YouVersion Logo
Search Icon

1 KORINTIN 1

1
Kapitlu 1
Tislima
1Pawlu, li Alla ried isejjaħlu biex ikun appostlu ta’ Kristu Ġesù, u Sòsteni ħuna, 2lill-knisja ta’ Alla li qiegħda f’Korintu#1,2: Korintu: ara Atti 18,1.; lil dawk li tqaddsu fi Kristu Ġesù, imsejħa biex ikunu qaddisin flimkien ma’ dawk kollha li f’kull pajjiż isejħu l-isem ta’ Ġesù Kristu, is-Sid tagħhom u tagħna:#Atti 9,14; 1 Kor 6,11. 3grazzja u sliem mingħand Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu.#Rum 1,7.
4Jiena niżżi ħajr dejjem lil Alla tiegħi minħabba fikom għall-grazzja li Alla takom, lilkom fi Kristu Ġesù; 5fih intom stagħnejtu f’kollox, f’kull kelma, f’kull għerf 6daqs kemm ix-xhieda ta’ Kristu kienet imwettqa fikom. 7Għalhekk m’intom nieqsa minn ebda don, intom u tistennew id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu.#Lq 17,30; 2 Tess 1,7; Tit 2,13. 8Huwa hu li jwettaqkom sal-aħħar biex tkunu bla ħtija fil-jum ta’ Sidna Ġesù Kristu.#Fil 1,16; 1 Tess 3,13; 5,23. 9Alla jżomm kelmtu, minnu kontu msejħin biex tidħlu fix-xirka ta’ Ibnu Sidna Ġesù Kristu#1,9: Sidna Ġesù Kristu: nota karatteristika ta’ Pawlu hi r-ripetizzjoni tal-isem ta’ Kristu: hawn tmien darbiet fi tmien versi! “Qalb Pawlu, qalb Kristu” (San Ġwann Kriżostomu)..#Dt 7,9; 1 Kor 10,13; 1 Tess 5,24; 1 Ġw 1,3.
Firdiet fil-Knisja
10Nitlobkom, l-aħwa, f’isem Sidna Ġesù Kristu, biex tkunu taqblu fi kliemkom u ma jkunx hemm firdiet fostkom. Kunu magħqudin kif imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda.#Fil 2,2. 11L-aħwa, in-nies ta’ Kloji qaluli fuqkom li fostkom hemm it-tilwim: 12irrid ngħid jien, li kull wieħed minnkom qiegħed jgħid, “Jiena ta’ Pawlu,” “U jiena ta’ Apollo,” “U jiena ta’ Kefa#1,12: Kefa: Pietru; ara Ġw 1,42.,” “U jiena ta’ Kristu.”#Ġw 1,42; Atti 18,24-28; 1 Kor 3,4. 13Jaqaw Kristu mifrud? Forsi Pawlu kien li ssallab għalikom jew f’isem Pawlu tgħammidtu? 14Niżżi ħajr lil Alla li ma għammidt lil ħadd, ħlief lil Krispu u lil Gaju,#Atti 18,8; 19,29; Rum 16,23. 15sabiex ħadd ma jgħid li tgħammidtu f’ismi. 16Għammidt ukoll lill-familja ta’ Stefanas; mill-bqija ma nafx li għammidt lil ħaddieħor.#1 Kor 16,15. 17Kristu ma bagħatnix biex ngħammed iżda biex inxandar l-Evanġelju, mhux bi kliem l-għerf sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta’ Kristu.#Mt 28,19; Ġw 4,2.
Kristu l-għerf u l-qawwa ta’ Alla
18Il-predikazzjoni tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu; imma għal dawk li jsalvaw, għalina, hi l-qawwa ta’ Alla.#Rum 1,16; 2 Kor 4,3. 19Bħalma hu miktub:
“Neqred l-għerf tal-għorrief;
inwarrab id-dehen tad-dehnin.” # Is 29,14.
20Fejn hu l-għaref? Fejn hu l-iskriba? Fejn hu l-filosfu ta’ din id-dinja? Forsi Alla ma bellahx l-għerf tad-dinja?#Is 19,12; 33,18; 44,25. 21U billi, fl-għerf ta’ Alla, id-dinja b’għerfha ma għarfitx lil Alla, Alla għoġbu jsalva lil min jemmen bil-bluha tal-predikazzjoni.#Mt 11,25. 22Għax il-Lhud jitolbu s-sinjali#1,22: Il-Lhud jitolbu s-sinjali: ara Mk 8,11., u l-Griegi jfittxu l-għerf,#Mt 12,38; Ġw 4,48; Atti 17,18-32. 23imma aħna nxandru ’l Kristu msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi;#Rum 9,32; 1 Kor 2,14. 24iżda għal dawk li huma msejħin, sew Lhud sew Griegi, Kristu huwa l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla.#Kol 2,3. 25Għax il-bluha ta’ Alla hija għarfa iktar mill-bnedmin, u d-dgħufija ta’ Alla hija aqwa mill-bnedmin.#2 Kor 13,4.
26Araw x’intom, l-aħwa li Alla sejħilkom; għax mhumiex ħafna fostkom li huma għorrief skont il-qjies tad-dinja, mhumiex ħafna s-setgħana, mhumiex ħafna n-nobbli.#Mt 11,25; Ġw 7,48; Ġak 2,1-5. 27Imma Alla għażel in-nies boloh għad-dinja biex iħawwad l-għorrief; għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija; 28għażel il-mistmerra mid-dinja, u n-nies li ma huma xejn, biex iġib fix-xejn ’il dawk li huma xi ħaġa. 29Hekk ebda bniedem ma jkun jista’ jiftaħar quddiem Alla.#Rum 3,27; Ef 2,9. 30Minnu li intom tinsabu fi Kristu Ġesù li sar għalina l-għerf mingħand Alla, ġustizzja, qdusija u fidwa,#Ġer 23,5-6; Ġw 17,19; 2 Kor 5,21. 31biex bħalma hu miktub, “min jiftaħar, ħa jiftaħar fil-Mulej.”#Ġer 9,24; 2 Kor 10,17.

Currently Selected:

1 KORINTIN 1: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in