YouVersion Logo
Search Icon

SALMI 119

119
Salm 119
Il-ġmiel tal-Liġi ta’ Alla
Alef
1Henjin dawk#119,1: Henjin dawk …: Salm alfabetiku: fih 22 strofa ta’ 8 versi l-waħda għal kull ittra tal-alfabett Lhudi. li triqthom bla ħtija,
li jimxu fil-liġi tal-Mulej.#S 1; 19,8-15.#S 112,1; Mt 5,3-4.
2Henjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu,
u li jfittxuh b’qalbhom kollha.#Dt 4,29; 2 Kron 31,21.
3Huma ma jagħmlux ħażen,
imma jimxu fit-triqat tal-Mulej.
4Int tajt il-preċetti tiegħek,
biex inħarsuhom bir-reqqa.
5Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi
fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek!
6Imbagħad ma jkollix għax nistħi,
la naħseb fuq il-kmandamenti tiegħek kollha.
7Imbagħad infaħħrek b’qalb safja.
Meta nitgħallem id-digrieti ġusti tiegħek.
8Irrid inħares il-kmandamenti tiegħek;
la tħallinix għalkollox!
Bet
9Kif jista’ żagħżugħ jimxi safi fi triqtu?
Billi jħares il-kelma tiegħek.
10B’qalbi kollha jiena nfittxek;
tħallinix nitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek.
11Jien żammejt kelmtek f’qalbi,
biex ma nidneb qatt kontrik.
12Imbierek int, Mulej!
Għallimni l-kmandamenti tiegħek.#S 25,4; 143,10.
13B’xufftejja jiena nxandar
id-digrieti kollha ta’ fommok.
14Nifraħ fit-triq tal-preċetti tiegħek,
daqs kieku kelli l-għana kollu.
15Fuq il-preċetti tiegħek irrid naħseb,
u nżomm għajnejja fuq triqatek.
16Bil-kmandamenti tiegħek irrid nitgħaxxaq,
qatt ma ninsa l-kelma tiegħek.
Gimel
17Kun twajjeb mal-qaddej tiegħek,
agħtini li ngħix u nħares il-kelma tiegħek.
18Iftaħli għajnejja,
biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek.
19Barrani jien fuq l-art;
taħbix minni l-kmandamenti tiegħek.#S 39,13.
20Tinfena qalbi l-ħin kollu
bix-xewqa tad-digrieti tiegħek.
21Il-kburin inti ċċanfarhom;
misħut min jitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek.
22Neħħi minn fuqi t-tagħjir u tkasbir tagħhom,
għax jiena nħares il-preċetti tiegħek.
23Imqar jekk il-kbarat joqogħdu jqassu fuqi,
fuq il-kmandamenti tiegħek jibqa’ jaħseb il-qaddej tiegħek.
24Il-preċetti tiegħek huma l-għaxqa tiegħi,
huma jagħtuni l-parir tajjeb.
Dalet
25Mixħuta fit-trab hi ruħi;
aħjini int skont kelmtek.#S 44,26.
26Triqati wrejtek, u int weġibtni;
għallimni l-kmandamenti tiegħek.
27Fehemni t-triq tal-preċetti tiegħek,
biex naħseb fuq għeġubijietek.
28Jiena nfnejt bin-niket;
erfagħni int skont kelmtek.
29Biegħed minni triq il-gideb;
agħtini fi tjubitek il-liġi tiegħek.
30Jiena għażilt it-triq tas-sewwa;
ħtart għalija d-digrieti tiegħek.
31Inżomm sħiħ mal-preċetti tiegħek;
Mulej, tħallinix naqa’ fil-mistħija.
32Jien niġri fit-triq tal-kmandamenti tiegħek,
għax int saħħaħtli qalbi.
He
33Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek;
jiena rrid nibqa’ fiha sal-aħħar.#S 19,12.
34Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek
u nagħmilha b’qalbi kollha.
35Mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek,
għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi.
36Iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek,
u mhux lejn ir-regħba.
37Tħallix lil għajnejja jħarsu lejn il-frugħa;
agħtini l-ħajja bil-kelma tiegħek.
38Żomm il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek,
li int għamilt ma’ dawk li jibżgħu minnek.
39Warrab minni l-għajb li nibża’ minnu,
għax tajbin huma d-digrieti tiegħek.
40Ara kif jiena mxennaq għall-preċetti tiegħek;
fil-ġustizzja tiegħek agħtini l-ħajja.
