YouVersion Logo
Search Icon

MATTEW 12

12
Kapitlu 12
Id-dixxipli jaqtgħu s-sbul is-Sibt
(Mk 2,23-28; Lq 6,1-5)
1Darba waħda, is-Sibt, Ġesù kien għaddej minn għalqa miżrugħa. Issa lid-dixxipli tiegħu ħadhom il-ġuħ; u bdew jaqtgħu s-sbul u jikluh.#Dt 23,24-25. 2Imma rawhom il-Fariżej, u qalulu: “Ara, id-dixxipli tiegħek jagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt.”#Eż 20,10; Dt 5,14. 3U hu qalilhom: “Ma qrajtux x’għamel David meta kien bil-ġuħ, hu u dawk li kienu miegħu?#1 Sam 21,1-6. 4Ma qrajtux kif daħal fid-dar ta’ Alla u kiel il-ħobż tal-preżenza#12,4: Il-ħobż tal-preżenza: ara nota Mk 2,26. ta’ quddiem il-Mulej, li la hu u lanqas dawk li kienu miegħu ma kienu jistgħu jieklu minnu, imma l-qassisin biss?#Lev 24,5-9. 5Jew ma qrajtux fil-Liġi li nhar ta’ Sibt il-qassisin fit-tempju jiksru s-Sibt bla ma jonqsu?#Num 28,9-10. 6Ngħidilkom li hawnhekk hawn min hu aqwa mit-tempju.#Lq 11,31-32. 7Li kieku kontu tafu xi jfissru l-kelmiet, ‘Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju’, ma kontux tikkundannaw lil min hu bla ħtija.#Hos 6,6; Mt 9,13. 8Għax Bin il-bniedem huwa Sid is-Sibt.”
Ir-raġel b’idu niexfa
(Mk 3,1-6; Lq 6,6-11)
9Telaq minn hemm u baqa’ sejjer fis-sinagoga tagħhom. 10U hemmhekk kien hemm raġel li kellu idu niexfa. Huma, biex ikollhom fuqiex jixluh, staqsewh: “Jiswa li wieħed ifejjaq nhar ta’ Sibt?”#Lq 14,3. 11Iżda hu qalilhom: “Min minnkom ikollu nagħġa u taqagħlu f’ħofra s-Sibt, ma jmurx jaqbad u jtellagħha?#Lq 14,5. 12Imma kemm jiswa bniedem aktar minn nagħġa? Mela jiswa nhar ta’ Sibt tagħmel il-ġid.”#Mt 6,26; 10,31; Lq 12,7-24. 13Imbagħad qal lir-raġel: ‘Midd idek.’ Dak medd idu, u reġgħet ġietu qawwija u sħiħa bħall-oħra. 14U l-Fariżej ħarġu u bdew jiftiehmu bejniethom kontra tiegħu, kif se jeqirduh.#Mk 11,18.
Il-‘Qaddej tal-Mulej’
15Ġesù sar jaf b’dan u telaq minn hemm. Ħafna nies marru warajh u fejjaqhom kollha,#Mk 3,7-10; Lq 6,17-19. 16u ordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien,#Mt 8,4; 9,30; Mk 3,12; 5,43; 7,36. 17biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,
18 ‘Ara l-Qaddej tiegħi li jiena ħtart,
l-Għażiż tiegħi li bih ruħi tgħaxxqet!
Jiena nqiegħed l-Ispirtu tiegħi fuqu
U hu jxandar il-ġustizzja lill-ġnus. # Is 42,1-4.
19 Ma jiksirha ma’ ħadd,
ma jgħollix leħnu
u ħadd ma jisma’ leħnu fil-pjazez.
20 Qasba mġelġla ma jiksirhiex,
u musbieħ inemnem ma jitfihx,
sa ma jwassal il-ġustizzja għar-rebħa,
21 u f’ismu jittamaw il-ġnus.’
Ġesù u Begħelżebul
(Mk 3,20-30; Lq 11,14-23; 12,10)
22Imbagħad ġabulu quddiemu wieħed agħma u mbikkem maħkum mix-xitan, u hu fejqu, hekk li l-imbikkem qabad jitkellem u jara.#Mt 9,32-33. 23In-nies kollha stagħġbu u bdew jgħidu: “Dan Bin David, tgħid?” 24Imma l-Fariżej, meta semgħu hekk qalu: “Dan mhux ħlief bis-saħħa ta’ Begħelżebul#12,24: Begħelżebul: ara nota 10,25., il-Prinċep tax-xjaten, li qiegħed ikeċċi x-xjaten.”#Mt 9,34. 25Iżda hu għaraf ħsibijiethom u qalilhom: “Kull saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba, u kull belt jew familja maqsuma fiha nfisha ma tistax iżżomm wieqfa. 26Mela jekk ix-Xitan ikeċċi x-Xitan, iġib firda fih innifsu; għalhekk kif se żżomm wieqfa s-saltna tiegħu? 27U jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Begħelżebul, uliedkom bis-saħħa ta’ min qegħdin ikeċċuhom? Għalhekk huma stess ikunu l-imħallfin tagħkom. 28Iżda jekk jien qiegħed inkeċċi x-xjaten bl-Ispirtu ta’ Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta’ Alla.#Atti 10,38. 29Jew kif jista’ wieħed jidħol fid-dar ta’ bniedem b’saħħtu u jaħtaflu ġidu jekk qabel ma jkunx rabtu? U hekk imbagħad id-dar jaħtafhielu żgur.#Is 49,24. 30Min mhuwiex miegħi, huwa kontra tiegħi; u min ma jiġborx miegħi, ixerred.#Mk 9,40; Lq 9,50. 31Għalhekk ngħidilkom li d-dnubiet kollha u d-dagħa kollu jinħafrilhom lill-bnedmin, imma d-dnub ta’ min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jinħafirx. 32U jekk xi ħadd jgħid xi ħaġa kontra Bin il-bniedem tinħafirlu; iżda min jitkellem kontra l-Ispirtu s-Santu ma jkollux maħfra, la f’din id-dinja u lanqas f’li ġejja.”
