LUQA 9
9
Kapitlu 9
Il-missjoni tat-Tnax
(Mt 10,5-15; Mk 6,7-13)
1Sejjaħ lit-Tnax madwaru u tahom qawwa u setgħa fuq ix-xjaten kollha u li jfejqu l-mard 2U bagħathom ixandru s-Saltna ta’ Alla u jfejqu l-morda. 3U qalilhom: “Tieħdu xejn magħkom għat-triq, la ħatar, la ħorġa, la ħobż u lanqas flus, u lanqas ma jkollkom żewġ ilbiesi. 4Jekk tidħlu f’xi dar, ibqgħu hemm sa ma tiġu biex titilqu.#Lq 10,5-7. 5Jekk ma jilqgħukomx, oħorġu minn dik il-belt u farfru sa t-trab tagħha minn ma’ riġlejkom bħala xhieda kontrihom.”#Lq 10,10-11; Atti 13,51. 6Ħarġu, mela, u bdew iduru l-irħula jxandru l-Evanġelju u jfejqu l-morda kullimkien.
Erodi mħasseb
(Mt 14,1-12; Mk 6,14-29)
7Dawn il-ġrajja kollha waslu f’widnejn Erodi t-tetrarka u beda jitħasseb, għaliex xi wħud kienu qegħdin jgħidu li Ġwanni qam mill-imwiet,#Mt 16,14; Mk 8,28; Lq 9,19. 8waqt li oħrajn qalu li deher Elija, u oħrajn li qam wieħed mill-profeti tal-imgħoddi. 9Iżda Erodi qal: “Lil Ġwanni qtajtlu rasu; mela min hu dan li fuqu qiegħed nisma’ dan kollu?” U beda jfittex li jarah.#Lq 23,8.
Ġesù jitma’ ħamest elef
(Mt 14,13-21; Mk 6,30-44; Ġw 6,1-13)
10L-appostli reġgħu lura għand Ġesù u qalulu x’kienu għamlu; imbagħad ħadhom miegħu u nġabar magħhom qrib belt jisimha Betsajda. 11Imma l-folol saru jafu u marru warajh. Hu laqagħhom u qagħad ikellimhom fuq is-Saltna ta’ Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan. 12Il-jum kien wasal biex jintemm. Resqu lejh it-Tnax u qalulu: “Ibgħathom in-nies ħa jmorru fl-irħula u r-rziezet tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax hawnhekk qegħdin f’post imwarrab.” 13Iżda hu qalilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu.” Qalulu: “Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għallinqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha!” 14Għax kien hemm madwar il-ħamest elef raġel. U qal lid-dixxipli tiegħu: “Qegħduhom bilqiegħda ħamsin ħamsin.” 15Hekk għamlu, u qiegħdu lil kulħadd bilqiegħda. 16Imbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewluhom lin-nies. 17U kulħadd kiel u xaba’ u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa.#2 Slat 4,44.
Pietru jistqarr il-fidi f’Ġesù
(Mt 16,13-20; Mk 8,27-29)
18Darba, waqt li kien qiegħed jitlob waħdu, kien hemm miegħu d-dixxipli tiegħu, u hu staqsiehom: “Min jgħidu n-nies li jien?” 19Huma weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, li qam wieħed mill-profeti tal-imgħoddi.”#Lq 9,7-8. 20Qalilhom: “Imma intom min tgħidu li jien!” Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija ta’ Alla.”#Ġw 6,68-69.
L-ewwel taħbira tal-mewt u tal-qawmien
(Mt 16,20-28; Mk 8,30—9,1)
21Imbagħad ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b’dan. 22U qalilhom: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.”#Mt 16,21; 20,18-19; Mk 8,31; 10,33-34. 23Darba qal lil kulħadd: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja.#Mt 10,38; Lq 14,27. 24Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha.#Mt 10,39; Lq 17,33; Ġw 12,25. 25Għax x’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered? 26Għax jekk xi ħadd jistħi minni u minn kliemi, Bin il-bniedem ukoll jistħi minnu meta jiġi fil-glorja tiegħu u tal-Missier u tal-anġli mqaddsa.#Mt 10,33; Lq 12,9; 2 Tim 2,12. 27Tassew, ngħidilkom, xi wħud minn dawk li qegħdin hawn ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw is-Saltna ta’ Alla.”
