YouVersion Logo
Search Icon

ISAIJA 61

61
Kapitlu 61
Il-bxara t-tajba għal Sijon
1L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,
għax il-Mulej ikkonsagrani,
biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
bagħatni ndewwi l-qalb miksura;
biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs;#Is 11,2; 42,1; 48,16; Mt 3,16; Lq 4,18-19; 7,22.
2biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej,
u jum il-vendetta ta’ Alla tagħna;
biex infarraġ lill-imnikktin;#Lev 25,10; Mt 5,5.
3biex inferraħ lil dawk li jibku f’Sijon,
nagħtihom kuruna flok irmied,
żejt tal-ferħ flok l-ilbies tal-vistu,
l-għana tal-foħrija flok ruħ mitluqa.
Isejħulhom ballut tas-sewwa,
imħawla mill-Mulej għal foħritu.”
4Mill-ġdid għad jibnu l-ħerbiet tal-qedem,
itellgħu t-tiġrif tal-imgħoddi,
iġeddu l-bliet imġarrfa, meqruda minn żmien twil.#Is 58,12.
5Ikun hemm il-barranin li jirgħu l-imrieħel tagħkom,
ulied il-frustiera jaħdmulkom ir-raba’,
u jeħdulkom ħsieb id-dwieli.#Is 14,2.
6Lilkom isejħulkom: ‘Il-Qassisin tal-Mulej’,
‘Qaddejja ta’ Alla tagħna’ isemmukom.
Tieklu l-ġid tal-ġnus,
tissebbħu bil-glorja tagħhom.#Eż 19,6; 1 Pt 2,5; Apk 1,6; 5,10; 20,6.
7Għaliex id-doppju kien l-għajb tagħhom;
mistħija u żebliħ kien sehemhom.
Għalhekk id-doppju jirtu f’arthom,
u jkollhom hena bla tmiem.#Is 40,2.
8Jien hu l-Mulej, li nħobb id-dritt,
u nobgħod il-ħell u l-qerq.
U jien bis-sewwa nħallashom,
u nagħmel magħhom patt għal dejjem.#Is 55,3; 59,21.
9Nisilhom ikun magħruf fost il-ġnus,
u wliedhom qalb il-popli.
Kull min jarahom jagħrafhom
li huma nisel imbierek mill-Mulej.#Ġen 12,3.
10Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej,
taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi.
Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni,
bil-mantar tal-ġustizzja għattieni,
bħal għarus imżejjen b’kuruna,
bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.#1 Sam 2,1; Lq 1,46-47; Apk 21,2; 19,8.
11Bħalma l-art tnibbet,
bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih,
hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja u l-foħrija,
quddiem kollha kemm huma l-ġnus.#Is 45,8.

Currently Selected:

ISAIJA 61: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in