YouVersion Logo
Search Icon

1 KORINTIN 12

12
Kapitlu 12
Id-doni spiritwali
1Ma rridkomx ma tkunux tafu, l-aħwa, dwar id-doni tal-Ispirtu.#Għerf 2,23. 2Tafu li, meta kontu pagani, intom kontu mkaxkrin lejn l-idoli li ma jitkellmux, bla ma biss kontu tafu.#Ħab 2,18-19. 3Għalhekk ngħidilkom li ħadd, hu u jitkellem bl-Ispirtu ta’ Alla, ma jista’ jgħid: “Misħut Ġesù”, u ħadd ma jista’ jgħid: “Ġesù hu l-Mulej” jekk mhux imqanqal mill-Ispirtu s-Santu.#Mk 9,39; 1 Ġw 4,2-3.
4Hemm imbagħad diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu;#Rum 12,6; Ef 4,4. 5hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej;#Ef 4,11. 6hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd. 7Lil kull wieħed tingħata r-rivelazzjoni tal-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd: lil wieħed kliem l-għerf, mill-istess Spirtu;#1 Kor 14,26; Ef 4,12. 8lil ieħor il-kelma tas-sapjenza mill-istess Spirtu; 9lil ieħor il-fidi mill-istess Spirtu; lil ieħor id-don tal-fejqan mill-istess Spirtu; 10lil ieħor is-setgħa tal-mirakli; lil ieħor id-don tal-profezija; lil ieħor id-don tal-għażla tal-ispirti; lil ieħor diversi ilsna; lil ieħor it-tifsir tal-ilsna.#Atti 2,4; 1 Kor 14,5. 11Dan kollu jaħdmu l-istess Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu.#Rum 12,3; 1 Kor 7,7; Ef 4,7.
Membri ta’ ġisem wieħed
12Bħalma l-ġisem hu wieħed u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu.#Rum 12,4-5; 1 Kor 10,17. 13Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed.#Gal 3,28.
14Issa l-ġisem mhuwiex membru wieħed, imma magħmul minn ħafna membri. 15Kieku s-sieq kellha tgħid: “Ladarba m’iniex l-id, jien m’iniex biċċa mill-ġisem,” b’daqshekk mhijiex parti mill-ġisem? 16U kieku l-widna kellha tgħid: “Ladarba m’iniex l-għajn, jien m’iniex biċċa mill-ġisem”, ma jkunx ifisser b’daqshekk li hi mhijiex biċċa mill-ġisem.
17Kieku l-ġisem kollu kien għajn, fejn kien ikun is-smigħ? U kieku kien kollu smigħ, fejn kien ikun ix-xamm? 18Iżda Alla qiegħed il-membri fil-ġisem kull wieħed f’postu, kif għoġbu hu. 19Kieku kollha kellhom ikunu membru wieħed, fejn hu l-ġisem? 20Imma ħafna, iva, huma l-membri, iżda wieħed hu l-ġisem. 21L-għajn ma tistax tgħid lill-id: “Jiena ma għandix bżonnok”, anqas ir-ras ma tgħid lis-saqajn: “Ma għandix bżonnkom”. 22Mhux hekk biss, imma l-membri tal-ġisem li jidhru l-aktar dgħajfa, huma l-aktar meħtieġa; 23u dawk li nqisu bl-inqas ġieħ fil-ġisem, lil dawn l-aktar li nieħdu ħsiebhom; u ’l dawk li ma għandhomx ġmiel, inlibbsuhom b’aktar ġmiel; 24għax il-membri sbieħ ma għandhom bżonn xejn. Alla imma bena l-ġisem b’mod li żejjen b’aktar ġieħ lil dawk li jeħtiġuh l-aktar. 25B’hekk ma jkunx hemm firda fil-ġisem, imma l-membri kollha jaħsbu f’xulxin; 26jekk membru jbati, ibatu lkoll miegħu; jekk membru jingħata l-ġieħ, jifirħu lkoll miegħu.
27Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu.#Rum 12,5; Ef 5,30. 28Lil xi wħud Alla qegħedhom fil-Knisja fl-ewwel post bħala appostli, it-tieni bħala profeti#12,28: It-tieni bħala profeti: ara Ef 2,20., it-tielet bħala għalliema#12,28: It-tielet bħala għalliema: ara Atti 13,1.. Imbagħad id-don tal-mirakli, imbagħad id-don tal-fejqan, l-għajnuna, it-treġija, u d-don ta’ ilsna diversi.#Ef 4,11-12. 29Jaqaw ilkoll appostli? Ilkoll profeti? Ilkoll għalliema? Ilkoll bid-don tal-mirakli? 30Ilkoll għandhom id-don tal-fejqan? Ilkoll jitkellmu bl-ilsna? Ilkoll ifissru? 31Intom ħabirku għal doni ogħla.#1 Kor 14,1.
Il-glorja tal-imħabba
Imma jien nurikom triq li tgħaddihom ilkoll.

Currently Selected:

1 KORINTIN 12: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in