ĠWANNI 5
5
Kapitlu 5
Fejqan ta’ wieħed marid f’Betzata
1Wara dan, il-Lhud kellhom festa#5,1: Il-Lhud kellhom festa: litteralment festa tal-Lhud; xi manuskritti għandhom il-festa tal-Lhud, jiġifieri l-festa tal-Għid., u Ġesù tela’ Ġerusalemm. 2F’Ġerusalemm, maġenb il-menqgħa tal-Bieb tan-Nagħaġ, hemm bini b’ħames loġoġ, li bil-Lhudi jgħidulu Betzata#5,2: Betzata: xi manuskritti jġibu Bezata, u oħrajn Betesda. Din kienet fuq il-Grigal ta’ Ġerusalemm.. 3F’dawn il-loġoġ#5,3: F’dawn il-loġoġ: Xi wħud mill-manuskritti jżidu il-vv. 3b-4: li kienu jistennew l-ilma jiċċaqlaq: 4 għaliex kultant kien jinżel anġlu tal-Mulej u jċaqlaq l-ilma. Imbagħad, min kien jinżel l-ewwel wara li l-ilma jkun iċċaqlaq, kien ifiq, tkun xi tkun il-marda tiegħu. kienet toqgħod kotra ta’ morda, għomja, zopop u mifluġin. 5U kien hemm raġel li kien ilu tmienja u tletin sena marid. 6Ġesù rah qiegħed hemm, u meta sar jaf li kien ilu marid dak iż-żmien kollu qallu: “Trid tfiq?” 7“Sinjur,” wieġbu l-marid, “ma għandix min jitfagħni fil-menqgħa xħin jitqanqal l-ilma, għax waqt li nkun sejjer jien ħaddieħor jinżel qabli.” 8Qallu Ġesù: “Qum, aqbad friexek u imxi!” 9Minnufih dak ir-raġel fieq, qabad friexu u beda miexi.
Dak in-nhar inzerta kien is-Sibt. 10Għalhekk il-Lhud qalu lil dak li kien fieq: “Is-Sibt illum, u ma jiswiex iġġorr friexek!” 11Iżda hu weġibhom: “Dak li fejjaqni qalli, ‘Aqbad friexek u imxi.’ ” 12Huma staqsewh: “Min hu dan il-bniedem li qallek, ‘Aqbad u imxi’?” 13Iżda l-imfejjaq ma kienx jaf min kien, għax Ġesù laħaq warrab billi hemmhekk kien hemm ħafna nies. 14Wara mbagħad Ġesù sabu fit-tempju u qallu: “Ara, issa fiqt, qis li ma tidnibx iżjed, biex ma tiġrilikx xi ħaġa agħar.” 15Ir-raġel telaq u mar għand il-Lhud jagħtihom l-aħbar li kien Ġesù li fejqu.#Ġw 9,11. 16Għalhekk il-Lhud ħraxu għal Ġesù, għax f’jum is-Sibt kien jagħmel ħwejjeġ bħal dawn. 17Imma Ġesù qalilhom: “Missieri għadu jaħdem sa issa; mela naħdem jien ukoll.” 18U minħabba f’hekk il-Lhud wisq iżjed minn qabel bdew ifittxu li joqtluh, mhux biss għax kien jikser is-Sibt, imma wkoll għax lil Alla kien jgħidlu Missieru u jqis ruħu daqs Alla.#Mk 14,1; Ġw 7,25; 8,37.40; 10,30-33; 11,57.
Is-setgħa tal-Iben
19Ġesù qabad u qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom li l-Iben ebda ħaġa ma jista’ jagħmel minn rajh jekk ma jarax lil Missieru jagħmilha; għax il-ħwejjeġ li jagħmel il-Missier, jagħmilhom l-Iben ukoll, bħalu.#Ġw 5,30; 8,28. 20Għax il-Missier lill-Iben iħobbu u jurih kulma jagħmel, anzi ħwejjeġ akbar minn dawn jurih, ħalli jkollkom biex tistagħġbu.#Ġw 3,35; 10,17; 15,9; 17,23-24. 21Għax bħalma l-Missier iqajjem lill-mejtin u jagħtihom il-ħajja, hekk ukoll l-Iben jagħti l-ħajja lil dawk li jrid hu.#Ġw 11,25; Rum 4,17; Ef 2,5. 22Il-Missier ma jagħmel ħaqq minn ħadd, imma ħalla f’idejn l-Iben biex jagħmel il-ħaqq kollu hu,#Ġw 3,17; 5,27; 9,39; 12,47; Atti 10,42; 17,31. 23biex kulħadd jagħti ġieħ lill-Iben bħalma jagħti ġieħ lill-Missier; u min ma jagħtix ġieħ lill-Iben anqas ma jagħti ġieħ lill-Missier li bagħtu.#Lq 10,16; Fil 2,10-11. 24Tassew tassew ngħidilkom li min jisma’ kelmti u jemmen f’min bagħatni għandu l-ħajja ta’ dejjem, u ma jsirx ħaqq minnu, imma għadda mill-mewt għall-ħajja.#Ġw 3,15; 8,51; 12,44; 1 Ġw 3,14. 25Tassew tassew ngħidilkom li tiġi siegħa, anzi issa hi, meta l-mejtin jisimgħu l-leħen tal-Iben ta’ Alla, u dawk li jisimgħuh jgħixu.#Mk 5,41; Lq 7,14; 8,54; Ġw 5,28; 11,43. 26Għax bħalma l-Missier għandu l-ħajja fih innifsu, hekk ukoll ta lill-Iben li jkollu l-ħajja fih innifsu,#Ġw 1,4. 27u tah ukoll is-setgħa li jagħmel ħaqq, għax hu Bin il-bniedem.#Ġw 5,22; 9,39; Atti 10,42; 17,31. 28Tistagħġbux b’dan; tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu#Ġw 5,25; 11,43. 29u joħorġu; dawk li jkunu għamlu t-tajjeb iqumu għall-ħajja, imma dawk li jkunu għamlu l-ħażin iqumu għall-kundanna.#Dan 12,2; Atti 24,15.
