YouVersion Logo
Search Icon

MATTEW 28

28
Kapitlu 28
Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet
(Mk 16,1-10; Lq 24,1-12; Ġw 20,1-10)
1Meta għadda s-Sibt, maż-żerniq tal-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar.#Mt 27,56-61; Mk 15,47. 2U ara, inħasset theżżiża kbira għax niżel anġlu tal-Mulej mis-sema, u resaq igerbeb il-ġebla u qagħad bilqiegħda fuqha.#Mt 27,60; Mk 15,46. 3Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa; ilbiesu abjad bħas-silġ.#Lq 9,20. 4Bil-biża’ tiegħu l-għassiesa qabdithom rogħda u saru qishom mejtin. 5Iżda l-anġlu qabad u qal lin-nisa: “Tibżgħu xejn intom għax jiena naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab. 6Mhuwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal. Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed.#Mt 12,40; 16,21; 17,23; 20,19; Mk 8,31; 9,31; 10,34; Lq 9,22; 18,33; 24,7. 7U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li hu qam mill-imwiet. U araw, huwa sejjer il-Galilija qabilkom: tarawh hemmhekk. Araw, għedtulkom.”#Mt 26,32; 28,10-16; Mk 14,28; Ġw 21,1-23. 8Dawk telqu malajr minn ħdejn il-qabar, kollhom biża’ u ferħ kbir, u marru jiġru jagħtu l-aħbar lid-dixxipli tiegħu. 9U ara, iltaqa’ magħhom Ġesù u qalilhom: “Is-sliem għalikom.” Huma resqu lejh, qabdulu riġlejh u nxteħtu quddiemu. 10Imbagħad Ġesù qalilhom: “Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk.”#Mt 26,32; 28,7.16; Mk 14,28; Ġw 20,17; 21,1-23.
L-għases jagħtu l-aħbar tal-ġrajja
11Huma u sejrin, xi wħud mill-għases marru l-belt għand il-qassisin il-kbar u tawhom l-aħbar ta’ kulma kien ġara. 12Dawn inġabru flimkien max-xjuħ, ftiehmu bejniethom, u taw lis-suldati kemxa flus ġmielha 13u qalulhom: “Għidu hekk, ‘Ġew id-dixxipli tiegħu billejl u serquh waqt li konna reqdin.’#Mt 27,64. 14U jekk il-gvernatur jisma’ b’dan, aħna nġagħluh jemmen, u lilkom neħilsukom minn kull inkwiet.” 15Dawk ħadu l-flus u għamlu kif qalulhom. U din il-biċċa xterdet hekk fost il-Lhud sal-ġurnata tal-lum.
Ġesù jagħti l-missjoni lill-appostli
(Mk 16,14-18; Lq 24,36-49; Ġw 20,19-23; Atti 1,6-8)
16Il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù.#Mt 26,32; 28,7-10. 17Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. 18Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art.#Mt 11,27; Ġw 3,35; 13,3; 17,2; Ef 1,20-22; Fil 2,9-10. 19Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu,#Atti 1,8. 20u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.”#Ħag 1,13; Mt 13,39.40; 18,20; 24,3; Ġw 14,23.

Currently Selected:

MATTEW 28: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in