mt 21,32; Lq 7,30; Ġw 1,6-33. 26U jekk ngħidulu, ‘Mill-bnedmin,’ nibżgħu min-nies, għax lil Ġwanni kulħadd iżommu bi profeta.”#Mt 14,5; 21,46. 27Imbagħad wieġbu lil Ġesù u qalulu: “Ma nafux.” U hu qalilhom: “Mela anqas jiena ma ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan.
Il-parabbola taż-żewġ ulied
28“Intom x’jidhrilkom? Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Resaq fuq il-kbir u qallu, ‘Ibni, illum mur aħdem l-għalqa tad-dwieli.’#Mt 20,1; Lq 15,11. 29U dak qallu, ‘Ma rridx.’ Iżda mbagħad biddel il-fehma u mar. 30Resaq fuq l-ieħor u qallu l-istess. ‘Arani sejjer, sidi,’ qallu dan, u ma mar xejn. 31Min minnhom it-tnejn għamel kif ried il-missier?” “L-ewwel wieħed,” weġbuh. U qalilhom Ġesù: “Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta’ Alla. 32Għax Ġwanni ġie għandkom miexi fit-triq tal-ġustizzja, u intom ma emmintuhx iżda l-pubblikani u n-nisa tat-triq emmnuh; u għalkemm intom rajtu dan kollu, bqajtu sal-aħħar ma biddiltux il-fehma tagħkom, u ma emmintuhx.#Mt 21,25; Lq 3,12; 7,29-30.
Il-parabbola tal-għalqa u l-bdiewa
(Mk 12,1-12; Lq 20,9-19)
33“Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra.#Is 5,1-2. 34Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu. 35Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh.#Mt 22,6. 36Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess. 37Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. ‘Minn ibni jistħu,’ qal. 38Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom, ‘Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna.’ 39Qabduh, xeħtuh ’il barra mill-għalqa u qatluh.#Lhud 13,12. 40Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?” 41Qalulu: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma, u l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu.” 42Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li
‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka;
bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna’? # S 118,22-23; Atti 4,11; 1 Pt 2,7.
43Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha. 44U min jaqa’ fuq#21,44: U min jaqa’ fuq…: Xi manuskritti dan il-vers iħalluh barra. din il-ġebla jitfarrak, u fuq min taqa’ tgħaffġu taħtha!”#Dan 2,34-45.
45Meta semgħu l-parabboli tiegħu l-qassisin il-kbar u l-Fariżej fehmu li hu kien qiegħed jgħid għalihom. 46Huma riedu kieku jaqbduh taħt idejhom, imma beżgħu min-nies, għax kulħadd kien iżommu bi profeta.#Mt 14,5; 16,14; 21,11-26; Lq 7,16; 24,19; Ġw 4,19; 9,17.

Currently Selected:

MATTEW 21: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in