MATTEW 3
3
Kapitlu 3
Il-predikazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista
(Mk 1,1-18; Lq 3,1-18; Ġw 1,19-28)
1F’dawk il-jiem deher Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert tal-Lhudija#3,1: Deżert tal-Lhudija: post diżabitat li għandu ’l Ġerusalemm fit-tramuntana, Ħebron fin-nofsinhar, u l-Baħar il-Mejjet fil-lvant. 2u jgħid: “Indmu#3,2: Indmu: l-indiema, bil-Grieg metanoia, ma tfissirx biss sogħba mid-dnubiet imma bidla sħiħa tal-ħajja., għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.”#Mt 4,17; 10,7; Mk 1,15. 3Għax għalih kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,
‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.’ #
Is 40,3.
4Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ.#2 Slat 1,8. 5U kienet tmur għandu Ġerusalemm u l-Lhudija kollha u l-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan#3,5: Ġordan: ix-xmara li tibda minn taħt il-muntanja Ħermon fit-Tramuntana u tibqa’ nieżla sal-Baħar il-Mejjet fin-Nofsinhar tal-Palestina., 6u kienu jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan huma u jistqarru dnubiethom.
7Kif ra bosta mill-Fariżej u mis-Sadduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom: “Ja nisel il-lifgħat, min uriekom kif għandkom taħarbu mill-korla li ġejja#3,7: Mill-korla li ġejja: jew Alla li ġej inkurlat; ara nota Mk 14,61.?#Mt 12,34; 23,33; Lq 3,7; Rum 1,18; 2,5; 5,9; Ef 5,6; Kol 3,6; 1 Tess 1,10; Apk 6,16-17. 8Agħmlu mela frott xieraq tal-indiema. 9U taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom, ‘Għandna b’missier lil Abraham#3,9: Abraham: missier il-poplu Lhudi. Xejn ma jiswa li wieħed hu mnissel minn Abraham, imma jeħtieġ li wieħed jgħix sewwa jekk irid isalva.,’ għax ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista’ jqajjem ulied lil Abraham.#Ġw 8,33-39. 10Il-mannara ġa tressqet ma’ għerq is-siġra; u għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar.#Mt 7,19. 11Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.#Ġw 1,15-33; Atti 1,5; 11,16; 13,24-25. 12Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.”
Il-magħmudija ta’ Ġesù
(Mk 1,9-11; Lq 3,21-22)
13Imbagħad ġie Ġesù mill-Galilija lejn il-Ġordan għand Ġwanni biex jitgħammed minnu. 14Imma Ġwanni ma ħalliehx, u qallu: “Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u int tiġi għandi?” 15Ġesù qallu: “Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nagħmlu biex intemmu s-sewwa kollu#3,15: Is-sewwa kollu: bil-Grieg dikaiosune, bil-Lhudi zedeka, ġustizzja, jiġifieri dak kollu li titlob il-liġi ta’ Alla bħala espressjoni tal-imħabba lejn Alla..” Imbagħad Ġwanni ħallieh jitgħammed.
16Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tala’ mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel qisu ħamiema u ġej għal fuqu.#Ġw 1,32. 17U mis-smewwiet instama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi.”#Ġen 22,2; S 2,7; Is 42,1; Mt 12,18; 17,5.
Currently Selected:
MATTEW 3: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.