LUQA 8
8
Kapitlu 8
In-nisa twajba li marru wara Ġesù
1Wara dan huwa qagħad idur l-ibliet u r-rħula, jippriedka u jxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla. Kellu miegħu t-Tnax#Lq 4,43. 2u xi nisa li kien fejjaqhom mill-ispirti ħżiena u mill-mard: Marija, li kienu jgħidulha ta’ Magdala, li minnha kienu ħarġu seba’ xjaten,#Mt 27,55-56; Mk 15,40-41; Lq 23,49. 3Ġwanna, mart Ħusa, prokuratur ta’ Erodi, Susanna, u ħafna oħrajn, li kienu jaqduhom#8,3: Li kienu jaqduhom: test ieħor iġib: li kienu jaqduh. minn ġidhom.
Il-parabbola taż-żerriegħ
4Inġemgħet kotra kbira ta’ nies li kienu ġejjin lejh minn kull belt, u hu qalilhom din il-parabbola: 5“Wieħed bidwi ħareġ jiżra’ ż-żerriegħa li kellu. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħulu mal-mogħdija u ntrifsu, u l-għasafar tal-ajru naqqruhom kollha. 6Oħrajn waqgħu fuq il-blat, u nibtu u nixfu, għax tira ma kellhomx. 7Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. 8Oħrajn waqgħu f’art tajba, u nibtu u għamlu l-frott kull waħda mija.” Kif qal dan, rafa’ leħnu u qal: “Min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’!”#Mt 11,15.
L-iskop tal-parabboli
(Mt 13,10-17; Mk 4,10-12)
9Id-dixxipli tiegħu staqsewh x’kienet dik il-parabbola. 10U hu qalilhom: “Lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna ta’ Alla, iżda lill-bqija bil-parabboli,
biex iħarsu u ma jarawx,
u jisimgħu u ma jifhmux. #
Is 6,9-10.
Ġesù jfisser il-parabbola taż-żerriegħ
(Mt 13,18-23; Mk 4,13-20)
11“Il-parabbola, mela, hija din; iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla.#1 Pt 1,23. 12Dawk ta’ matul il-mogħdija huma dawk li jisimgħu, imbagħad jiġi x-Xitan u jaħtfilhom il-kelma minn qalbhom, li ma jmorrux jemmnu u jsalvaw.#1 Kor 1,21; 5,7; Lq 3,34. 13Dawk ta’ fuq il-blat huma dawk li, meta jisimgħu l-kelma, jilqgħuha bil-ferħ, iżda billi ma jkollhomx għeruq jemmnu għal ftit taż-żmien, u meta jiġi fuqhom it-tiġrib jitilqu. 14Dawk li jaqgħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu, iżda aktar ’il quddiem l-inkwiet żejjed u l-għana u l-pjaċiri tal-ħajja joħonquhom u l-frott tagħhom ma jsirx. 15Imma dawk li jaqgħu f’art tajba huma dawk li jisimgħu l-kelma b’qalb tajba u sinċiera, jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.
Il-parabbola tal-musbieħ
(Mk 4,21-22)
16“Ħadd ma jixgħel musbieħ u jgħattih b’għatu jew iqiegħdu taħt sodda, imma jqiegħdu fuq l-imnara, biex kull min jidħol ġewwa jara d-dawl.#Mt 5,15; Lq 12,2. 17Għax ma hemm xejn moħbi li ma għadx jidher, u xejn ma hemm mistur li ma għadx jingħaraf u jinġieb għad-dawl. 18Mela oqogħdu attenti kif tisimgħu! Għax min għandu, jingħatalu; u min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li jaħseb li għandu.”#Mt 25,29; Lq 19,26.
Omm Ġesù u ħutu
(Mt 12,46-50; Mk 3,31-35)
19Ġew għalih ommu u ħutu#8,19: Ħutu: ara nota Mt 12,46., iżda ma setgħux jersqu lejh minħabba l-folla. 20Xi ħadd qallu: “Ommok u ħutek qegħdin hawn barra u jridu jarawk.” 21Iżda hu weġibhom: “Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid Hu.”
Ġesù jsikket it-tempesta
(Mt 8,18.23-27; Mk 4,35-41)
22Darba fost l-oħrajn tela’ fuq id-dgħajsa mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor tal-għadira#8,22: Għax-xatt l-ieħor tal-għadira: jiġifieri l-għadira ta’ Ġennesaret, fejn in-nies fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu pagani..” U qadfu ’l barra. 23Huma u sejrin, marret għajnu bih. U qam riefnu kbir fuq l-għadira, id-dgħajsa bdiet timtela bl-ilma, u sabu ruħhom f’qagħda mwiegħra. 24Għalhekk resqu lejh, qajmuh u qalulu: “Mgħallem, Mgħallem, se nintilfu!” Hu qam, ordna lir-riħ u lill-mewġ imqalleb, u dawn siktu u waqgħet il-kalma. 25U qal lid-dixxipli: “Fejn hi l-fidi tagħkom?” Qabadhom il-biża’, u mistagħġba bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex jordna saħansitra lill-irjieħ u lill-baħar u huma jisimgħu minnu!”