Waw
41Ħa tinżel fuqi tjubitek, Mulej,
u s-salvazzjoni tiegħek skont il-wegħda tiegħek.
42Imbagħad nagħti tweġiba lil min jgħajjarni,
għax jien nafda fil-kelma tiegħek.
43Tneħħili qatt minn fommi kliem is-sewwa,
għax jien fid-digrieti tiegħek nittama.
44Inħares il-liġi tiegħek għal dejjem,
u għal dejjem ta’ dejjem.
45U nkun bla xkiel fil-mixi tiegħi,
għax jiena nfittex il-preċetti tiegħek.#Esd 7,10.
46U nitkellem fuq il-preċetti tiegħek
quddiem is-slaten, u ma nistħix.
47Nitgħaxxaq bil-kmandamenti tiegħek,
li jiena ħabbejt.
48Nerfa’ jdejja#119,48: Nerfa’ jdejja: ġest mill-eqdem b’simbolu ta’ talb. lejn il-kmandamenti tiegħek,
u naħseb fuq il-preċetti tiegħek.
Żajin
49Ftakar fil-kelma li tajt lill-qaddej tiegħek,
li biha inti ttamajtni.
50Dan hu l-faraġ fin-niket tiegħi:
li l-wegħda tiegħek tagħtini l-ħajja.
51Jiddieħku bija l-kburin għall-aħħar;
imma jiena ma nitbigħedx mil-liġi tiegħek.
52Niftakar fid-digrieti tiegħek ta’ dari;
fihom, Mulej, jiena nsib il-faraġ tiegħi.
53Nagħdab għall-aħħar minħabba l-ħżiena
li jitilqu l-liġi tiegħek.
54L-għanja tiegħi l-kmandamenti tiegħek,
f’dan il-post fejn jien barrani.
55Billejl f’ismek niftakar, Mulej,
u nħares il-liġi tiegħek.
56Din hi l-barka li messet lili:
li jiena nħares il-preċetti tiegħek.
Ħet
57Jien għedt, Mulej: “Dan hu sehmi,
li nħares il-kelma tiegħek.”
58Quddiemek nitlob b’qalbi kollha;
ħenn għalija skont il-wegħda tiegħek.
59Jien qist sewwa l-mixi tiegħi,
u rġajt lura lejn il-preċetti tiegħek.
60Ngħaġġel u ma nitnikkirx,
biex inħares il-kmandamenti tiegħek.
61Il-ħbula tal-ħżiena dawramejt għalquni,
imma jien ma nsejtx il-liġi tiegħek.
62F’nofs il-lejl inqum infaħħrek
minħabba d-digrieti ġusti tiegħek.
63Nissieħeb ma’ kull min għandu l-biża’ tiegħek,
ma’ dawk li jħarsu l-preċetti tiegħek.
64Mimlija, Mulej, l-art bit-tjieba tiegħek;
għallimni l-kmandamenti tiegħek.#S 33,5.
Tet
65Ġid għamilt mal-qaddej tiegħek,
Mulej, skont il-kelma tiegħek.
66Fehma tajba u għerf għallimni,
għax jien nemmen fil-kmandamenti tiegħek.
67Qabel ma għakkistni, jien kont fl-iżball;
imma issa nħares il-kelma tiegħek.
68Twajjeb int, u l-ġid tagħmel;
għallimni l-kmandamenti tiegħek.
69Jixluni l-kburin bil-gideb;
imma jien b’qalbi kollha nħares il-preċetti tiegħek.
70Smina bil-ħażen bħax-xaħam qalbhom#119,70: Bħax-xaħam qalbhom: skont l-antiki l-qalb kienet iċ-ċentru tal-personalità ta’ bniedem; biha jaħseb, iħoss, iħobb. Qalb imxaħħma tfisser qalb iebsa u tqila biex tifhem.;
imma jien bil-liġi tiegħek nitgħaxxaq.#S 17,10; 73,7.
71Swieli ta’ ġid li għakkistni,
għax tgħallimt il-kmandamenti tiegħek.
72Aħjar għalija l-liġi ta’ fommok
mill-eluf ta’ flejjes tad-deheb u l-fidda.
Jod
73Idejk għamluni u sawruni;
fehemni u għallimni l-kmandamenti tiegħek.#Dt 32,6; Ġob 10,8.
74Jarani u jifraħ min għandu l-biża’ tiegħek,
għax jiena ttamajt fil-kelma tiegħek.#S 130,5.
