ISAIJA 62
62
Kapitlu 62
Sijon l-għarusa tal-Mulej
1Minħabba f’Sijon ma nehdiex,
minħabba f’Ġerusalemm ma niskotx,
sa ma tfeġġ bħal dija l-ġustizzja tagħha,
tħeġġeġ bħal torċa s-salvazzjoni tagħha.
2Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus,
u s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha.
B’isem ġdid għad isejħulek,
isem li għad jagħżlu fomm il-Mulej.#Is 56,5; 65,1-5; Apk 2,17; 3,12.
3Għad tkun kuruna ta’ ġmiel f’id il-Mulej,
u dijadema ta’ sultan f’id Alla tiegħek.
4Ma jgħidulekx aktar: ‘L-Abbandunata’,
lanqas lil artek: ‘L-Imħarbta’.
Lilek għad isejħulek: ‘Għaxqti fiha’,
u lil artek għad jgħidulha: ‘Għarusa’;
għax l-għaxqa tal-Mulej fik,
u artek għad titgħarras.#Is 1,26-27; 49,15-16; 54,1-3; 60,15; Hos 2,25.
5Bħalma għarus jitgħarras xebba,
hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek;
u bħalma l-għarus jitgħaxxaq b’għarustu,
hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek.#Is 65,19.
6Fuq swarek, Ġerusalemm, qegħedt l-għassiesa:
lejl u nhar qatt ma jisktu.
Intom li tfakkru l-Mulej,
ma hemmx mistrieħ għalikom;#Is 52,8.
7u lilu sserrħuhx sa ma jerġa’ jwaqqaf lil Ġerusalemm,
u jagħmilha l-foħrija tal-art.
8Ħalef il-Mulej b’lemintu u bid-driegħ qawwi tiegħu:
“Il-qamħ tiegħek ma nagħtihx aktar b’ikel lill-għedewwa tiegħek,
u l-barranin ma jixorbux l-inbid tiegħek,
li int tħabatt għalih;#Dt 28,30-33; Is 52,10.
9imma l-qamħ jikluh dawk li jaħsduh u jfaħħru l-Mulej,
u dawk li jiġbru l-għeneb jixorbu l-inbid fil-btieħi tat-tempju tiegħi.”#Dt 12,17-18; 14,23.
10Għaddu, għaddu mill-bibien,
wittu t-triq għall-poplu!
Rawmu, rawmu t-triq, naddfuha miż-żrar!
Għollu sinjal għall-popli!#Is 11,16; 49,22.
11Araw, il-Mulej isamma’ leħnu sa truf l-art:
“Għidu lil bint Sijon: Arah, ġej is-salvatur tiegħek!
Arah bil-prezz f’idu u l-ħlas quddiemu.”#Is 40,10; Mt 21,5.
12U jibdew isejħulhom: ‘Poplu qaddis, il-Mifdijin tal-Mulej’,
U lilek isejħulek: ‘L-Imfittxija’, ‘Il-Belt qatt abbandunata’.#Is 1,26; 60,14; 62,4.
Currently Selected:
ISAIJA 62: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.