ĠENESI 42
42
Kapitlu 42
Ħut Ġużeppi fl-Eġittu
1Ġakobb ra li kien hemm il-qamħ fl-Eġittu, u qal lil uliedu: “X’intom tħarsu lejn xulxin?”#Atti 7,12. 2U ssokta jgħid: “Jiena smajt li hemm il-qamħ fl-Eġittu. Inżlu hemm u ixtru l-qamħ għalina minn hemm, biex ngħixu u ma mmutux.”
3U niżlu l-Eġittu għaxra minn ħut Ġużeppi jixtru l-qamħ. 4Imma Benjamin, ħu Ġużeppi, Ġakobb ma bagħtux ma’ ħutu, għax qal: “Li ma jmurx jiġrilu bħal Ġużeppi.”
5U waslu wlied Iżrael biex jixtru l-qamħ flimkien ma’ oħrajn li kienu ġew ukoll, għax kien hemm il-ġuħ f’art Kangħan.#Ġdt 5,10; Atti 7,11. 6Ġużeppi kien il-gvernatur fuq il-pajjiż; hu li kien ibigħ lin-nies kollha tal-art. U waslu ħut Ġużeppi u nxteħtu wiċċhom fl-art quddiemu.#S 105,21. 7U Ġużeppi ra lil ħutu u għarafhom, iżda ġieb ruħu magħhom ta’ barrani, u kellimhom iebes u qalilhom: “Minn fejn ġejjin?” U huma weġbuh: “Mill-art ta’ Kangħan, biex nixtru l-ikel.” 8U Ġużeppi kien għaraf lil ħutu, imma huma ma għarfuhx. 9U ftakar Ġużeppi fil-ħolm li kien ħolom dwarhom u qalilhom: “Intom spjuni! Ġejtu hawn biex titkixxfu d-dgħufija tal-art.”#Ġen 37,5-11. 10U huma weġbuh: “Le, sidi, il-qaddejja tiegħek ġew jixtru l-ikel. 11Aħna lkoll ulied bniedem wieħed. Aħna nies sewwa. M’aħniex spjuni.” 12U hu qalilhom: “Le! Titkixxfu d-dgħufija tal-art ġejtu!” 13U huma weġbuh: “Aħna l-qaddejja tiegħek tnax-il aħwa, ulied bniedem wieħed fl-art ta’ Kangħan. Iż-żgħir illum qiegħed ma’ missierna, u l-ieħor ma għadux magħna.”#Ġen 44,20. 14Ġużeppi qalilhom: “Għedtilkom jien: intom spjuni. 15B’dan inġarrabkom: daqs kemm hu ħaj il-Fargħun, ma toħorġux minn hawn qabel ma jiġi hawn ħukom iż-żgħir. 16Ibagħtu lil xi wieħed minnkom iġib lil ħukom, u intom tibqgħu l-ħabs, biex jien inġarrab kliemkom jekk intomx fis-sewwa. Jekk le, daqs kemm hu ħaj il-Fargħun, intom spjuni.” 17U ġabarhom il-ħabs għal tlitt ijiem. 18U fit-tielet jum Ġużeppi qalilhom: “Agħmlu dan u tgħixu, għax jien nibża’ minn Alla. 19Jekk intom nies sewwa, wieħed minnkom jibqa’ magħluq fil-ħabs tagħkom, u intom morru ħudu l-qamħ għall-ġuħ f’darkom. 20U ġibuli ’l ħukom iż-żgħir, imbagħad nemmen kliemkom u ma tmutux.” U hekk għamlu.#Ġen 43,5. 21U bdew jgħidu lil xulxin: “Tassew aħna ħatja kontra ħuna, għax aħna rajna d-diqa ta’ qalbu; u hu u jitlobna l-ħniena ma tajniehx widen. Għalhekk ġie fuqna dan l-għawġ.”#Ġen 37,18-27. 22U qabeż Ruben u qalilhom: “Ma kontx għedtilkom jiena: ‘la tagħmlux ħsara lit-tifel’ u intom ma tajtux widen? U issa demmu jrid jitħallas minna.”#Ġen 37,22. 23U huma ma ntebħux li Ġużeppi kien qiegħed jifhimhom, għax bejniethom kien hemm l-interpretu. 24U hu tbiegħed minnhom u beka. Imbagħad ġie lura ħdejhom u kellimhom, u ħa ’l Simgħon minn fosthom u rabtu taħt għajnejhom.#Ġen 43,30.
25U Ġużeppi ordna li jimlewlhom l-ixkejjer tagħhom bil-qamħ u li jqiegħdu l-bċejjeċ tal-fidda ta’ kull wieħed fl-ixkora tiegħu, u li jagħtuhom ikel għat-triq. U għamlulhom hekk. 26U għabbew il-qamħ fuq il-ħmir tagħhom u telqu minn hemm. 27U wieħed minnhom fetaħ l-ixkora tiegħu fil-lukanda biex jagħlef il-ħmar tiegħu, u ra li flusu kienu f’wiċċ l-ixkora tiegħu. 28U qal lil ħutu: “Tawni lura flusi, u hawn huma f’wiċċ l-ixkora tiegħi.” U ħarġet ruħhom, u b’rogħda fuqhom bdew jgħidu lil xulxin: “X’inhu dan li għamlilna Alla?”
29U waslu għand missierhom Ġakobb fl-art ta’ Kangħan u għarrfuh b’kulma ġralhom u qalulu: 30“Dak ir-raġel, is-sid tal-art, kellimna iebes u ħadna bi spjuni tal-pajjiż; 31u aħna għednielu li aħna nies sewwa, u m’aħniex spjuni. 32Aħna tnax-il aħwa, ulied missier wieħed: wieħed ma għadux magħna u ż-żgħir illum qiegħed ma’ missierna f’Kangħan. 33U r-raġel sid l-art qalilna: ‘Minn dan inkun naf jekk intomx nies sewwa: ħallu hawn miegħi ’l wieħed minn ħutkom, ħudu l-qamħ għall-ġuħ f’darkom u morru. 34U ġibuli hawn ’il ħukom iż-żgħir, u jien inkun naf li m’intomx spjuni, imma nies sewwa; imbagħad jiena rroddilkom ’il ħukom lura u intom tkunu tistgħu tiġġerrew mal-art kollha.’ ”
35Ġara li meta bdew ibattlu l-ixkejjer tagħhom, kull wieħed ra l-borża ta’ flusu fl-ixkora tiegħu; raw il-boroż ta’ flushom u beżgħu, huma u missierhom. 36U Ġakobb missierhom qalilhom: “Ġibtuni bla tfal! Ġużeppi ma għadux iżjed; Simgħon ma għadux iżjed, u issa tridu teħduli lil Benjamin. Kellu jiġrili dan kollu!” 37U Ruben kellem lil missieru u qallu: “Oqtolli liż-żewġ uliedi jekk ma nġibhulekx lura. Erħih f’idejja u jiena nġibhulek lura.” 38U hu wieġbu: “Ibni ma jinżilx magħkom; għax ħuh miet u hu baqa’ waħdu. U jekk jiġrilu xi għawġ fit-triq, li sejrin fiha, tniżżluli xjuħiti bil-għali fil-qabar.”#Ġen 37,35; 42,4.
Currently Selected:
ĠENESI 42: MB20
Highlight
Share
Copy

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.