75Jien naf, Mulej, li ġusti d-digrieti tiegħek;
u li skont is-sewwa għakkistni.
76Tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi,
skont il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek,
77Tiġi fuqi tjubitek, biex ikolli l-ħajja;
għax il-liġi tiegħek hi l-għaxqa tiegħi.
78Jistħu l-kburin, li bil-qerq jaħqruni;
imma jien naħseb fil-preċetti tiegħek.
79Ħa jduru lejja dawk li jibżgħu minnek,
dawk li jagħrfu l-preċetti tiegħek.
80Tkun qalbi bla ħtija fil-kmandamenti tiegħek,
biex ma jkollix għax nistħi.
Kaf
81Ninfena bix-xewqa tas-salvazzjoni tiegħek;
jien nittama fil-kelma tiegħek.
82Għejew għajnejja jistennew il-wegħda tiegħek;
u jien nistaqsi: “Meta se tfarraġni?”
83Sirt qisni ġild imnixxef fid-duħħan;
imma ma nsejtx il-kmandamenti tiegħek.#Ġob 30,30; S 35,14.
84Kemm se jdum jistenna l-qaddej tiegħek?
Meta se tagħmel ħaqq minn dawk li jħabbtuni?
85Ħaffru l-kburin ħofra għalija,
dawk li ma jimxux skont il-liġi tiegħek.
86Sewwa huma l-kmandamenti tiegħek kollha;
għinni int, meta bil-qerq iħabbtuni.
87Għal ftit ma qerdunix minn din l-art;
imma jien ma ħallejtx il-preċetti tiegħek.
88Fit-tjieba tiegħek agħtini l-ħajja;
u jiena nħares il-preċetti ta’ fommok.
Lamed
89Għal dejjem, Mulej, il-kelma tiegħek;
hi mwaqqfa fis-sod fis-smewwiet.#S 19,10; Prov 8,22-23; Is 40,8.
90Minn nisel għal nisel il-fedeltà tiegħek;
fuq l-art waqqaftha, u żammet fis-sod.
91B’digriet tiegħek għadhom sħaħ sa llum;
għax kollox hu għall-qadi tiegħek.
92Li ma sibtx l-hena fil-liġi tiegħek,
kont nintemm fin-niket tiegħi.
93Ma ninsa qatt il-preċetti tiegħek,
għax bihom int tagħtini l-ħajja.
94Tiegħek jien; salvani int!
Jiena nfittex il-preċetti tiegħek.
95Jgħassuli l-ħżiena biex jeqirduni;
imma jien ħsiebi fil-preċetti tiegħek.
96Jien rajt it-tmiem ta’ kulma jgħaddi;
imma bla tarf il-kmandamenti tiegħek.
Mem
97Kemm inħobbha l-liġi tiegħek!
Il-jum kollu ħsiebi fiha.
98Il-kmandament tiegħek għal dejjem miegħi,
jagħmilni egħref mill-għedewwa tiegħi.
99Jien nifhem aktar mill-imgħallmin tiegħi kollha,
għax ħsiebi fil-kmandamenti tiegħek.
100Aktar mix-xjuħ jien bil-għaqal,
għax inħares il-preċetti tiegħek.#Ġob 32,6-7; Għerf 4,8-9.
101Minn kull triq ħażina nwarrab riġlejja,
biex inħares il-kelma tiegħek.
102Mid-digrieti tiegħek qatt ma nitbiegħed,
għax int kont li għallimthomli.
103Kemm hi ħelwa l-wegħda tiegħek!
Oħla mill-għasel għal fommi.#S 19,11; Ġer 15,16.
104Jien ksibt id-dehen bil-preċetti tiegħek;
għalhekk nobgħod kull triq qarrieqa.
Nun
105Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek,
u dawl fil-mogħdija tiegħi.#S 18,29; Prov 6,23.
106Ħlift, u rrid inżomm kelmti,
li nħares id-digrieti ġusti tiegħek.
107Ninsab imnikket għall-aħħar, Mulej;
agħtini l-ħajja skont il-kelma tiegħek.
108Ilqa’, Mulej, il-qima ta’ fommi,
u għallimni d-digrieti tiegħek.#S 50,14-23; Lhud 13,15.
109Ħajti dejjem fit-tiġrif,
imma qatt ma ninsa l-liġi tiegħek.
110Il-ħżiena nasbuli x-xibka,
imma jien ma warrabtx mill-preċetti tiegħek.
111Il-preċetti tiegħek wirti għal dejjem;
huma l-għaxqa ta’ qalbi.
