MARK 5
5
Kapitlu 5
Ġesù jfejjaq raġel imxajtan f’Gerasa
(Mt 8,28-34; Lq 8,26-39)
1Waslu x-xatt l-ieħor tal-baħar u ġew fil-pajjiż tal-Gerasin. 2Kif niżel mid-dgħajsa, resaq fuqu wieħed, li ħareġ mill-oqbra#5,2: Oqbra: dawn kienu mħaffra fil-blat fil-ġnub tal-widien; għalhekk wieħed seta’ jgħammar fihom., li kien maħkum minn spirtu ħażin.#Mk 1,23. 3Dan kien jgħammar fl-oqbra, u ħadd ma kien jista’ jżommu marbut, anqas b’katina, 4għax bosta drabi laħqu rabtuh bix-xkiel u bil-ktajjen u hu kien jaqsam il-ktajjen u jkisser ix-xkiel, u ħadd ma kellu l-ħila jżommu. 5Lejl u nhar kien il-ħin kollu joqgħod qalb l-oqbra jew fuq il-muntanji, jixher u jqatta’ ġismu biż-żrar. 6Kif lemaħ lil Ġesù mill-bogħod ġera lejh, inxteħet fl-art quddiemu, 7u għajjat b’leħen qawwi u qallu: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù, Bin Alla l-Għoli? Aħlifli fuq Alla li ma taħqarnix!”#1 Slat 17,18; Mt 26,63; Mk 1,24; Lq 1,32; 4,34; 6,35. 8Għax kien qallu: “Oħroġ, ja spirtu ħażin, minn dan il-bniedem!” 9Imbagħad staqsieh: “X’jismek?” “Leġjun#5,9: Leġjun: ara nota Mt 26,53. jisimni,” wieġbu, “għax aħna ħafna.” 10U beda jitolbu bil-ħerqa biex ma jkeċċihomx barra mill-pajjiż. 11Mela kien hemm merħla kbira ta’ qżieqeż#5,11: Qżieqeż: il-Lhud kienu jqisu l-qażquż annimal imniġġes, u ma kinux jistgħu jieklu laħmu. Minn dan jidher li Ġesù kien f’pajjiż pagan. tirgħa mal-ġenb tal-għolja, 12u l-ispirti talbuh ħafna u qalulu: “Ibgħatna lejn il-qżieqeż ħa nidħlu fihom.” 13U ħalliehom imorru. L-ispirti ħżiena ħarġu, u daħlu fil-qżieqeż; u l-merħla, li kienet ta’ madwar elfejn ras, inxteħtet għal ġol-baħar mill-għoli tax-xaqliba u għerqet fil-baħar. 14Ir-rgħajja tagħhom ħarbu u marru jxerrdu l-aħbar mal-belt u l-irziezet, u n-nies ġiet tara x’ġara. 15Ġew ħdejn Ġesù, u lil dak li qabel kien maħkum mix-xitan u li kellu l-leġjun ġo fih rawh bilqiegħda, liebes u moħħu f’sikktu, u baqgħu miblugħin bil-biża’. 16In-nies li raw il-ġrajja qalulhom x’kien għadda minn għala l-imxajtan u l-qżieqeż. 17Imbagħad bdew jitolbuh ħafna lil Ġesù biex iwarrab minn pajjiżhom. 18Kif kien tiela’ fuq id-dgħajsa, dak li qabel kien maħkum mix-xitan beda jitolbu ħafna biex iħallih jibqa’ miegħu. 19Iżda hu ma ħalliehx, u qallu: “Mur inġabar id-dar ma’ niesek, u għidilhom kulma għamel miegħek il-Mulej, u kif ħenn għalik.”#Mt 9,6; Mk 8,26; Lq 5,24; 8,39. 20Dak telaq, u beda jxandar fid-Dekapoli#5,20: Dekapoli: ara nota Mt 4,25. kemm kien għamel miegħu Ġesù. U kulħadd stagħġeb.
Ġesù jfejjaq mara u jqajjem tifla mill-mewt
(Mt 9,18-26; Lq 8,40-56)
21Wara li Ġesù raġa’ qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta’ nies. 22U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, inxteħet f’riġlejh, 23u talbu ħafna u qallu: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix.”#Mt 8,3; Mk 6,5; 7,32; 8,23-25; Lq 4,40; 13,13; Atti 9,12-17; 28,8. 24U Ġesù telaq miegħu, b’kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu.
25U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm. 26Kienet batiet wisq taħt ħafna tobba, u nefqet kulma kellha, u mhux biss ma swielha xejn, imma talli marret għall-agħar. 27Meta semgħet b’Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet minn warajh u messitlu l-mantar,#Mt 14,36; Mk 6,56. 28għax qalet: “Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejqa.” 29F’daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha. 30Ġesù minnufih intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn il-kotra u staqsa: “Min messli l-mantar?”#Lq 6,19. 31Id-dixxipli tiegħu qalulu: “Qiegħed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi: Min messni?” 32Hu beda jħares madwaru biex jara jilmaħx lil dik li kienet għamlet dan. 33Imbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża’ għax għarfet x’kien ġralha, resqet, inxteħtet f’riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu. 34“Binti,” qalilha, “il-fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliem, u kun imfejqa mill-marda tiegħek.”#1 Sam 1,17; 20,42; 2 Sam 15,9; 2 Slat 5,19; Mk 10,52; Lq 7,50; Atti 16,36; Ġak 2,16.
35Kif kien għadu jitkellem, waslu xi wħud mid-dar tal-kap tas-sinagoga u lil dan qalulu: “Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?” 36Iżda Ġesù sama’ x’kienu qegħdin jgħidu, u qal lill-kap tas-sinagoga: “Tibżax, biss inti emmen.” 37U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu.#Mt 10,2; 17,1; Mk 1,29; 3,16-17; 9,2; 13,3; 14,33; Atti 1,13. 38Waslu d-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra storbju sħiħ u nies jibku u jixhru. 39Daħal, u qalilhom: “Dan l-istorbju kollu u dan il-biki għalfejn? It-tfajla mhijiex mejta, imma rieqda.”#Ġw 11,11. 40U qabdu jiddieħku bih. Imma hu keċċiehom ilkoll ’il barra, ħa miegħu lil missier it-tfajla u lil ommha u lil dawk li kienu miegħu u daħal fejn kienet it-tfajla. 41Qabdilha idha, u qalilha: “Talitha, qum!” jiġifieri: “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!”#Lq 7,14. 42Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi; għax kellha tnax-il sena. U baqgħu miblugħin bil-għaġeb. 43U hu wissiehom bis-sħiħ biex dan ma jkun jaf bih ħadd, u qalilhom jagħtuha tiekol.#Mk 1,44; 7,36.
Currently Selected:
MARK 5: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.