YouVersion Logo
Search Icon

ĠWANNI 8

8
Kapitlu 8
Il-mara li nqabdet fl-adulterju
1Ġesù telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.#Lq 21,37. 2Imma l-għada qabel is-sebħ raġa’ mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom.#Mt 26,55. 3Imbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs 4u qalulu: “Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. 5Issa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?”#Lev 20,10; Dt 22,22. 6Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh. Imma Ġesù tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab.#Mt 22,15. 7Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla.”#Dt 17,7. 8U raġa’ tbaxxa jikteb fit-trab. 9Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ, u Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs.#Mt 22,22. 10Qam dritt u qalilha: “Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?” 11“Ħadd, Sinjur,” qaltlu. “Mela anqas jien ma nikkundannak,” qalilha Ġesù. “Mur, u mil-llum ’il quddiem tidnibx iżjed.”#Ġw 5,14.
Ġesù hu d-dawl tad-dinja
12Mill-ġdid Ġesù qabad ikellimhom u jgħidilhom: “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja.”#Is 49,6; Ġw 1,4.5.9; 9,5; 12,46. 13Qalulu l-Fariżej: “Qiegħed tixhed int għalik innifsek; mela x-xhieda tiegħek mhix minnha.”#Ġw 5,31. 14Weġibhom Ġesù: “U wkoll kieku kelli nixhed jien għalija nnifsi, ix-xhieda tiegħi kienet tgħodd, għax jiena naf minn fejn ġej u fejn sejjer. Imma intom ma tafux minn fejn jien ġej jew fejn sejjer.#Ġw 7,28; 9,29; 13,3; 16,28. 15Intom il-ħaqq tagħkom tagħmluh ta’ bnedmin li intom; jien ma nagħmel ħaqq minn ħadd.#1 Sam 16,7; Ġw 7,24; 12,47. 16Imma kieku kelli nagħmel ħaqq jien, il-ħaqq tiegħi kien ikun sewwa, għax jien m’iniex waħdi, imma miegħi għandi l-Missier li bagħatni.#Ġw 5,30.37; 8,29. 17Issa fil-Liġi tagħkom hemm miktub li x-xhieda ta’ tnejn tgħodd.#Dt 17,6; 19,15. 18Hemm jien, li qiegħed nixhed għalija nnifsi, u hemm il-Missier li bagħatni, li hu wkoll qiegħed jixhed għalija.”#1 Ġw 5,9. 19“Missierek fejn hu?” staqsewh. Weġibhom Ġesù: “Intom la lili ma tafu u lanqas lil Missieri. Li kieku kontu tafu lili, kontu tkunu tafu lil Missieri wkoll.”#Ġw 14,7; 16,3. 20Dan kollu Ġesù qalu fit-teżor#8,20: Dan kollu Ġesù qalu fit-teżor: jew fil-wesgħa ħdejn il-bini fejn kienu jżommu t-teżor tat-tempju, jew fil-wesgħa tan-nisa fejn kien hemm il-kaxxa għall-offerti; ara Mk 12,41-42., huwa u jgħallem fit-tempju. U ħadd minnhom ma qabdu, għax is-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx.#Ġw 7,30.
Fejn sejjer jien intom ma tistgħux tiġu
21U raġa’ qalilhom: “Jiena mmur, u intom għad tfittxuni, imma għad tmutu fid-dnub tagħkom. Fejn sejjer jien intom ma tistgħux tiġu.”#Ġw 7,34.36; 13,33. 22Qalu l-Lhud: “Jaqaw se jneħħi ħajtu b’idejh dan? Għax qal li ‘Fejn sejjer jien intom ma tistgħux tiġu.’ ”#Ġw 7,35. 23Ġesù qalilhom: “Intom minn hawn isfel, u jiena ġej minn hemm fuq. Intom nies ta’ din id-dinja, imma jien m’iniex ta’ din id-dinja.#Ġw 3,31; 17,14. 24Kif għedtilkom jien, intom tmutu fi dnubietkom. Għax jekk intom ma temmnux li jiena hu, tmutu fi dnubietkom.”#Ġw 13,19. 25“U int min int?” staqsewh. Weġibhom Ġesù: “Dak li ili ngħidilkom sa mill-bidu. 26Għandi ħafna xi ngħid fuqkom u x’nikkundanna fikom; iżda dak li bagħatni jgħid il-verità, u jiena ngħid lid-dinja dak li smajt mingħandu.”#Ġw 7,28; 12,49. 27Huma ma ntebħux li kien qiegħed ikellimhom fuq il-Missier. 28Għalhekk Ġesù qalilhom: “Meta terfgħu ’l fuq lil Bin il-bniedem, imbagħad tagħrfu li jiena hu u li minn rajja ma nagħmel xejn, imma li nitkellem skont ma għallimni l-Missier.#Ġw 3,14; 5,19; 12,32. 29U min bagħatni huwa miegħi, ma telaqnix waħdi, għax jiena dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.”#Ġw 8,16; 16,32. 30Meta tkellem hekk, kienu ħafna dawk li emmnu fih.#Ġw 2,23; 7,31; 10,42; 11,45; 12,11.42.
Il-verità teħliskom
