YouVersion Logo
Search Icon

APOKALISSI 18

18
Kapitlu 18
Anġlu jħabbar il-waqgħa ta’ Babilonja
1Wara dan rajt anġlu ieħor nieżel mis-sema b’setgħa kbira, u l-art imtliet bid-dawl tal-glorja tiegħu. 2U għajjat b’leħen qawwi u qal:
“Iġġarrfet, iġġarrfet Babilonja l-Kbira,
u saret għamara tad-demonji,
saret ħabs tal-ispirti mniġġsin kollha,
ħabs tat-tajr imniġġes u mibgħud kollu;#Is 13,2; 21,9; 34,11; Ġer 50,39; 51,8; Bar 4,35; Apk 14,8.
3għax mill-inbid ibaqbaq taż-żina tagħha
xorbu l-ġnus kollha,
u s-slaten tal-art waqgħu fiż-żina
magħha, u l-merkanti tal-art stagħnew
bil-ħala bla rażan tagħha.”#Is 23,17; Ġer 51,7; Apk 14,8; 17,2.
Il-ħarba tal-poplu ta’ Alla
4Imbagħad smajt leħen ieħor mis-sema jgħid:
“Oħorġu minnha, poplu tiegħi,
biex ma jkollkomx x’taqsmu magħha fi dnubietha,
u biex mill-kastigi tagħha
ma tiħdux sehem.#Is 48,20; 52,11; Ġer 50,8; 51,6-9; 2 Kor 6,17.
5Għax dnubietha saru munzell għoli sas-sema,
u Alla ftakar fl-għemejjel ħżiena tagħha.#Ġen 18,20-21; Ġer 51,9.
6Roddulha skont ma hi stess radditilkom,
ħallsuha d-doppju għal li għamlitilkom,
ħawrulha d-doppju fit-tazza li ħawret hi.#S 137,8; Ġer 50,15-29; 2 Tess 1,6.
7Daqskemm issebbħet u tatha għall-ħala,
daqshekk ieħor ġagħluha tbati u nikktuha,
għax hija f’qalbha tgħid:
‘Jiena sultana bilqiegħda fuq it-tron,
m’iniex armla,
u tassew li n-niket ma nafx bih.’#Is 47,7-9.
8Għalhekk f’jum wieħed jiġuha l-kastigi tagħha:
mewt u niket u ġuħ,
u fin-nar għad tinħaraq,
għax setgħani hu l-Mulej li jagħmel
ħaqq minnha.”#Lev 21,9; Ġer 50,34; Apk 17,16.
Lamentazzjoni fuq Ruma
9Imbagħad is-slaten tal-art, li kienu tawha għaż-żina u għall-ħala magħha, jibdew jibku u jagħtu fuq sidirhom minħabba fiha meta jaraw id-duħħan tal-ħuġġieġa tagħha,#Eżek 26,16; 27,30-35. 10u jieqfu ’l bogħod, kollhom biża’ mit-tbatija tagħha, u jgħidu:
“Jaħasra, jaħasra, il-Belt il-Kbira,
Babilonja, il-belt setgħana!#Eżek 26,17; Dan 4,30.
Kif sarlek f’siegħa waħda l-ħaqq tiegħek!”
11Il-merkanti tal-art jibku u jitnikktu minħabba fiha, għax il-biegħa tagħhom ħadd iżjed ma jkun jixtriha,#Eżek 27,36. 12biegħa ta’ deheb u fidda, ħaġar prezzjuż u ġawhar, għażel fin, porpra, ħarir u drapp tal-iskarlatt, kull xorta ta’ injam ifuħ, kull xorta ta’ oġġetti tal-avorju u ta’ injam jiswa ħafna, bronż, ħadid, irħam, 13ħwawar tal-kannella u ħxejjex tal-balzmu, fwieħa, mirra, inċens, inbid u żejt, smid u qamħ, bhejjem u nagħaġ, żwiemel u karrijiet, ilsiera u nies għall-bejgħ.
14“U tbiegħed minnek
il-frott imwaħħar li għalih kont tixxennaq,
u kull tħaxxim u tlellix intilef għalik,
u żgur li qatt iżjed ma jinstab!”
15Il-merkanti ta’ dawn il-ħwejjeġ, li stagħnew minn fuqha, jieqfu ’l bogħod, imbikkija u mnikkta, kollhom biża’ mit-tbatija tagħha,#Eżek 27,36. 16u jgħidu:
“Jaħasra, jaħasra, il-Belt il-Kbira,
li kienet tilbes għażel fin,
u porpra u drapp tal-iskarlatt,
b’tagħmir ta’ deheb fuqha,
u ħaġar prezzjuż u ġawhar!#Eżek 28,13; Apk 17,4.
17Kif f’siegħa waħda ġie fix-xejn dan l-għana kollu.”
U l-bdoti u n-nies kollha tal-baħar, il-baħrin u dawk kollha li jaħdmu fuq il-baħar, waqfu ’l bogħod,#Eżek 27,27-29. 18u bdew jgħajtu xħin raw id-duħħan tal-ħuġġieġa tagħha, u qalu:
“Min kien bħall-Belt il-Kbira!”#Eżek 27,32.
19U xeħtu t-trab fuq rashom, u nfexxew f’biki u niket u qalu:
“Jaħasra, jaħasra, il-Belt il-Kbira,
li mill-kotra tal-ġid tagħha
stagħna kull min għandu l-iġfna fuq il-baħar!
Kif f’siegħa waħda ġiet fix-xejn!”#Eżek 27,30-34.
20Ifraħ, sema, minħabba fiha,
u intom ukoll, qaddisin u appostli u profeti,
għax Alla tħallas minnha għalikom!#S 96,11; Is 44,23; 49,13; Ġer 51,48.
21Imbagħad wieħed anġlu ta’ saħħa kbira rafa’ ġebla kbira tal-mitħna, waddabha fil-baħar u qal:
“Hekk b’saħħa tintrema
Babilonja, il-Belt il-Kbira,
u ma tinstabx iżjed.#Ġer 51,63-64; Eżek 26,21.
22U fik ma jinstemax iżjed
id-daqq tal-kitarristi u l-leħen tal-għannejja;
tad-daqqaqa tal-flawt u tat-trombi;
ebda mgħallem ta’ ebda sengħa
ma jinstab iżjed ġewwa fik;
fik aktar ma tinstamax
l-għanja tal-mitħna;#Is 24,8; Eżek 26,13.
23fik aktar ma jiddix
id-dawl tal-musbieħ;
l-għana tal-għarus u tal-għarusa
fik aktar ma jinstamax.
Għax il-merkanti tiegħek kienu l-kbarat tal-art,
u bis-seħer tiegħek tqarrqu l-ġnus kollha.”#Is 23,8; 47,9; Ġer 7,34; 16,9; 25,10.
24U fiha nstab id-demm tal-profeti u tal-qaddisin u tal-maqtulin kollha fuq l-art.#Ġer 51,49; Eżek 24,7; Apk 6,10; 17,6; 19,2.

Currently Selected:

APOKALISSI 18: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in