YouVersion Logo
Search Icon

SALMI 33

33
Salm 33
Tifħir lis-setgħa u l-provvidenza ta’ Alla
1Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;
jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.#S 32,1; 92,2; 147,1.
2Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra;
għannulu fuq l-arpa b’għaxar kordi.#S 92,4; 144,9.
3Għannulu għanja ġdida;
doqqulu bis-sengħa u b’leħen qawwi.
4Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.#Dt 32,4; S 89,15.
5Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.#S 119,64.
6Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet,
u b’nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.#Ġen 2,1; Ġw 1,1.
7Bħal f’ġarra l-ilmijiet ġabar,
u l-ibħra kbar fi mħażen.#Ġen 1,9-10; Eż 15,8; Ġob 38,8-11; S 78,13.
8Ħa tibża’ mill-Mulej l-art kollha;
jitbeżża’ minnu kull min jgħammar fid-dinja.
9Għax hu tkellem, u hi saret;
hu ordna, u hi twaqqfet.#Ġen 1,3-4; S 148,5; Is 48,13; Ġw 1,3.
10Il-Mulej ixejjen il-fehmiet tal-ġnus,
ifixkel il-ħsibijiet tal-popli.
11Imma l-fehma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem,
minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta’ moħħu.#Eż 19,6; Dt 7,6; S 144,15; Prov 19,21; Is 40,8; 46,10.
12Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,
il-poplu li hu għażel b’wirtu.
13Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej,
u jara l-bnedmin kollha;#Ġer 16,17.
14mill-post fejn jgħammar jistħarreġ fuq
dawk kollha li jgħixu fuq l-art.
15Hu jsawwar il-qalb ta’ kull wieħed,
u jagħraf għemilhom kollu.#S 94,9-11; 139,1-16; Żak 12,1.
16Ma jagħmel xejn is-sultan bl-eżerċtu tiegħu kollu,
anqas ma jeħlisha l-gwerrier bil-ħila kollha tiegħu.#1 Sam 14,6; 17,47; Ġdt 9,7.
17Xejn ma jiswa ż-żiemel għar-rebħa,
b’saħħtu kollha ’l ħadd ma jeħles.
18Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,#S 32,8; 34,16.
19Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ.
20Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.#S 115,9-10.
21Fih jinsab l-hena ta’ qalbna,
fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna.
22Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna.#S 90,17.

Currently Selected:

SALMI 33: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in