YouVersion Logo
Search Icon

SALMI 102

102
Salm 102
Krib u talb fl-hemm
1Talba ta’ wieħed imnikket, li fit-telqa tiegħu jiftaħ qalbu mdejqa quddiem il-Mulej.
2Mulej, isma’ t-talba tiegħi,
ħa tasal għandek l-għajta tiegħi.
3Taħbix wiċċek minni f’jum id-dwejjaq tiegħi;
ressaq widintek lejja, meta nsejjaħlek fittex weġibni!#S 69,18; 143,7.
4Għax jiemi bħal duħħan jgħibu;
u għadmi bħal ħuġġieġa jaqbad.
5Nixfet qalbi bħal ħaxix maqtugħ;
ninsa niekol sal-ħobż tiegħi.
6Bl-ilfiq qawwi tiegħi
sirt għadma u ġilda.
7Qisni xi tajra fix-xagħri;
sirt bħal kokka qalb xi ħerba.
8Nibqa’ mqajjem u nitniehed,
bħal għasfur waħdu fuq bejt.
9Il-jum kollu jgħajruni l-għedewwa tiegħi,
jixegħlu għalija u jidgħu bija.
10Niekol l-irmied bħal ħobż,
u x-xorb tiegħi bid-dmugħ inħallat,#S 42,4.
11minħabba l-għadab u s-saħna tiegħek,
għax inti rfajtni, u mbagħad tlaqtni.
12Jiemi qed jonqsu bħad-dell ta’ filgħaxija;
u jien bħal ħaxix qiegħed ninxef.#Ġob 8,9; 14,2; S 90,6; 109,23; 144,3; Għerf 2,5.
13Imma int, Mulej, għal dejjem tibqa’;
minn nisel għal nisel it-tifkira tiegħek.#Lam 5,19.
14Inti tqum u tħenn għal Sijon,
għax hu ż-żmien u l-waqt li tħenn.
15Għax għażiż għall-qaddejja tiegħek il-ġebel tagħha;
tiġihom ħasra mit-trab tagħha.#Is 52,2.
16Ħa jkollhom il-ġnus il-biża’ ta’ ismek, Mulej,
u s-slaten kollha tal-art il-biża’ tas-sebħ tiegħek,#Is 59,19; 66,18.
17meta l-Mulej jerġa’ jibni lil Sijon,
u jidher fis-sebħ tiegħu.#Is 60,1.
18U jisma’ t-talb tal-mitluqin,
ma jistmellx it-talb tagħhom.
19Jinkiteb dan għan-nisel li għad jiġi,
u poplu ġdid għad ifaħħar lill-Mulej.#S 22,31-32.
20Il-Mulej iħares ’l isfel
mill-għoli tas-santwarju tiegħu,
u jittawwal mis-sema lejn l-art,
21biex jisma’ l-krib tal-ilsiera,
biex jeħles ’il dawk li huma għall-mewt.#S 79,11.
22U hekk jixxandar f’Sijon isem il-Mulej,
u f’Ġerusalemm it-tifħir tiegħu,
23meta l-popli flimkien jinġemgħu,
u saltniet biex jaqdu l-Mulej.#Is 60,3-4; Żak 2,15; 8,22.
24Neħħieli saħħti f’nofs it-triq,
qassarli ż-żmien ta’ ħajti.#S 39,5; 90,10; 26; Is 51,6-8; 65,17; 66,22; Lam 5,19; Lhud 1,10-12; 13,8; Apk 20,11; 21,1.
25Jien ngħidlu: “Alla tiegħi,
la teħodnix f’nofs ħajti,
la darba żmienek idum għal dejjem.
26L-art int waqqaftha sa mill-bidu;
għemil idejk huma s-smewwiet.
27Huma jgħaddu, imma int tibqa’;
bħal libsa huma lkoll jiqdiemu,
tbiddilhom bħal libsa u jintemmu.
28Imma int li int tibqa’;
bla tmiem huma s-snin tiegħek.
29Ulied il-qaddejja tiegħek ikollhom darhom;
nisilhom jibqa’ għal dejjem quddiemek.”#S 69,36-37.

Currently Selected:

SALMI 102: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in