MATTEW 17
17
Kapitlu 17
It-Trasfigurazzjoni
(Mk 9,2-13; Lq 9,28-36)
1Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ’l Ġakbu u ’l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, 2u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl.#2 Pt 1,16-18. 3U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. 4Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija.” 5Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.”#Dt 18,15; S 2,7; Mt 3,17; 12,18; Mk 1,11; Lq 3,22; Atti 3,22; 2 Pt 1,17. 6Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. 7Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux.” 8Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.
9Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.”#Mt 16,20. 10U d-dixxipli staqsewh: “Mela kif jgħidu l-kittieba li l-ewwel għandu jiġi Elija?”#Mal 3,23. 11Hu weġibhom: “Elija jiġi, iva, u jerġa’ jqiegħed kollox f’postu. 12Imma ngħidilkom: Elija ġa ġie, u huma baqgħu ma għarfuhx, imma ġiebu ruħhom miegħu kif għoġobhom. Hekk ukoll Bin il-bniedem għandu jsofri minnhom.”#Mt 11,14. 13Imbagħad id-dixxipli fehmu li hu kien qiegħed jgħidilhom għal Ġwanni l-Battista.#Lq 1,17.
Ġesù jfejjaq tifel u jeħilsu mix-xitan
(Mk 9,14-29; Lq 9,37-43a)
14Meta reġgħu ġew ħdejn in-nies, resaq fuqu wieħed raġel niżel għarkubbtejh quddiemu u qallu: 15“Mulej, ikollok ħniena minn ibni, għax marid b’tal-qamar u qiegħed ibati ħafna; għax sikwit jaqa’ jew fin-nar jew fl-ilma. 16Ġibtu lid-dixxipli tiegħek, iżda ma setgħux ifejquh.” 17Wieġeb Ġesù u qal: “Ja nies bla fidi u ħżiena, kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum nissaportikom? Ġibuhuli hawn.”#Dt 32,5-20. 18Imbagħad Ġesù hedded bis-sħiħ lix-xitan, u dan ħareġ minnu, u minn dak il-ħin stess it-tifel fieq. 19Wara mbagħad id-dixxipli resqu lejn Ġesù għalihom weħidhom u qalulu: “L-għala aħna ma rnexxilniex inkeċċuh?” 20U hu qalilhom#17,20: U hu qalilhom: Xi wħud mill-manuskritti jżidu v. 21: Spirtu bħal dak ma joħroġx jekk mhux bit-talb u s-sawm, ara Mk 9,29.: “Minħabba l-fidi żgħira tagħkom! Għax tassew ngħidilkom, li kieku għandkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din il-muntanja, ‘Warrab minn hawn u mur hemm’, u hi kienet twarrab; u ma jkun hemm xejn għalikom li ma jistax isir.”#Mt 21,21; Mk 11,23; Lq 17,6; 1 Kor 13,2.
It-tieni taħbira tal-mewt u tal-qawmien ta’ Ġesù
(Mk 9,30-32; Lq 9,43b-45)
22Meta darba kienu flimkien fil-Galilija, Ġesù qalilhom: “Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin 23u joqtluh, u fit-tielet jum iqum.” U huma sewdu qalbhom ħafna.#Mt 16,21.
Il-ħlas tat-taxxa għat-tempju
24Reġgħu daħlu Kafarnahum, u resqu fuq Pietru dawk li jiġbru t-taxxa għat-tempju#17,24: It-taxxa għat-tempju: letteralment, żewġ drakmi li kull raġel Lhudi kien obbligat iħallas darba fis-sena għas-servizz tat-tempju., u qalulu: “L-imgħallem tagħkom ma jħallashiex it-taxxa?”#Eż 30,13. 25“Iva!” qalilhom. Meta daħal id-dar, Ġesù, bla ma ħallieh jitkellem, staqsieh: “Int x’jidhirlek, Xmun? Is-slaten tal-art mingħand min jiġbruha t-taxxa jew il-ħaraġ, mingħand is-sudditi jew mingħand il-barranin?” 26“Mingħand il-barranin,” wieġbu Pietru. U Ġesù qallu: “Mela s-sudditi meħlusa minnha. 27Iżda, biex ma tkun ta’ ebda skandlu għalihom, asal wasla sal-baħar, ixħet ix-xlief u, l-ewwel ħuta li ttalla’, aqbadha, iftħilha ħalqha, u għandek issib stater#17,27: Stater: munita tal-fidda Feniċja, li kienet issarraf erba’ drakmi.; ħudu minn hemm u mur agħtih lilhom għalija u għalik.”
Currently Selected:
MATTEW 17: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.