112Inħajjar ’il qalbi biex tħares il-kmandamenti tiegħek,
għal dejjem u sal-aħħar.
Samek
113In-nies ta’ żewġt iqlub#119,113: In-nies ta’ żewġt iqlub: dawn in-nies indeċiżi jekk jibqgħux fidili jew le lejn Alla; ara 1 Slat 18,21. nobgħodhom;
imma l-liġi tiegħek inħobbha.
114Inti l-kenn u t-tarka tiegħi;
fil-kelma tiegħek jien nittama.
115Tbiegħdu minni, intom nies ħżiena,
biex inħares il-kmandamenti ta’ Alla tiegħi.#S 6,9.
116Żommni skont il-wegħda tiegħek,
biex nibqa’ ħaj; tħallix bla temma t-tama tiegħi.
117Għinni int, u jiena nsalva;
u ħsiebi jkun dejjem fil-kmandamenti tiegħek.
118Int tistmell ’il kull min jitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek,
għax qarrieqa l-fehma tagħhom.
119Bħal skart għalik il-ħżiena tal-art;
għalhekk inħobb il-preċetti tiegħek.#Eżek 22,18-22.
120Jitkexkex ġismi bil-biża’ tiegħek;
mid-digrieti tiegħek nibża’.#Ġob 4,14-15; S 88,17.
Għajn
121Jien għamilt il-ħaqq u s-sewwa;
titlaqnix f’idejn dawk li jaħqruni.
122Serraħ ras il-qaddej tiegħek li tridlu l-ġid;
tħallix li l-kburin jgħakksuni.
123Għejew għajnejja jistennew is-salvazzjoni tiegħek,
u l-wegħda tal-ġustizzja tiegħek.
124Imxi mal-qaddej tiegħek skont it-tjieba tiegħek,
għallimni l-kmandamenti tiegħek.
125Qaddej tiegħek jien; agħtini d-dehen,
biex nagħraf il-preċetti tiegħek.
126Issa l-waqt li tindaħal, Mulej,
għax kisru l-liġi tiegħek.
127Għalhekk inħobb il-kmandamenti tiegħek,
aktar mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin.
128Għalhekk jien nimxi dritt fuq il-preċetti tiegħek,
u nobgħod kull triq qarrieqa.
Pe
129Tal-għaġeb huma l-preċetti tiegħek,
għalhekk tħarishom qalbi.
130It-tifsir ta’ kelmtek jagħti d-dawl,
ifiehem lil min ma jafx.#S 73,17.
131Niftaħ fommi u nieħu r-ruħ,
għax nixxennaq għall-kmandamenti tiegħek.
132Dur lejja u ħenn għalija,
kif dejjem tagħmel ma’ min iħobb ’l ismek.#S 5,12; 25,16; 91,14.
133Żomm sħiħ il-mixi tiegħi skont il-wegħda tiegħek,
u ebda deni ma jaħkem fuqi.
134Eħlisni mill-moħqrija tal-bniedem,
u nħares il-preċetti tiegħek.
135Ħa jiddi wiċċek#119,135: Ħa jiddi wiċċek: ħa titbissem lill-qaddej tiegħek; ara Num 6,25; S 62,2; 88,4. fuq il-qaddej tiegħek,
għallimni l-kmandamenti tiegħek.#S 4,7.
136Id-dmugħ bħal wied iġelben minn għajnejja,
għax ma jħarsux il-bnedmin il-liġi tiegħek.#Esd 9,3-4; Eżek 9,4.
Sade
137Ġust int, Mulej;
u sewwa d-digrieti tiegħek.
138Bil-ġustizzja għamilt il-preċetti tiegħek,
u b’fedeltà mill-akbar.
139Tifnini l-ħeġġa tiegħi,
għax insew kelmtek l-għedewwa tiegħi.#S 69,10.
140Il-wegħda tiegħek jien ippruvajtha;
għalhekk iħobbha l-qaddej tiegħek.
141Għalkemm jien żgħir u mżeblaħ,
ma ninsiex il-preċetti tiegħek.
142Ġustizzja ta’ dejjem hi l-ġustizzja tiegħek,
u sewwa l-liġi tiegħek.
143Għalkemm id-diqa u n-niket waqgħu fuqi,
il-kmandamenti tiegħek baqgħu l-għaxqa tiegħi.
144Ġustizzja ta’ dejjem il-preċetti tiegħek;
agħtini d-dehen biex ikolli l-ħajja.
