YouVersion Logo
Search Icon

ĠENESI 12

12
Kapitlu 12
Is-sejħa ta’ Abram
1U l-Mulej qal lil Abram: “Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek, lejn l-art li jien nurik.#Għerf 10,5; Atti 7,2-3; Lhud 11,8-9. 2U jien nagħmlek ġens kbir, inbierkek u nkabbarlek ismek, u int tkun barka.#Ġen 15,5; 17,4-6.18-20; 22,17; 28,14; 32,13; 35,11; 46,3; Sir 44,21; Rum 4,17-22. 3Jien inbierek lil min ibierkek, u nisħet lil min jisħtek.#Ġen 18,18; 22,17-18; 26,4; 28,14; Sir 44,21; Ġer 4,2; Atti 3,25; Gal 3,8. 4U jitbierku bik it-tribujiet kollha tal-art.” U telaq Abram kif kien qallu l-Mulej; u mar miegħu Lot. U Abram kellu ħamsa u sebgħin sena meta ħareġ minn Ħaran.#Ġen 11,31; Ġoż 24,3; Atti 7,4. 5U ħa miegħu Abram ’il Saraj martu, u ’l Lot bin ħuh, u l-ġid kollu li kienu għamlu, u n-nies li kienu kisbu f’Ħaran. U ħarġu biex imorru fl-art ta’ Kangħan, u waslu f’art Kangħan.
6U Abram qasam l-art sas-santwarju ta’ Sikem, sal-balluta ta’ Mori; u dak iż-żmien kien hemm il-Kangħanin fl-art.#Ġen 33,18-20. 7U l-Mulej deher lil Abram u qallu: “Lil nislek għad nagħti din l-art.” U hemm bena artal lill-Mulej, li kien deherlu.#Ġen 13,15; 15,18; 17,8; 23; 24,7; 26,3-4; 28,4; 35,12; 48,4; Eż 33,1; Dt 34,4; Atti 7,5. 8Minn hemm telaq lejn il-muntanja fuq in-naħa tal-Lvant ta’ Betel, u waqqaf l-għarix tiegħu hemm, b’Betel fuq il-Punent u Għaj fuq il-Lvant. U bena hemm artal lill-Mulej u sejjaħ isem il-Mulej. 9U Abram baqa’ sejjer, miexi, miexi lejn il-Negeb#12,9: In-Negeb: in-Nofsinhar tal-Palestina..
Abram fl-Eġittu
10U waqa’ l-ġuħ fuq l-art, u Abram niżel l-Eġittu biex jgħammar hemm bħala frustier; għax il-ġuħ kien għafas sew.#Ġen 20; 26,1-11. 11U malli kien qorob biex jidħol l-Eġittu, qal lil Saraj, martu: “Ara, jien naf li int mara sabiħa fil-għajn; 12u issa meta jarawk l-Eġizzjani jgħidu: ‘Martu din!’ u joqtlu lili, u jħallu lilek ħajja. 13Għid, mela, li inti oħti#12,13: Li inti oħti: kelma ambigwa li tista’ tfisser qariba tiegħi jew marti., biex jien ikolli r-riżq bik, u ħajti tibqa’ sħiħa minħabba fik.”
14U ġara li malli Abram daħal l-Eġittu, l-Eġizzjani raw li l-mara kienet sabiħa ħafna: 15rawha wkoll il-fizzjali tal-Fargħun u faħħruha quddiem il-Fargħun; u ħaduha fil-palazz tal-Fargħun. 16U Abram kellu r-riżq minħabba fiha, għax kellu mrieħel u baqar, ħmir u qaddejja rġiel u nisa, u ħmir nisa u iġmla. 17Imma l-Mulej darab lill-Fargħun u ’l daru b’kastigi kbar minħabba Saraj, il-mara ta’ Abram. 18U l-Fargħun sejjaħ lil Abram u qallu “X’inhu dan li għamiltli? Għala ma wrejtnix li din hi martek? 19Għala għedtli: ‘Din oħti’ u jien ħadtha b’marti? Issa, mela, hawn hi martek, ħudha u itlaq.” 20U l-Fargħun ta l-ordnijiet dwaru lil xi rġiel, u dawn qabbduh it-triq, lilu u ’l martu, b’kulma kellu.

Currently Selected:

ĠENESI 12: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in