Mill-milja tal-qalb jitkellem il-fomm
(Lq 6,43-45)
33“Intom tgħidu li siġra hi tajba jekk tagħmel frott tajjeb, u tgħidu li hi ħażina jekk tagħmel frott ħażin; għax is-siġra mill-frott tagħha tingħaraf.#Mt 7,16-20. 34Ja nisel il-lifgħat, kif tistgħu titkellmu tajjeb meta intom ħżiena? Għax mill-milja tal-qalb jitkellem il-fomm.#Mt 3,7; 15,18; 23,33; Mk 7,21; Lq 3,7. 35Il-bniedem tajjeb joħroġ ħwejjeġ tajba mill-ħażna tat-tajjeb tiegħu; imma l-bniedem ħażin joħroġ ħwejjeġ ħżiena mill-ħażna tal-ħażen tiegħu. 36U ngħidilkom li l-bnedmin f’jum il-ħaqq għad iridu jagħtu kont ta’ kull kelma fiergħa li jkunu qalu, 37għax minn kliemek tkun iġġustifikat, u minn kliemek tkun ikkundannat.”
Nisel ħażin irid sinjal
(Mk 8,11-12; Lq 11,29-32)
38Imbagħad xi wħud mill-kittieba u l-Fariżej qabdu u qalulu: “Mgħallem, xtaqna kieku naraw sinjal mingħandek!”#Mt 16,1; Mk 8,11; Lq 11,16; Ġw 6,30; 1 Kor 1,22. 39Iżda hu weġibhom: “Sinjal iridu nisel ħażin u infidil! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief dak tal-profeta Ġona.#Mt 16,4. 40Għax kif Ġona għamel tlitt ijiem u tlitt iljieli f’żaqq il-ħuta, hekk ukoll Bin il-bniedem għad jagħmel tlitt ijiem u tlitt iljieli fil-qalba tal-art.#Ġona 2,1. 41F’jum il-ħaqq, in-nies ta’ Ninwè għad iqumu kontra dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta’ Ġona; u araw hawn minn hu aqwa minn Ġona hawnhekk!#Ġona 3,5-8. 42F’jum il-ħaqq, is-sultana tan-Nofsinhar#12,42: Is-sultana tan-Nofsinhar: ir-reġina ta’ Saba, pajjiż fl-Għarabja, li marret iżżur lil Salamun u baqgħet mistagħġba b’għerfu. għad tqum u teħodha kontra dan in-nisel u tikkundannah, għax hi ġiet mit-truf tal-art biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun; u araw hawn min hu aqwa minn Salamun hawnhekk!#1 Slat 10,1-10; 2 Kron 9,1-12.
L-ispirtu ħażin iħabbat lill-bniedem
(Lq 11,24-26)
43“Meta spirtu ħażin joħroġ mill-bniedem, huwa jmur jiġġerra f’art niexfa jfittex il-mistrieħ, u ma jsibu mkien. 44Imbagħad jgħid, ‘Mela nerġa’ lura lejn dari mnejn ħriġt.’ U, xħin jiġi, isibha battala u miknusa, kollox f’postu. 45Imbagħad imur iġib miegħu seba’ spirti oħra agħar minnu, u jidħlu joqogħdu hemm ġew. U fl-aħħar dak il-bniedem isib ruħu f’qagħda agħar minn ta’ qabel. Hekk għad jiġrilu dan in-nisel ħażin.”#2 Pt 2,20.
Min jagħmel ir-rieda tal-Missier
(Mk 3,31-35; Lq 8,19-21)
46Kif kien għadu qiegħed ikellem lin-nies, ġew ommu u ħutu#12,46: Ħutu: fl-ilsna Semitiċi ħutu tfisser ukoll kuġini jew qraba oħra. It-tradutturi Griegi ttraduċew letteralment aħwa: ara Tob 1,14. 16. 21., waqfu barra u fittxew li jkellmuh.#Mt 13,55; Mk 6,3; Ġw 2,12; Atti 1,14. 47Xi ħadd qallu#12,47: Xi ħadd qallu: Dan il-vers ma jidhirx f’ħafna manuskritti importanti.: “Ara, ommok u ħutek qegħdin barra jfittxu li jkellmuk.” 48Iżda hu wieġeb lil dak li kellmu, u qallu: “Min hi ommi? U min huma ħuti?” 49Imbagħad medd idu lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Dawn, araw, huma ommi u ħuti. 50Għax kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi.”

Currently Selected:

MATTEW 12: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in