APOKALISSI 17
17
Kapitlu 17
Il-Prostituta l-Kbira u l-Bhima
1Imbagħad ġie wieħed mis-seba’ anġli li kellhom is-seba’ bwieqi, kellimni u qalli: “Ejja ħa nurik il-ħaqq isir miż-Żienja l-Kbira#17,1: Miż-Żienja l-Kbira: Ruma Imperjali, li kienet tippersegwita l-insara. li hi bilqiegħda fuq ħafna ilmijiet;#Ġer 51,13; Apk 17,15. 2kien magħha li waqgħu fiż-żina s-slaten tal-art, u bl-inbid taż-żina tagħha#17,2: Bl-inbid taż-żina tagħha: jiġifieri bl-idolatrija; ara 2,20. sikru dawk li jgħammru fuq l-art.”#Is 23,17; Ġer 5,1; Apk 14,8; 18,3. 3U bil-qawwa tal-Ispirtu ħadni fid-deżert, u rajt Mara riekba fuq Bhima ta’ lewn aħmar dagħmieni, mimlija b’ismijiet midgħajja, li kellha sebat irjus u għaxart iqrun.#Apk 13,1; 17,7-12. 4U l-Mara kellha fuqha lbies tal-porpra u ta’ lewn aħmar skarlatt#17,4: U l-Mara kellha fuqha lbies tal-porpra u ta’ lewn aħmar skarlatt: drappijiet ta’ lussu kbir., b’tagħmira deheb fuqha u ħaġar prezzjuż u ġawhar, u b’tazza tad-deheb f’idha, mimlija bil-qżiżijiet u l-ħmiġijiet taż-żina tagħha.#Ġer 51,7; Eżek 28,13; Apk 18,16. 5Fuq ġbinha kellha miktub isem misterjuż: “Babilonja l-Kbira, omm in-nisa żienja u l-qżiżijiet tal-art.” 6U rajt il-Mara fis-sakra bid-demm tal-qaddisin u bid-demm tal-martri#17,6: Bid-demm tal-martri: vittmi tal-persekuzzjoni Rumana. ta’ Ġesù.
Jien tnixxift inħares lejn dan l-għaġeb kbir. 7U qalli l-anġlu: “Għaliex tistagħġeb? Se ngħidlek jien x’inhu l-misteru tal-Mara u tal-Bhima b’sebat irjus u għaxart iqrun li qiegħda żżommha fuqha.”
It-tixbiha tal-Bhima u tal-Mara Prostituta
8“Il-Bhima li int rajt, kienet, imma m’għadhiex iżjed; issa se titla’ mill-bir bla qiegħ biex tmur għall-qerda tagħha. U dawk li jgħammru fuq l-art, li sa mit-twaqqif tad-dinja isimhom mhuwiex imniżżel fil-ktieb tal-ħajja, jistagħġbu huma u jaraw il-Bhima, li kienet u li m’għadhiex iżjed u li għad terġa’ tidher.#Apk 18,24; 19,2. #Eż 32,32-33; S 69,28; Dan 7,3; 12,1; Fil 4,3; Apk 3,5; 11,7; 13,8; 20,12-15; 21,27. 9Hawn jenħtieġ moħħ li jkollu l-għerf! Is-sebat irjus huma s-seba’ muntanji#17,9: Is-seba’ muntanji: is-seba’ għoljiet li fuqhom mibnija Ruma. li fuqhom hi bilqiegħda l-Mara. U huma wkoll is-seba’ slaten. 10Ħamsa minnhom waqgħu, wieħed għadu hawn, u ieħor għadu ma ġiex, u, meta jiġi, ikollu jdum ftit. 11U l-Bhima, li kienet u ma għadhiex iżjed, hi stess hija t-tmien waħda, imma wkoll waħda mis-sebgħa, u sejra għall-qerda tagħha. 12U l-għaxart iqrun li rajt huma għaxar slaten; huma għadhom ma ħadux is-saltna, iżda għad jieħdu s-setgħa ta’ slaten għal siegħa waħda biss flimkien mal-Bhima.#Dan 7,24. 13Dawn fehma waħda għandhom, li jagħtu l-qawwa u s-setgħa tagħhom lill-Bhima. 14Għad jagħmlu gwerra lill-Ħaruf, u l-Ħaruf joħroġ rebbieħ fuqhom, għax hu Sid is-sidien u Sultan is-slaten, flimkien ma’ dawk li huma miegħu msejħin u magħżulin u fidili.”#Dt 10,17; Dan 2,47; 2 Mak 13,4; 1 Tim 6,15; Apk 19,16.
15U ssokta jgħidli: “L-ilmijiet li rajt, fejn hemm bilqiegħda ż-Żienja, huma popli u folol ta’ nies u ġnus u ilsna. 16U l-għaxart iqrun u l-Bhima li rajt, dawn ikollhom mibegħda għall-Mara żienja, jagħmluha bħal deżert u jneżżgħuha, u jiklulha laħamha u jaħarquha bin-nar.#Lev 21,9; Apk 18,8. 17Għax Alla webbilhom biex jagħmlu l-fehma tiegħu, ħalli huma wkoll fehma waħda jkollhom, li jagħtu s-saltna tagħhom lill-Bhima, sa ma l-kliem ta’ Alla jkun seħħ. 18U l-Mara li rajt hija l-Belt il-Kbira, li għandha s-saltna fuq is-slaten tal-art#17,18: Saltna fuq is-slaten tal-art: l-Imperu Ruman li kien iħaddan il-ġnus u s-saltniet ta’ madwar il-Mediterran kollu..”
Currently Selected:
APOKALISSI 17: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.