YouVersion Logo
Search Icon

1 KORINTIN 11

11
Kapitlu 11
1Ixbhu lili bħalma jien nixbah lil Kristu.
In-nisa fil-laqgħat tal-Knisja
2Infaħħarkom għax tiftakru dejjem fija u żżommu t-tradizzjonijiet li jien għaddejtilkom. 3Irridkom tkunu tafu li r-ras ta’ kull raġel huwa Kristu, u ras il-mara huwa r-raġel, u ras Kristu hu Alla. 4Kull raġel li jitlob jew jipprofetizza b’rasu mgħottija jagħmel għajb lil rasu. 5Kull mara li titlob jew tipprofetizza b’rasha mikxufa tagħmel għajb lil rasha; l-istess bħallikieku kellha xagħarha maqtugħ#11,5: L-istess bħallikieku kellha xagħarha maqtugħ: dawn l-ideat kienu ispirati mill-użanzi ta’ dak iż-żmien; mara b’xagħarha maqtugħ kien ifisser li kienet ilsira.. 6Jekk il-mara ma tgħattix rasha, ħalliha taqta’ xagħarha. Jekk hu għajb għall-mara li taqta’ jew tqaxxar xagħarha, ħalliha tgħatti rasha.
7Raġel ma jixraqlux jgħatti rasu, għax hu xbieha u glorja ta’ Alla; il-mara hi l-glorja tar-raġel. 8Mhux ir-raġel ġej mill-mara, imma l-mara ġejja mir-raġel.#Ġen 2,21-23; 1 Tim 2,13. 9U mhux ir-raġel li kien maħluq għall-mara, imma l-mara li kienet maħluqa għar-raġel.#Ġen 2,18. 10Għalhekk il-mara għandha tinsatar biex turi li hemm is-setgħa ta’ żewġha fuqha minħabba l-anġli. 11Imma la l-mara ma hi mingħajr ir-raġel u lanqas ir-raġel mingħajr il-mara fil-Mulej. 12Kif il-mara saret mir-raġel, hekk ir-raġel sar permezz tal-mara. Kollox imbagħad minn Alla. 13Iġġudikaw intom! Jixraq li mara titlob xuxa lil Alla? 14Jaqaw ma tgħallimniex in-natura stess li x-xagħar twil hu għajb għar-raġel, 15imma għall-mara x-xagħar twil hu ġmielha? Ix-xagħar twil ngħata lilha bħala velu. 16Jekk xi ħadd irid jitlewwem fuq dan, ngħidulu: aħna ma aħniex imdorrijin hekk u lanqas il-knejjes ta’ Alla.
Abbużi fil-laqgħat tal-Knisja
17F’li sa ngħidilkom ma nfaħħarkomx! Għax intom tiltaqgħu mhux għall-ġid imma għad-deni. 18Qabel xejn, kull meta tiltaqgħu fil-knisja smajt li hemm firda bejnietkom, u xi ħaġa nemmen.#1 Kor 1,10-12; 3,3. 19Għandu jkun hemm firdiet, biex jidhru fostkom il-ġusti.#1 Ġw 2,19. 20Meta tiltaqgħu f’post wieħed mhux l-ikla tal-Mulej li intom tieklu. 21Għax kull wieħed minnkom iġib, jaqbad u jiekol l-ikel tiegħu; wieħed bil-ġuħ u l-ieħor fis-sakra. 22Ma għandkomx djar fejn tieklu u tixorbu? Jew tridu twaqqgħu fl-għajb il-Knisja ta’ Alla u ġġiegħlu jistħu lil dawk li ma għandhomx? X’ngħidilkom? Infaħħarkom? F’dan ma nfaħħarkomx.#Ġak 2,5-6.
It-twaqqif tal-Ewkaristija
23Jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż#Mt 26,26-28; Lq 22,19-20. 24u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” 25Hekk ukoll għamel bil-kalċi wara li kiel u qal: “Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi.”#Eż 24,6-8; Ġer 31,31-40; Żak 9,11; 2 Kor 3,6; Lhud 8,8-13. 26Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.#Mt 26,29.
Tqarbin ħażin
27Mela kull min jiekol il-ħobż jew jixrob il-kalċi tal-Mulej bla ma jixraqlu, ikun ħati tal-ġisem u d-demm tal-Mulej.#Lhud 10,29. 28Ħa jgħarbel il-bniedem lilu nnifsu, imbagħad jiekol il-ħobż u jixrob il-kalċi.#Mt 26,22; 2 Kor 13,5. 29Min jiekol u jixrob bla ma jagħżel minn ikel ieħor il-ġisem tal-Mulej, ikun jiekol u jixrob il-kundanna tiegħu stess. 30Għalhekk ħafna fostkom huma bla saħħa u morda u oħrajn mejta.#Atti 7,60; 1 Kor 15,20; Ef 5,14; 1 Tess 5,6. 31Jekk aħna ngħarblu lilna nfusna sewwa, ma nkunux ikkundannati. 32Meta jagħmel ħaqq minna l-Mulej, jagħmlu biex iwiddibna ħalli ma nkunux ikkundannati mad-dinja.#Lhud 12,5-6. 33Għalhekk mela, l-aħwa, meta tiltaqgħu biex tieklu, stennew lil xulxin. 34Jekk xi ħadd ikun bil-ġuħ ħa jiekol id-dar; biex ma tkunux iltqajtu għall-kundanna tagħkom. Mill-bqija, meta niġi ngħidilkom x’għandkom tagħmlu.

Currently Selected:

1 KORINTIN 11: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in