YouVersion Logo
Search Icon

ATTI TAL-APPOSTLI 28

28
Kapitlu 28
Pawlu f’Malta
1Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. 2In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard.#2 Kor 11,27. 3Mela Pawlu qabad qabda zkuk niexfa u tefagħhom fin-nar. Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li, malli ħasset is-sħana, ħarġet u qabdet ma’ id Pawlu. 4In-nies tal-gżira, kif raw il-lifgħa mdendla ma’ idu, bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Dan ir-raġel żgur xi qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar, il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix!” 5Imma hu farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn.#Mk 16,18. 6Huma stennew li se jarawh jintefaħ jew jaqa’ u jmut f’daqqa. Wara li damu jistennew ħafna u raw li ma ġralu ebda deni, biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla.#Atti 14,11.
7F’dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju. Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem. 8Missier Publju inzerta mixħut, marid bid-deni u d-disenterija. Pawlu daħal ħdejh, għamel talba, qiegħed idejh fuqu u fejqu. 9Wara dan imbagħad bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom. 10Urewna ġieħ kbir, u meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il-ġifen kulma konna neħtieġu.
Pawlu jasal Ruma
11Wara tliet xhur tlaqna fuq ġifen li kien għadda x-xitwa fil-gżira; kien ġifen ta’ Lixandra, bix-xbieha tad-Dijoskuri#28,11: Dijoskuri: l-allat Kastor u Polluċi, protetturi tal-baħħara. fil-pruwa. 12Inżilna Sirakuża, fejn qgħadna tlitt ijiem. 13Minn hemm għaddejna max-xatt ix-xatt u wasalna Reġġju. Il-jum ta’ wara qam riħ min-Nofsinhar, u l-għada wasalna Putijoli. 14Hemm sibna xi aħwa, li stednuna noqogħdu sebat ijiem magħhom. U hekk wasalna Ruma. 15L-aħwa ta’ din il-belt, li semgħu bina, ġew sal-Forum ta’ Appju u sat-Tliet Tvieren biex jilqgħuna. Malli rahom, Pawlu radd il-ħajr ’l Alla u qawwa qalbu.
16Meta dħalna Ruma, Pawlu tawh il-permess joqgħod għalih b’suldat għassa miegħu.#Atti 24,23; 28,30.
Pawlu jippriedka f’Ruma
17Tlitt ijiem wara, huwa laqqa’ flimkien miegħu l-kapijiet tal-Lhud, u kif kienu miġbura miegħu qalilhom: “L-aħwa, għalkemm jien ma għamilt xejn kontra l-poplu jew kontra d-drawwiet ta’ missirijietna, f’Ġerusalemm tawni priġunier f’idejn ir-Rumani.#Atti 24,12-13; 25,8. 18Dawn stħarrġu l-każ tiegħi u riedu jitilquni, għax ma sabuli xejn li għalih kienet tistħoqqli l-mewt.#Atti 23,29; 25,25; 26,31-32. 19Imma billi l-Lhud żammew iebes jiena kelli nappella għal quddiem Ċesari, mhux għax kelli xi ngħid mal-poplu tiegħi.#Atti 25,11. 20Għalhekk tlabtkom tiġu biex narakom u nkellimkom; għax jien minħabba t-tama ta’ Iżrael ninsab marbut b’din il-katina.”#Lq 2,34; Atti 24,16. 21Huma weġbuh: “Aħna la ħadna ittri fuqek mil-Lhudija, lanqas ma ġie ħadd mill-aħwa jgħarrafna jew jgħidilna xi ħaġa ħażina fuqek. 22Imma rridu nisimgħu mingħandek kif taħsibha int; għax dwar din is-setta sirna nafu li kullimkien qegħdin jeħduha kontra tagħha.”#Atti 24,14.
23Ftiehmu miegħu fuq il-jum, u ġew għandu, fejn kien joqgħod, ħafna aktar milli kienu ġew id-darba ta’ qabel. U minn filgħodu sa filgħaxija qagħad jagħtihom xhieda u jfissrilhom x’inhi s-Saltna ta’ Alla, u għamel kemm felaħ biex jipperswadihom permezz tal-Liġi ta’ Mosè u l-Profeti#28,23: Il-liġi u l-Profeti: it-TQ kollu. ħalli jemmnu f’Ġesù Kristu. 24Xi wħud emmnu dak li qalilhom, oħrajn ma emmnux. 25Billi ma qablux bejniethom, kulħadd telaq għal rasu. Pawlu kelma waħda qalilhom: “Sewwa qal l-Ispirtu s-Santu lil missirijietkom permezz ta’ Isaija l-profeta, 26meta qal,
‘Mur għand dan il-poplu u għidilhom:
Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux,
u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx. # Is 6,9-10.
27 Għax il-qalb ta’ dan l-poplu twebbset;
kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom
u għalqu għajnejhom,
li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom
u jisimgħu b’widnejhom
u jifhmu b’moħħhom,
u hekk ibiddlu ħajjithom
u jiena nfejjaqhom.’
28Kunu afu, mela#28,28: Kunu afu, mela: Xi wħud mill-manuskritti jżidu v. 29: Wara li qalilhom dan, il-Lhud telqu, b’ħafna kwistjonijiet bejniethom., li Alla bagħat din is-salvazzjoni tiegħu lill-pagani; u huma jisimgħu.”#S 67,2; 98,3; Lq 3,6; Atti 13,46; 18,6.
Sentejn f’Ruma
30Pawlu dam joqgħod hemm għal sentejn sħaħ fid-dar li kien kera; hemm kien jilqa’ lil dawk kollha li kienu jiġu għandu,#Atti 28,16. 31ixandrilhom is-Saltna ta’ Alla u jgħallimhom fuq il-Mulej Ġesù Kristu bil-kuraġġ u bla tfixkil.

Currently Selected:

ATTI TAL-APPOSTLI 28: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in