Xhieda għal Ġesù
30“Jiena ma nista’ nagħmel xejn minn rajja; il-ħaqq nagħmlu fuq dak li nisma’, u l-ħaqq li nagħmel jien huwa ġust, għax jien ma nfittixx ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni.#Lq 22,42; Ġw 4,34; 5,19; 6,38. 31Kieku jien kelli nagħti xhieda fuqi nnifsi, ix-xhieda tiegħi ma kinitx tkun minnha.#Ġw 8,13-14. 32Hemm ħaddieħor li jagħti xhieda fuqi, u jiena naf li x-xhieda li jagħti fuqi hu hi minnha.#Ġw 1,15-34; 3,26; 5,37-39; 8,18; 10,25; 15,26; 19,35; 21,24; 1 Ġw 5,6-9. 33Intom bgħattu tistaqsu lil Ġwanni, u hu ta xhieda għall-verità.#Ġw 1,19-27. 34Mhux għax jien għandi bżonn ix-xhieda ta’ bniedem, imma qiegħed ngħidilkom dan għas-salvazzjoni tagħkom.#1 Ġw 5,9. 35Għax dak kien musbieħ jixgħel u jiddi, u intom, għal ftit, ridtu tifirħu bid-dawl tiegħu. 36Iżda jien għandi xhieda akbar minn dik ta’ Ġwanni; għax l-għemejjel li tani l-Missier biex intemmhom, jiġifieri dawn l-istess għemejjel li jiena qiegħed nagħmel, jixhdu għalija li kien il-Missier li bagħatni.#Ġw 10,25-38; 14,11; 1 Ġw 5,9. 37U dak li jagħti xhieda fuqi huwa dak stess li bagħatni, il-Missier, li intom la qatt smajtu leħnu u lanqas rajtu l-bixra ta’ wiċċu;#Mt 3,17; Mk 1,11; Lq 3,22; Ġw 5,32; 8,18; 1 Ġw 5,9. 38u l-kelma tiegħu ma tinsabx fikom, għax intom m’intomx temmnu lil dak li huwa bagħat.#Ġw 6,29; 1 Ġw 2,14. 39Intom tistudjaw l-Iskrittura, għax taħsbu li fiha hemm il-ħajja ta’ dejjem; din tagħti xhieda għalija;#Lq 24,27-44; Atti 13,27; 1 Pt 1,10-11. 40u madankollu ma tridux tiġu għandi biex ikollkom il-ħajja.
41“Jiena ma nieħu ebda glorja mill-bnedmin,#Ġw 12,43. 42imma jiena lilkom nafkom, naf li l-imħabba ta’ Alla ma tinsabx fikom.#1 Ġw 3,17. 43Jien ġejt f’isem Missieri, u intom ma lqajtunix; jekk ħaddieħor jiġi f’ismu stess, intom tilqgħuh. 44Imma kif jista’ jkun li temmnu, intom li tieħdu l-glorja mingħand xulxin, waqt li xejn ma tfittxu l-glorja li tiġi mingħand Alla waħdu?#Ġw 12,43. 45Xejn la taħsbu li se nkun jien li nakkużakom quddiem il-Missier; dak li jakkużakom huwa Mosè, li fih qegħedtu t-tama tagħkom.#Dt 31,26-27. 46Għax kieku kontu temmnu lil Mosè kontu temmnu lili wkoll, għax Mosè fuqi kiteb.#Dt 18,15; Lq 24,27; Atti 3,22; 7,37. 47Imma jekk intom ma temmnux dak li kitbilkom hu, kif se temmnu dak li ngħidilkom jien?”#Lq 16,29-31.
Currently Selected:
ĠWANNI 5: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.