YouVersion Logo
Search Icon

ĠWANNI 7

7
Kapitlu 7
In-nuqqas ta’ fidi mill-qraba ta’ Ġesù
1Wara dan, Ġesù baqa’ jdur fil-Galilija, għax ma riedx joqgħod idur fil-Lhudija billi l-Lhud kienu qegħdin ifittxu li joqtluh.#Ġw 5,18; 7,19-25; 8,37-40. 2Kienet qorbot għal-Lhud il-festa tal-Għerejjex#7,2: Il-Festa tal-Għerejjex: din kienet waħda mit-tliet festi l-kbar li għalihom il-Lhud kienu jitilgħu Ġerusalemm. Kienet issir fil-bidu tal-ħarifa wara l-ġbir tal-frott b’tifkira tal-erbgħin sena fid-deżert. Matul il-ġimgħa tal-festa kienu joqogħdu taħt it-tined.,#Lev 23,34. 3u ħutu#7,3: Ħutu: ara nota Mt 12,46. qalulu: “Itlaq minn hawn u mur il-Lhudija, biex id-dixxipli tiegħek ukoll jaraw l-għemejjel li qiegħed tagħmel. 4Għax ħadd ma jagħmel xejn bil-moħbi jekk irid ikun magħruf minn kulħadd. Ladarba qiegħed tagħmel dan kollu, uri ruħek lid-dinja.” 5Għax anqas ħutu ma emmnu fih. 6Għalhekk Ġesù qalilhom: “Għalija għadu ma wasalx iż-żmien, imma ż-żmien tagħkom dejjem f’idejkom.#Ġw 2,4; 7,30; 8,20. 7Id-dinja lilkom ma tistax tobgħodkom, imma lili tobgħodni, għax jiena nixhed kontra tagħha li kulma tagħmel hu ħażin.#Ġw 3,19; 15,18. 8Itilgħu intom għall-festa, imma jiena ma nitlax għaliha din il-festa, għax iż-żmien tiegħi għadu ma għalaqlix.” 9Wara li qalilhom dan, baqa’ fil-Galilija.
Fil-festa tal-Għerejjex
10Imma wara li ħutu telgħu għall-festa tela’ hu wkoll, mhux bid-dieher, imma bil-moħbi. 11Fil-festa l-Lhud bdew ifittxuh u jgħidu: “Dan fejn hu?”#Ġw 11,56. 12Fost il-poplu kien hemm ħafna għajdut fuqu; min beda jgħid li kien raġel tajjeb, u min qal li ma kienx imma li kien qed iqarraq bin-nies. 13Madankollu ħadd ma kien jitkellem fuqu bil-miftuħ, għax kienu jibżgħu mil-Lhud.#Ġw 9,22; 19,38; 20,19.
14Il-festa kienet ġa f’nofsha meta Ġesù tela’ fit-tempju u qabad jgħallem. 15Il-Lhud stagħġbu bih u qalu: “Dan kif jaf daqshekk bla ma tgħallem#7,15: Dan kif jaf daqshekk bla ma tgħallem?: letteralment: Kif jaf (jaqra) l-ittri? Fi kliem ieħor, kif jaf dan kollu jekk ma tgħallimx bħall-iskribi u l-imgħallmin tal-Iskrittura? Il-kotba tal-iskola tagħhom kienu l-Kotba Mqaddsa.?”#Mt 13,54; Lq 2,47. 16Qabeż Ġesù u qalilhom: “It-tagħlim tiegħi mhuwiex tiegħi, imma ta’ dak li bagħatni.#Ġw 14,10. 17Min irid jagħmel ir-rieda tiegħu jaf jekk dan it-tagħlim huwiex minn Alla jew jekk iniex ngħid xi ħaġa minn tiegħi. 18Min jgħid xi ħaġa minn moħħu jkun qiegħed ifittex il-glorja tiegħu nnifsu. Iżda min ifittex il-glorja ta’ min ikun bagħtu, dan ikun jgħid is-sewwa, u fih ma jkun hemm ebda qerq.#Ġw 8,50. 19Il-Liġi mhux Mosè tahielkom? U madankollu ħadd minnkom ma jħares il-Liġi. Għaliex qegħdin tfittxu li toqtluni?”#Ġw 1,17; 7,25; 8,37-40; Atti 7,53. 20Qalulu n-nies: “Int għandek xitan fik! Min qiegħed ifittex li joqtlok?”#Ġw 8,48-52; 10,20. 21Weġibhom Ġesù: “Ħaġa waħda għamilt, u lkoll stagħġibtu biha. 22Mosè takom iċ-ċirkonċiżjoni - għalkemm din ma kinitx ġejja minn Mosè, imma mill-patrijarki - u intom, lil dak li jkun, iċ-ċirkonċiżjoni tagħmluhielu f’jum is-Sibt.#Ġen 17,10-13; Lev 12,3. 23Mela jekk intom, lil dak li jkun, tagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni f’jum is-Sibt biex ma tinkisirx il-Liġi ta’ Mosè, kif se teħduha kontra tiegħi għax f’jum is-Sibt fejjaqt bniedem kollu kemm hu?#Ġw 5,8-9. 24Tagħmlux il-ħaqq fuq dak li taraw b’għajnejkom imma agħmluh skont is-sewwa!”#Lev 19,15; Ġw 8,15.
Dan hu l-Messija
