ĠWANNI 11
11
Kapitlu 11
Il-mewt ta’ Lazzru
1Kien hemm wieħed marid, Lazzru minn Betanja#11,1: Lazzru minn Betanja: l-isem Lazzru hu forma oħra ta’ Elgħażar. Betanja: ara Mk 11,1., ir-raħal ta’ Marija u oħtha Marta.#Lq 10,38-39. 2Marija kienet dik li dilket il-Mulej b’żejt ifuħ u xxuttatlu riġlejh b’xuxitha; u Lazzru, il-marid, kien ħuha.#Ġw 12,3. 3Iż-żewġ nisa bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ara, ħabibek marid.”#Ġw 11,36. 4Meta sama’ l-aħbar Ġesù qal: “Din mhijiex marda tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta’ Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla.”#Ġw 9,3. 5Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru. 6Meta sama’ li dan marad, baqa’ jumejn oħra fejn kien, 7u mbagħad qal lid-dixxipli: “Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija.” 8Qalulu d-dixxipli: “Rabbi#11,8: Rabbi: ara nota Mt 26,25., il-Lhud għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int rieġa’ sejjer hemm?”#Ġw 8,59; 10,31. 9Weġibhom Ġesù: “Mhux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi binhar, ma jitfixkilx, għax ikun qiegħed jara d-dawl ta’ din id-dinja.#Ġw 12,35. 10Imma jekk jimxi billejl, jitfixkel, għax ma jkollux dawl.” 11Qalilhom hekk, u mbagħad issokta jgħidilhom: “Ħabibna Lazzru rieqed; iżda ħa mmur u nqajmu.”#Mt 9,24; Mk 5,39; Lq 8,52. 12Qalulu d-dixxipli: “Mulej, jekk inhu rieqed, jiġifieri se jfiq.” 13Iżda Ġesù kien tkellem mill-mewt tiegħu, u huma ħaduha li kien qalilhom fuq l-irqad ta’ meta wieħed ikun bin-ngħas. 14Imbagħad qalilhom ċar u tond: “Lazzru miet. 15U jiena nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, ħalli temmnu. Iżda ejjew immorru sa ħdejh.” 16Tumas, imlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu d-dixxipli: “Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu.”#Mk 14,31.
Ġesù hu l-qawmien u l-ħajja
17Meta wasal, Ġesù sab li Lazzru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar. 18Betanja kienet qrib Ġerusalemm, xi ħmistax-il stadju#11,18: Ħmistax-il stadju: xi żewġ mili. ’l hemm minnha.#Mt 21,17. 19Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba ħuhom. 20Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. 21Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut.#Ġw 11,32. 22Imma wkoll issa, jiena naf li kulma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek.” 23Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum!” 24Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum.”#Dan 12,2; Ġw 5,28-29; 6,39-40; Atti 24,15. 25Qalilha Ġesù: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; 26u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?”#Ġw 8,51. 27“Iva, Mulej,” weġbitu, “Jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja.”#Mt 16,16; Ġw 6,69.
Ġesù jibki
28Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien qaltilha: “L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek.” 29Dik, malli semgħetha, qamet minnufih u marret ħdejh. 30Ġesù kien għadu ma daħalx fir-raħal, imma baqa’ fejn kienet ġiet tiltaqa’ miegħu Marta.#Ġw 11,20. 31Il-Lhud li kienu d-dar ma’ Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru warajha, għax stħajluha sejra lejn il-qabar biex toqgħod tibki hemm. 32Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu nxteħtet f’riġlejh, tgħidlu: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut.”#Ġw 11,21. 33Ġesù, kif ra lilha tibki u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. 34“Fejn qegħedtuh?” staqsiehom. Huma weġbuh: “Mulej, ejja u ara.” 35U Ġesù beka.#Lq 19,41. 36Għalhekk il-Lhud qalu: “Ara kemm kien iħobbu!”#Ġw 11,3. 37Iżda xi wħud minnhom qalu: “Ma setax dan il-bniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?”#Ġw 9,6.
38Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’ oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu#11,38: Dan kien għar magħluq bi blata fuqu: l-oqbra fil-Palestina fi żmien Ġesù kienu mħaffra fil-blat fil-ġnub ta’ xi wied u magħluqa bi blata kbira fid-daħla; ara nota Mk 5,2..#Mt 27,60; Mk 15,46; Lq 23,53; 24,2; Ġw 20,1. 39Ġesù qal: “Neħħu l-blata.” Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej, issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet.” 40Qalilha Ġesù: “Ma għedtlikx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?” 41Imbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa’ għajnejh ’il fuq u qal: “Missier, irroddlok ħajr li smajtni. 42Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għedt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni.”#Ġw 6,29; 12,30; 17,8-21. 43Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lazzru, oħroġ!” 44U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur.”#Ġw 20,6-7.
Ftehim kontra Ġesù
(Mt 26,1-5; Mk 14,1-2; Lq 22,1-2)
45Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.#Lq 16,31; Ġw 2,23; 7,31; 8,30; 10,42; 12,42. 46Imma xi wħud minnhom marru għand il-Fariżej u qalulhom x’kien għamel Ġesù. 47Għalhekk il-qassisin il-kbar u l-Fariżej laqqgħu s-Sinedriju u qalu: “X’sejrin nagħmlu? Għax dan il-bniedem qiegħed jagħmel ħafna sinjali. 48Jekk inħalluh sejjer hekk, kulħadd jemmen fih, u jiġu r-Rumani, u jeqirdulna kemm it-tempju#11,48: U jeqirdulna kemm it-tempju: letteralment: il-post imqaddes tagħna. Mat-tempju tmur ukoll il-belt ta’ Ġerusalemm. u kemm il-ġens tagħna.” 49Imma wieħed minnhom, Kajfa, li kien il-qassis il-kbir dik is-sena, qalilhom: “Intom ma tafu xejn.#Ġw 18,14. 50Anqas ma intom tqisu li jaqblilkom jekk imut bniedem wieħed għall-poplu u mhux jinqered il-ġens kollu.”
51Issa dan ma qalux minn moħħu, imma billi dik is-sena inzerta kien il-qassis il-kbir, huwa kien imnebbaħ u ħabbar li Ġesù kellu jmut għall-ġens tiegħu, 52u mhux għall-ġens tiegħu biss, imma wkoll biex jiġbor ġemgħa waħda l-ulied ta’ Alla li kienu mxerrdin.#Ġw 10,16; 17,21. 53Minn dak in-nhar ’il quddiem bdew jiftiehmu bejniethom biex joqtluh.#Mt 14,5; Ġw 5,18; 7,25; 8,37-40.
54Ġesù ma għaddiex aktar bid-dieher f’nofs il-Lhud, imma telaq minn hemm lejn il-kampanja qrib id-deżert, f’belt jisimha Efrajm#11,54: Efrajm: belt xi 21 km bogħod fuq il-Grigal ta’ Ġerusalemm., u qagħad hemmhekk mad-dixxipli tiegħu.#Ġw 2,12; 3,22; 7,1.
55Kien wasal l-Għid tal-Lhud, u ħafna nies mill-kampanja telgħu Ġerusalemm qabel l-Għid għar-riti tal-purifikazzjoni.#2 Kron 30,17. 56Huma fittxew lil Ġesù, u bdew jgħidu bejniethom fit-tempju: “Intom x’taħsbu? Tgħid, jitla’ għall-festa?”#Ġw 7,11. 57Issa l-qassisin il-kbar u l-Fariżej taw ordni li, jekk xi ħadd ikun jaf fejn qiegħed, imur jgħidilhom, biex huma jiġu jarrestawh.
Currently Selected:
ĠWANNI 11: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.