YouVersion Logo
Search Icon

LUQA 2

2
Kapitlu 2
It-twelid ta’ Ġesù Kristu
(Mt 1,18-25)
1F’dik il-ħabta Ċesari Awgustu#2,1: Ċesari Awgustu: l-imperatur ta’ Ruma mis-sena 29 QK sas-sena 14 WK. ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha. 2Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja#2,2: Sirja: il-provinċja Rumana li minnha kienet tiddependi l-Palestina għal ħafna snin.. 3U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu. 4Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta’ Nazaret, u tala’ l-Lhudija, fil-belt ta’ David jisimha Betlehem - għax hu kien mid-dar u l-familja ta’ David - 5biex jinkiteb flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila.#Lq 1,27. 6Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, 7u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.#Mt 1,25.
Ir-rgħajja u l-anġli
8F’dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba’, għassa mal-merħla tagħhom billejl. 9U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biża’ kbir. 10Iżda l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. 11Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. 12U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura.” 13F’daqqa waħda ngħaqdu mal-anġlu għadd kbir ta’ qtajja’ tas-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu:
14“Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet,
u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu#2,14: U sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu: jew, skont test ieħor; Sliem fuq l-art; rieda tajba lill-bnedmin. Dan is-sliem hu s-seħħ tal-profeziji messjaniċi.!”#Lq 19,38.
15Meta mbagħad l-anġli ħallewhom u telgħu s-sema, ir-rgħajja bdew jgħidu lil xulxin: “Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x’ġara kif għarrafna l-Mulej.” 16Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u ’l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura. 17Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kulma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija,#Lq 2,10-12. 18u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-rgħajja. 19Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.#Lq 2,51. 20Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kulma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.
21Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.#Ġen 17,12; Lev 12,3; Lq 1,31-59.
Il-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju
22Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skont il-Liġi ta’ Mosè, ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej,#Lev 12,3-6. 23kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li ‘kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,’#Lq 13,12-15. 24u biex joffru b’sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.#Lev 12,8.
25F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu.#Is 40,1; 49,13. 26L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. 27Mar mela fit-tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, 28huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:
29“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek
imur fis-sliem, skont kelmtek,
30għaliex għajnejja raw
is-salvazzjoni tiegħek#Is 52,10; Lq 3,6; Tit 2,11.
31li int ħejjejt
għall-popli kollha,
32dawl biex idawwal il-ġnus,
u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.”#Is 42,6; 46,13; 49,6.
33Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. 34Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh,#Is 8,14; 1 Kor 1,23; 1 Pt 2,8. 35- u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! - biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”
36Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewġa, 37u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb.#1 Tim 5,5. 38Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.#Is 52,9.
39Meta temmew kulma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret.#Mt 2,23. 40U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.#Lq 1,80; 2,52.
It-tfajjel Ġesù fit-tempju
41Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid.#Eż 12,24-27; Dt 16,1-8. 42Meta kellu tnax-il sena#2,42: Meta kellu tnax-il sena: iż-żmien meta ż-żagħżugħ Lhudi kien jidħol fl-obbliġu tal-Liġi. telgħu wkoll, skont id-drawwa ta’ dik il-festa. 43Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. 44Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, 45ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.
46Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; 47u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. 48Kif rawh, instamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” 49U hu qalilhom: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?”#Ġw 2,16. 50Iżda kliemu ma fehmuhx. 51Imbagħad niżel magħhom u raġa’ mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha.#Lq 2,10. 52U hekk Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.#1 Sam 2,26; Prov 3,4; Lq 1,80.

Currently Selected:

LUQA 2: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in