It-Trasfigurazzjoni
(Mt 17,1-9; Mk 9,2-10)
28Daqs tmint ijiem wara dan id-diskors, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u ’l Ġakbu, u tala’ fuq il-muntanja biex jitlob. 29U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex. 30U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, 31li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm.#Lq 9,22; 13,33. 32Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu.#Ġw 1,14; 2 Pt 1,16. 33Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.” Ma kienx jaf x’inhu jgħid. 34Waqt li kien qiegħed jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba. 35U minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu.”#S 2,7; Is 42,1; Mt 3,17; 12,18; Mk 1,11; Lq 3,22; 2 Pt 1,17-18. 36Malli nstama’ l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu. Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd minn dak li kienu raw.
Ġesù jfejjaq tifel maħkum mix-xitan
(Mt 17,14-18; Mk 9,14-27)
37L-għada, huma u neżlin minn fuq il-muntanja, marru jilqgħuh ħafna nies. 38U wieħed raġel mill-folla rafa’ leħnu u qallu: “Mgħallem, nitolbok, ħares ħarsa lejn ibni, għax lilu biss għandi. 39Ara, l-ispirtu jaqbdu u minnufih jibda jgħajjat, ikagħwġu mal-art kollu ragħwa, u jħallih imfarrak wara tbatija kbira biex joħroġ minnu. 40Tlabt lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh minnu, iżda ma setgħux.” 41Wieġeb Ġesù u qal: “Ja nies bla fidi u ħżiena, kemm se ndum magħkom u nissaportikom? Ġibli lil ibnek hawn.” 42Huwa u riesaq, ix-xitan beda jsabbtu u jkagħwġu mal-art. Imma Ġesù hedded ħafna lill-ispirtu mniġġes, fejjaq lit-tifel, u raġa’ tah lil missieru. 43U kulħadd tnixxef bil-għaġeb quddiem dan il-kobor liema bħalu ta’ Alla.
It-tieni taħbira tal-mewt u tal-qawmien
(Mt 17,22-23; Mk 9,30-32)
Imma waqt li kulħadd kien qiegħed jistagħġeb b’kulma kien qiegħed jagħmel, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: 44“Iftħu widnejkom sewwa għal dawn il-kelmiet: Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin.”#Lq 18,32. 45Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u baqa’ mistur għalihom hekk li ma qabdu xejn minnu, u beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qal.#Lq 9,32; Lq 18,34.
Min hu l-akbar fis-Saltna ta’ Alla
(Mt 18,1-5; Mk 9,33-37)
46Qamet kwistjoni bejniethom dwar min kien l-akbar fosthom.#Lq 22,24. 47Ġesù għaraf x’kellhom f’moħħhom, u ressaq tifel żgħir lejh, qiegħdu maġenbu, 48u qalilhom: “Min jilqa’ lil dan it-tifel żgħir minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ lil dak li bagħatni. Għax min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir.”#Mt 10,40; Lq 10,16; Ġw 13,20.
Min mhuwiex kontra tagħkom hu magħkom
(Mk 9,38-40)
49Qabeż Ġwanni u qallu: “Mgħallem, rajna wieħed ikeċċi x-xjaten f’ismek, u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna.” 50Imma Ġesù qallu: “La żżommuhx, għax min mhuwiex kontra tagħkom, huwa magħkom.”#Lq 11,23.
Is-Samaritani ma jilqgħux lil Ġesù
51Meta qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm.#Mk 10,32. 52U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f’raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod. 53Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm.#Ġw 4,9. 54Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?” 55Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom. 56U marru f’raħal ieħor.
X’jistenna Ġesù mid-dixxipli tiegħu
(Mt 8,18-22)
57Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: “Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk.” 58U qallu Ġesù: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar tal-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu.” 59Lil wieħed ieħor qallu: “Imxi warajja.” Iżda dak wieġbu: “Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri.” 60Iżda hu wieġbu: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta’ Alla.” 61U ieħor ukoll qallu: “Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil tad-dar.”#1 Slat 19,20. 62Qallu Ġesù: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura mhuwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla.”
Currently Selected:
LUQA 9: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.