31Ġesù qal lil-Lhud li emmnu fih: “Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi,#Ġw 15,7. 32u tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom.” 33Qalulu: “Aħna nisel Abraham, u qatt ma konna lsiera ta’ ħadd. Kif tiġi tgħidilna li nkunu ħielsa?”#Neħ 9,36; Mt 3,9; Lq 3,8; Ġw 8,39.56. 34Weġibhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, li kull min jagħmel id-dnub huwa lsir tad-dnub.#Rum 6,16.20; 2 Pt 2,19. 35U l-ilsir ma jibqax fil-familja għal dejjem; imma l-iben għal dejjem jibqa’.#Eż 21,2; Dt 15,12. 36Jekk l-Iben jeħliskom, tkunu tabilħaqq ħielsa. 37Jiena naf li intom nisel Abraham; madankollu qegħdin tfittxu li toqtluni, għax il-kelma tiegħi ma qabditx l-art fikom.#Ġw 5,18; 7,19.25. 38Jiena qiegħed nitkellem fuq dak li rajt għand Missieri, u intom tagħmlu dak li smajtu mingħand missierkom.”
Missierkom hu x-Xitan
39Qabżu u qalulu: “Missierna hu Abraham.” Qalilhom Ġesù: “Kieku kontu wlied Abraham, kontu tagħmlu bħalma għamel Abraham.#Mt 3,9; Ġw 8,33. 40Iżda issa qegħdin tfittxu li toqtlu lili, bniedem li għedtilkom il-verità li smajt mingħand Alla. Dan ma għamlux Abraham. 41Intom tagħmlu bħalma jagħmel missierkom.” Qalulu: “Aħna m’aħniex ulied iż-żina! Missier wieħed għandna, lil Alla.”#Is 63,16; 64,8. 42Qalilhom Ġesù: “Li kieku Alla kien missierkom, lili kontu tħobbuni, għax jien ħriġt u ġejt mingħand Alla. Għax jien ma ġejtx minn rajja, imma kien hu li bagħatni.#Ġw 7,28; 13,3; 16,28; 1,8.28; 1 Ġw 5,1. 43Għaliex m’intomx tifhmu x’jiena ngħid? Għax intom kelmti ma tifilħux għaliha. 44Intom ġejjin minn missierkom, li hu x-Xitan, u x-xewqat ta’ missierkom tridu tagħmlu. U dan kien qattiel sa mill-bidu, u qatt ma żamm mal-verità, għax il-verità ma tinsabx fih. Meta jigdeb, ikun qiegħed jitkellem ta’ li hu, għax dak giddieb u missier il-gideb.#Ġen 3,4; 1 Ġw 3,8. 45Imbagħad lili, għax ngħid is-sewwa, ma temmnunix. 46Min minnkom jipprova li jien għandi xi dnub? Jekk jiena ngħid il-verità, l-għala ma temmnunix?#2 Kor 5,21; 1 Pt 2,22; 1 Ġw 3,5. 47Min hu minn Alla jisma’ dak li jgħid Alla. Hu għalhekk li intom ma tisimgħux, għax m’intomx minn Alla.”#Ġw 18,37; 1 Ġw 4,6.
48Qabżu l-Lhud u qalulu: “Mhux sewwa ngħidu aħna li int Samaritan u li għandek fik Xitan?”#Mk 3,21-22; Ġw 4,9; 7,20. 49Weġibhom Ġesù: “Jiena ma għandix Xitan fija, imma nagħti ġieħ lil Missieri, u intom tgħajruni. 50Jien ma nfittixx il-glorja tiegħi; hemm min ifittixha u jagħmel il-ħaqq.#Ġw 5,41. 51Tassew tassew ngħidilkom li min iħares il-kelma tiegħi ma jara qatt il-mewt.”#Ġw 5,24. 52Qalulu l-Lhud: “Issa tassew nafu li għandek Xitan fik. Abraham miet, u l-profeti wkoll; u inti tgħid li ‘Jekk xi ħadd iħares kelmti ma jduq qatt il-mewt.’#Mk 9,1. 53Jaqaw int akbar minn missierna Abraham li miet? U l-profeti wkoll mietu. Inti x’taħseb li int?”#Ġw 4,12. 54Wieġeb Ġesù: “Li kieku kelli nagħti glorja lili nnifsi, il-glorja tiegħi ma kienet tkun tiswa xejn. Imma dak li lili qiegħed jagħtini l-glorja huwa l-Missier, dak li intom tgħidu li hu Alla tagħkom,#Mt 11,27; Lq 10,22; Ġw 7,28-29. 55u madankollu ma għaraftuhx. Imma jiena nafu, u kieku kelli ngħid li ma nafux, kont inkun giddieb bħalkom. U mhux biss nafu, imma wkoll inħares il-kelma tiegħu. 56Missierkom Abraham qabeż bil-ferħ għall-ħsieb li kien se jara l-jum tiegħi, u rah u feraħ.” 57Qalulu l-Lhud: “Għadek anqas għalaqt il-ħamsin u rajt lil Abraham?” 58Qalilhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, qabel ma kien Abraham, jiena hu#8,58: Jiena hu: Jekk naqraw dan il-kliem fid-dawl ta’ Eż 3,14 naraw li Ġesù hawn qiegħed japplika għalih innifsu l-isem ta’ Alla Jaħweh, fi kliem ieħor qiegħed jiddikjara d-divinità tiegħu stess; ara nota Eż 3,14..”#Ġw 1,1. 59Għalhekk il-Lhud qabdu l-ġebel biex iwaddbuhulu; imma Ġesù nħbielhom u ħareġ mit-tempju.#Ġw 10,31; 11,8.

Currently Selected:

ĠWANNI 8: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in