YouVersion Logo
Search Icon

MARK 4

4
Kapitlu 4
Il-parabbola taż-żerriegħ
(Mt 13,1-9; Lq 8,4-8)
1Raġa’ beda jgħallem ħdejn il-baħar, u nġabret madwaru kotra kbira, hekk li kellu jitla’ bilqiegħda f’dgħajsa fuq il-baħar, u n-nies kollha l-art matul ix-xatt.#Mk 3,7-9; Lq 5,1-3. 2U qagħad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ bil-parabboli, u fit-tagħlim tiegħu qalilhom:#Mt 13,34; Mk 4,33-34.
3“Isimgħu. Darba kien hemm bidwi u ħareġ jiżra’. 4Ġara li hu u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu fil-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. 5Oħrajn waqgħu f’art kollha blat fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; 6meta mbagħad telgħet ix-xemx, inħarqu u nixfu, billi ma kellhomx għeruq. 7Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk u x-xewk kiber u ħanaqhom, u frott ma għamlux. 8Oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott; u l-frott kiber u tkattar, u min għamel tletin, min sittin, u min mija.” 9U qal: “Min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’!”#Mt 11,15; Mk 4,23; Lq 14,34; Apk 2,7-29.
L-għala Ġesù tkellem bil-parabboli
(Mt 13,10-15; Lq 8,9-10)
10Meta kien waħdu, dawk ta’ madwaru flimkien mat-Tnax resqu jitolbuh ifissrilhom il-parabboli.#Mt 15,15; Mk 7,17. 11U hu qalilhom: “Lilkom ingħata l-misteru tas-Saltna ta’ Alla, imma l-oħrajn, li huma barra, ikollhom kollox bil-parabboli, 12ħalli
‘jħarsu kemm iħarsu ma jarawx,
u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux,
li ma jbiddlux ħajjithom u jaqilgħu l-maħfra’.” # Is 6,9-10; Ġw 12,40.
Ġesù jfisser il-parabbola taż-żerriegħ
(Mt 13,18-23; Lq 8,11-15)
13“Din il-parabbola m’intomx tifhmuha?” qalilhom. “Mela kif se tifhmu l-parabboli l-oħra kollha? 14Dak li l-bidwi jiżra’ hija l-kelma. 15Dawk ta’ matul il-mogħdija, fejn inżergħet il-kelma, huma dawk li malli jisimgħuha, jersaq ix-Xitan u jaħtfilhom il-kelma li nżergħet f’qalbhom. 16Dawk li jinżergħu f’art kollha blat huma dawk li meta jisimgħu l-kelma, minnufih jilqgħuha bil-ferħ, 17imma għeruq ma jkollhomx, u għalhekk ftit idumu; meta mbagħad jiġi fuqhom l-għawġ, jew isibu min iħabbathom minħabba l-kelma, malajr jitfixklu.#Mt 26,31; Mk 14,27. 18L-oħrajn li jinżergħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu l-kelma, 19iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja, ir-rabta mal-ġid tal-art, u l-ġibda għal ħwejjeġ oħra, jidħlu fihom u joħonqulhom il-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott.#Mt 19,23-24; Mk 10,23-24; Lq 12,15-21. 20Dawk imbagħad li jinżergħu f’art tajba huma dawk li jisimgħu l-kelma, jilqgħuha, u jagħmlu l-frott, min tletin, min sittin u min mija.”
Il-parabbola tal-musbieħ
21U qalilhom: “Jaqaw il-musbieħ iġibuh biex iqegħduh taħt is-siegħ jew taħt is-sodda? Mhux fuq l-imnara jqegħduh?#Mt 5,15; Lq 11,33; Mt 10,26; Lq 12,2. 22Għax ma hemm xejn moħbi jekk mhux biex jingħaraf, u xejn ma hu mistur jekk mhux biex jinġieb għad-dawl. 23Jekk hawn min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’!”#Mt 11,15; Mk 4,9; Lq 14,35; Apk 2.
24U qalilhom: “Oqogħdu attenti x’tisimgħu! Bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom, u jingħatalkom iżjed ukoll.#Mt 7,2; Lq 6,37. 25Għax min għandu, jingħatalu; u min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu.”#Mt 13,21; 25,29; Lq 19,26.
Il-parabbola taż-żerriegħa li tinbet weħidha
26U qal: “Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. 27Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif.#Ġak 5,7. 28L-art trodd minnha nfisha l-ewwel il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad il-qamħ mimli fis-sbula. 29U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad.”#Ġoel 4,13; Apk 14,15.
Il-parabbola taż-żerriegħa tal-mustarda
(Mt 13,31-32; Lq 13,18-19)
30U qal: “Ma’ xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha? 31Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art;#Mt 17,20; Lq 17,6. 32imma wara li tinżara’ tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar tal-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha.”#Eżek 17,23; 31,6; Dan 4,12-21.
L-użu tal-parabboli
(Mt 13,34-35)
33B’ħafna parabboli bħal dawn kien ixandrilhom il-kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma, 34u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox.
Ġesù jsikket it-tempesta
(Mt 8,18.23-27; Lq 8,22-25)
35Dak inhar, xħin sar filgħaxija qalilhom: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor.” 36Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra. 37U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. 38Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?” 39Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!” U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira.
40U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?” 41U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”

Currently Selected:

MARK 4: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in