YouVersion Logo
Search Icon

2 KORINTIN 6

6
Kapitlu 6
1Ladarba qegħdin naħdmu flimkien ma’ Alla, aħna mela nħeġġukom biex ma tirċevux il-grazzja tiegħu għal xejn.#2 Kor 5,20. 2Għax hu jgħid:
“Fiż-żmien it-tajjeb smajtek,
f’jum is-salvazzjoni għentek.”
Araw, issa hu ż-żmien tajjeb; araw, issa hu jum is-salvazzjoni!#Is 49,8; Lq 4,19-21.
Pawlu jiftaħ qalbu
3Aħna xejn ma nagħmlu li jista’ jkun ta’ tfixkil lil xi ħadd, biex il-ministeru tagħna ma jaqax fl-għajb. 4F’kollox inqisu ruħna bħala ministri ta’ Alla, bis-sabar kollu fit-tiġrib, fit-tbatija, fid-djieqa,#2 Kor 4,2. 5fis-swat, fil-ħabsijiet, fit-tixwix, fit-taħbit, fis-sahriet bla rqad, fis-sawm;#2 Kor 11,23-27. 6bis-safa tal-qalb, bl-għerf, bis-sabar, bil-ħlewwa, bi spirtu qaddis, bl-imħabba sinċiera,#1 Tim 4,12. 7bil-kelma tas-sewwa, bil-qawwa ta’ Alla, bl-armi tal-ġustizzja fuq il-lemin u fuq ix-xellug,#1 Kor 2,4. 8fil-ġieħ u fl-għajb, kemm jekk jgħidu l-ħażin u kemm jekk jgħidu t-tajjeb fuqna; iżommuna bħala nies qarrieqa, lilna li ngħidu s-sewwa; 9bħala nies li ma jafhom ħadd, għad li kulħadd jafna; bħala nies f’xifer il-mewt, għad li aħna ħajjin; bħala nies ikkastigati, għad li m’aħniex mogħtijin għall-mewt;#S 118,18; 2 Kor 4,10. 10bħala nies imdejqa, għad li dejjem ferħana; bħala nies foqra, għad li nagħmlu għonja lil ħafna; bħala nies li ma għandhom xejn, għad li kollox huwa tagħna!#2 Kor 7,4; Fil 2,17; Kol 1,24; 1 Tess 1,6.
11Ftaħna fommna għalikom, o Korintin, b’qalbna miftuħa beraħ! 12Għalikom m’hemmx djieq f’qalbna; id-djieq qiegħed f’qalbkom. 13Ħallsuna, qiegħed inkellimkom bħal uliedi, billi tiftħu qalbkom beraħ intom ukoll!#1 Kor 4,14.
Tempju ta’ Alla l-ħaj
14La tintrabtux mal-pagani taħt madmad wieħed li ma jiġikomx. X’għandhom x’jaqsmu bejniethom il-ġustizzja u l-ħażen? X’xirka hemm bejn id-dawl u d-dlam?#Ef 5,7-11. 15Xi ftehim hemm bejn Kristu u Beljar#6,15: Beljar: idolu, alla falz.? Jew x’għandu x’jaqsam min jemmen ma’ min ma jemminx? 16X’rabta hemm bejn it-tempju ta’ Alla mal-idoli? Aħna t-tempju ta’ Alla l-ħaj. Kif jgħid Alla:
Ngħammar f’nofshom u nimxi magħhom.
Inkun Alla tagħhom;
U huma jkunu l-poplu tiegħi. # Lev 26,12; Ġer 32,38; Eżek 37,27; 1 Kor 3,16; 6,19.
17 Għalhekk oħorġu minn ġo nofshom,
u nfirdu minnhom, jgħid il-Mulej;
la tmissux l-imniġġes,
u jien nilqagħkom; # Is 52,11; Eżek 20,34-41; Apk 18,4.
18 u nkun għalikom missier
u intom tkunu għalija wlied, subjien u bniet,
jgħid il-Mulej, li jista’ kollox. # 2 Sam 7,8-14; Is 43,6; Ġer 31,9; Apk 4,8; 11,17; 15,3; 21,22.

Currently Selected:

2 KORINTIN 6: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in