Fejqan ta’ raġel bi spirtu mniġġes
(Mt 8,28-34; Mk 5,1-20)
26Waslu x-xatt u niżlu fl-art tal-Gerasin li tiġi biswit il-Galilija. 27Huwa u nieżel l-art, resaq raġel minn dik il-belt, maħkum mix-xitan. Kien ilu żmien twil ma jxidd libsa fuqu, u ma kienx joqgħod id-dar, imma qalb l-oqbra. 28Kif lemaħ lil Ġesù qabad jgħajjat, inxteħet quddiemu u b’leħen qawwi qallu: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù, Bin Alla l-Għoli? Nitolbok, taħqarnix!”#Mt 8,29; Mk 1,23-24; 4,23; Lq 14,35. 29Għax Ġesù kien ġa kkmanda lill-ispirtu mniġġes biex joħroġ minn dak il-bniedem. Għax bosta drabi kien jaħkmu, u n-nies kienu jorbtuh bil-ktajjen u bix-xkiel biex iżommuh, iżda hu kien iqaċċat l-irbit u x-xitan kien jimbuttah lejn id-deżert. 30Ġesù staqsieh: “X’jismek?” “Leġjun,” qallu, għax ħafna xjaten kienu daħlu fih. 31U beda jitolbu biex ma jordnalhomx imorru fl-abbissi#8,31: Imorru fl-abbissi: fejn hemm marbuta l-ispirti mniġġsa; ara Apk 9,1; 11,7..
32Mela kien hemm merħla kbira ta’ ħnieżer jirgħu fuq l-għolja, u l-ispirti talbuh biex iħallihom jidħlu fihom; u hu ħalliehom. 33U x-xjaten ħarġu minn dak il-bniedem u daħlu fil-ħnieżer. U l-merħla nxteħtet għal ġol-għadira mill-għoli tax-xaqliba u għerqet. 34Ir-rgħajja, meta raw x’ġara, ħarbu u marru jxerrdu l-aħbar mal-belt u l-irziezet. 35In-nies ħarġu jaraw x’ġara u marru ħdejn Ġesù, u lil dak ir-raġel li minnu kienu ħarġu x-xjaten sabuh bilqiegħda f’riġlejn Ġesù, liebes u moħħu f’sikktu; u qabadhom il-biża’. 36In-nies li raw x’ġara qalulhom kif Ġesù fejjaq#8,36: Ġesù fejjaq: jew salva. S Luqa juża l-istess verb Grieg sożein biex ifisser salvazzjoni, jew fejqan 8,48; 17,19; Atti 28,8. lil dak li kien maħkum mix-xitan. 37Imbagħad in-nies kollha tal-inħawi ta’ Gerasa bdew jitolbu lil Ġesù biex iwarrab minn ħdejhom, għax biża’ kbir kien waqa’ fuqhom. U hu tela’ fuq id-dgħajsa u reġa’ lura. 38Ir-raġel li minnu kienu ħarġu x-xjaten talbu biex jibqa’ miegħu, iżda hu bagħtu u qallu: 39“Erġa’ lura lejn id-dar u għarraf kulma għamel Alla miegħek.” Dak telaq u xandar mal-belt kollha kulma kien għamel miegħu Ġesù.
Bint Ġajru mqajma mill-mewt u l-mara mfejqa
(Mt 9,18-26; Mk 5,21-43)
40Meta raġa’ lura Ġesù, il-kotra laqgħetu, għax kulħadd kien qiegħed jistennieh. 41U ġie wieħed, jismu Ġajru, li kien kap tas-sinagoga, inxteħet f’riġlejn Ġesù u talbu jasal wasla sa għandu, 42għax kienet qiegħda tmutlu bintu, tifla ta’ xi tnax-il sena, li ma kellux ħliefha.
Huwa u sejjer in-nies bdew irossu fuqu.#Lq 7,12. 43U kien hemm mara, li kienet ilha tnax-il sena tbati bit-tnixxija tad-demm; kienet ħliet ġidha kollu fit-tobba#8,43: Ħliet ġidha kollu fit-tobba: dan il-kliem insibuh nieqes mill-aħjar manuskritti; aktarx daħal hawn minn Mk 5,26. u ħadd minnhom ma kellu ħila jfejjaqha; 44resqet lejn Ġesù minn warajh u messitlu t-tarf tal-libsa, u minnufih it-tnixxija tad-demm waqfitilha. 45U Ġesù qal: “Min messni?” Kulħadd ċaħad li kien messu, u Pietru qallu#8,45: U Pietru qallu: xi manuskritti jżidu u sħabu.: “Mgħallem, in-nies qegħdin jagħfsu fuqek u jrossu madwarek.” 46Imma Ġesù qal: “Xi ħadd messni, għax ħassejt li xi qawwa ħarġet minni.” 47Il-mara, meta rat li ma setgħetx tinħeba, resqet b’rogħda fuqha, inxteħtet quddiemu, u stqarritlu quddiem kulħadd l-għala kienet messitu u kif fieqet minnufih. 48U hu qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliema.”#Lq 7,50; 17,19; 18,42.
49Kif kien għadu jitkellem, wasal wieħed mid-dar tal-kap tas-sinagoga u qallu: “Bintek mietet; tħabbtux iżjed lill-Imgħallem.” 50Iżda Ġesù, meta sama’ dan, qal lill-kap: “Tibżax, biss inti emmen, u hi tfiq.” 51Wasal id-dar, u ma ħalla lil ħadd jidħol miegħu ħlief lil Pietru u ’l Ġwanni u ’l Ġakbu, u lil missier it-tifla u ’l ommha. 52Kulħadd kien qiegħed jibkiha u jħabbat fuq sidru minħabba fiha. U hu qalilhom: “Tibkux, għax m’hijiex mejta, imma rieqda”.#Lq 7,13. 53U qabdu jiddieħku bih, għax kienu jafu li mietet. 54Imma hu qabdilha idha u b’leħen qawwi qalilha: “Tifla, qum!”#Lq 7,14. 55U reġgħet daħlet ruħha fiha, u minnufih qamet, u hu ordnalhom jagħtuha tiekol. 56Il-ġenituri tagħha stagħġbu għall-aħħar, imma hu wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd b’li ġara.#Lq 7,36; Lq 5,14.
Currently Selected:
LUQA 8: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.