Qof
145B’qalbi kollha ngħajjatlek; weġibni, Mulej;
irrid inħares il-kmandamenti tiegħek.
146Lilek insejjaħ: salvani int;
u nħares il-preċetti tiegħek.
147Sa minn qabel is-sebħ nitlob l-għajnuna;
u fi kliemek jien nittama.
148B’għajnejja miftuħa tul is-sahriet tal-lejl,
jien noqgħod naħseb fuq il-wegħda tiegħek.#S 63,7; 77,5.
149Isma’ leħni, Mulej, fit-tjieba tiegħek;
u żommni ħaj skont id-digrieti tiegħek.
150Qorbu lejja dawk li jfittxu l-ħażen,
dawk li tbiegħdu mil-liġi tiegħek.
151Imm’inti ħdejja, Mulej;
sewwa huma l-kmandamenti tiegħek.
152Jien ili naf mill-preċetti tiegħek
li għal dejjem int waqqafthom.
Rex
153Ħares lejn in-niket tiegħi, u eħlisni,
għax jien ma nsejtx il-liġi tiegħek.
154Iddefendi l-kawża tiegħi, u ifdini;
agħtini l-ħajja skont il-wegħda tiegħek.#S 43,1.
155’Il bogħod mill-ħżiena s-salvazzjoni,
għax ma jfittxux il-kmandamenti tiegħek.
156Kbira l-ħniena tiegħek, Mulej;
agħtini l-ħajja skont id-digrieti tiegħek.
157Ħafna li jagħmlu għalija u jħabbtuni;
imma jien ma nitbigħedx mill-preċetti tiegħek.
158Nara ’l dawk li ħallewk u nistkerrahhom,
għax ma jħarsux il-kelma tiegħek.
159Ara, kif inħobb il-preċetti tiegħek, Mulej;
agħtini l-ħajja skont it-tjieba tiegħek.
160Is-sewwa tiegħek il-qofol ta’ kelmtek;
għal dejjem id-digrieti tal-ġustizzja tiegħek.
Sin
161Il-kbarat għal xejn b’xejn jagħmlu għalija,
imma minn kelmtek tibża’ qalbi.
162Ferħan jien minħabba l-wegħda tiegħek,
bħal min isib xi priża kbira.
163Il-qerq nobogħdu u nistkerrhu,
imma l-liġi tiegħek inħobbha.
164Seba’ darbiet kull jum infaħħrek#119,164: Seba’ darbiet kull jum infaħħrek: jiġifieri ħafna drabi, skont l-idjoma Lhudija; ara Ġen 4,24; S 12,7; Prov 24,16; Mt 18,21-22; Lq 17,4.
għad-digrieti ġusti tiegħek.
165Sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek;
ma hemm ebda tfixkil għalihom.#S 37,11; 72,7.
166Nistenna s-salvazzjoni tiegħek, Mulej;
u nħares il-kmandamenti tiegħek.
167Ruħi tħares il-preċetti tiegħek;
u jiena nħobbhom ħafna.
168Inħares il-preċetti u l-kmandamenti tiegħek;
quddiem għajnejk l-imġiba tiegħi kollha.#Prov 5,21.
Taw
169Ħa tasal quddiemek, Mulej, l-għajta tiegħi;
agħtini d-dehen skont il-kelma tiegħek.
170Ħa jasal quddiemek it-tħannin tiegħi;
eħlisni skont il-wegħda tiegħek.#S 79,11; 88,3.
171Jinfexxu xufftejja fit-tifħir tiegħek,
għax int tgħallimni l-kmandamenti tiegħek.
172Ixandar ilsieni l-wegħda tiegħek,
għax kollha ġusti l-kmandamenti tiegħek.
173Ħa tkun idek l-għajnuna tiegħi,
għax jien ħtart il-preċetti tiegħek.
174Jien nixtieq is-salvazzjoni tiegħek, Mulej;
il-liġi tiegħek hija l-għaxqa tiegħi.
175Ħa nibqa’ ħaj, biex infaħħrek!
Ikunu d-digrieti tiegħek l-għajnuna tiegħi!#S 22,27; 69,33; Is 38,19.
176Jien ħriġt mit-triq bħal nagħġa mitlufa; fittex il-qaddej tiegħek,
għax jien ma nsejtx il-kmandamenti tiegħek.#Is 53,6; Ġer 50,6; Eżek 34; Lq 15,4-7.

Currently Selected:

SALMI 119: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in