25Xi wħud min-nies ta’ Ġerusalemm qalu: “Dan mhuwiex dak li qegħdin ifittxuh biex joqtluh?#Ġw 5,18; 7,1; 19,37-40. 26Araw, b’wiċċu minn quddiem qiegħed jitkellem, u ħadd ma hu jgħidlu xejn. Jaqaw tassew li l-kbarat għarfu li dan hu l-Messija? 27Imma dan nafu minn fejn hu; il-Messija, meta jiġi, ħadd ma jkun jaf minn fejn ikun ġej.”#Ġw 9,29. 28Ġesù, huwa u jgħallem fit-tempju, għolla leħnu u qal: “Intom lili tafuni, u tafu wkoll minn fejn jien. Jiena ma ġejtx minn rajja, imma hemm wieħed tassew li bagħatni, wieħed li intom ma tafuhx.#Ġw 8,55; 17,25. 29Jiena nafu, għax jien minn għandu ġej, u kien hu li bagħatni.” 30Huma fittxew jaqbduh, iżda ħadd minnhom ma medd idejh fuqu, għax is-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx.#Ġw 2,4; 7,44; 8,20. 31Ħafna nies emmnu fih u qalu: “Meta jiġi l-Messija se jagħmel sinjali aktar milli qiegħed jagħmel dan?”#Ġw 2,23; 8,30; 10,42; 11,45; 12,11.42.
L-għases mibgħuta biex jaqbdu lil Ġesù
32Il-Fariżej semgħu x’kienu qegħdin jgħidu fuqu n-nies, u huma u l-qassisin il-kbar bagħtu xi għases biex jaqbduh. 33Ġesù qal: “Ftit ieħor baqagħli magħkom, u mbagħad nerġa’ mmur għand min bagħatni.#Ġw 13,36; 16,5. 34Għad tfittxuni u ma ssibunix, u ma tkunux tistgħu tiġu fejn inkun jien.”#Ġw 8,21; 13,33-36; 17,24. 35Il-Lhud bejniethom bdew jgħidu: “Mela fejn sejjer dan, biex m’aħniex se nsibuh? Jaqaw sejjer#7,35: Jaqaw sejjer: jiġifieri, lil-Lhud imxerrda fost il-Griegi u lill-pagani Griegi, nies iċċivilizzati; ara noti Atti 6,1 u 13,16. għand dawk li huma mxerrda fost il-Griegi u jgħallem lill-Griegi? 36Dan xi kliem hu li qal, ‘Għad tfittxuni u ma ssibunix,’ u ‘Ma tkunux tistgħu tiġu fejn inkun jien’?”
Xmajjar ta’ ilma ħaj
37Fl-aħħar jum tal-festa, il-jum l-aktar solenni, Ġesù qam jgħid#7,37-38: Ġesù qam jgħid: dawn iż-żewġ versi jistgħu jinqraw hekk: 37 Ġesù qam jgħid b’leħen għoli: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi 38 u jixrob min jemmen fija.” Kif tgħid l-Iskrittura. “Minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj.” F’din l-aħħar traduzzjoni, is-sentenza tal-aħħar hi kumment tal-Evanġelista. b’leħen għoli: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob.#Lev 23,36; Ġw 4,10-14. 38Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj.”#Prov 18,4; Is 58,11. 39Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih, għax l-Ispirtu kien għad ma ngħatalhomx, billi Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat.#Ġw 16,7; 20,22; Atti 2,4.
Il-fehmiet tan-nies fuq Ġesù
40Meta xi wħud semgħu kliemu qalu: “Tassew dan hu l-Profeta.”#Dt 18,15; Ġw 6,14; Atti 3,22; 7,37. 41Oħrajn qalu: “Dan hu l-Messija.” Iżda xi wħud qalu: “Mela l-Messija għandu jiġi mill-Galilija?#Ġw 4,29; 7,26.52; Atti 9,22. 42Ma tgħidx l-Iskrittura li l-Messija għandu jiġi min-nisel ta’ David u minn Betlehem, ir-raħal minn fejn kien David?”#2 Sam 7,12; S 89,4-5; Mik 5,1; Mt 2,5-6. 43Hekk in-nies ma qablux bejniethom minħabba fih.#Ġw 9,16; 10,19. 44Xi wħud minnhom riedu jaqbduh, iżda ħadd ma medd idejh fuqu.#Ġw 7,30.
In-nuqqas ta’ fidi tal-kapijiet
45L-għases reġgħu lura għand il-qassisin il-kbar u l-Fariżej, u dawn qalulhom: “Dan kif ma ġibtuhx magħkom? 46L-għases qalulhom: “Qatt ħadd ma tkellem bħalu, dan il-bniedem!” 47Qabżu l-Fariżej u qalulhom: “Intom ukoll tqarraqtu? 48Hemm xi ħadd mill-kapijiet u l-Fariżej li emmen fih?#Ġw 12,42. 49Imma dawn x’qabda nies misħuta, li l-Liġi ma jafuhiex!” 50Wieħed minnhom, jismu Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù, qabeż u qalilhom:#Ġw 3,1-2; 19,39. 51“Jaqaw il-Liġi tagħna tikkundanna lil xi ħadd qabel ma tisma’ lilu stess ħalli tkun taf x’inhu jagħmel?”#Dt 1,16. 52U huma qalulu#7,52: U huma qalulu: Xi manuskritti jħallu barra 7,53-8,11; oħrajn iqiegħdu dan ir-rakkont wara 7,36 jew wara 7,44 jew wara 21,25, inkella wara Lq 21,38.: “M’intix int ukoll mill-Galilija, hux? Fittex fl-Iskrittura, ħalli tara li ebda profeta ma jqum mill-Galilija!”#Ġw 1,46; 7,41. 53U wieħed wieħed telqu lejn djarhom.

Currently Selected:

ĠWANNI 7: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy