YouVersion Logo
Search Icon

ĠENESI 43

43
Kapitlu 43
Ħut Ġużeppi għat-tieni darba fl-Eġittu
1Il-ġuħ baqa’ jagħfas fuq l-art. 2U meta temmu jieklu l-qamħ li kienu ġiebu mill-Eġittu, missierhom qalilhom: “Erġgħu morru ixtrulna ftit qamħ.” 3U Ġuda wieġbu u qallu: “Dak ir-raġel widdibna bis-sħiħ u qalilna: ‘Ma tarawx wiċċi jekk ma jkollkomx lil ħukom magħkom.’#Ġen 44,23. 4Mela, jekk jogħġbok tibgħat lil ħuna magħna, immorru u nixtrulek il-qamħ; 5imma jekk ma jogħġbokx, ma ninżlux. Għax dak ir-raġel qalilna: ‘Ma tarawx wiċċi jekk ma jkollkomx lil ħukom magħkom.’ ”#Ġen 42,20. 6U Iżrael qalilhom: “Għala għamiltuli din il-ħsara, li mortu tgħidu lil dak ir-raġel li kien għad baqgħalkom ħukom?” 7U huma weġbuh: “Dak ir-raġel staqsiena fuq li staqsiena fuqna u fuq il-familji tagħna u qalilna: ‘Għadux ħaj missierkom? Għandkomx xi ħukom ieħor?’ U aħna weġibnieh skont dan il-kliem. Fejn konna nafu li kien sa jgħidilna: ‘Niżżlu magħkom lil ħukom’?”
8U Ġuda ssokta jgħid lil Iżrael missieru: “Ibgħat liż-żagħżugħ miegħi, ħa naqbdu u nitilqu, u jkollna biex ngħixu u ma mmutux, sew aħna u inti, u sew it-tfal tagħna.#Ġen 42,37. 9Nagħmel tajjeb jien għalih; fittex lili għalih. Jekk jien ma nġibhulekx, u ma nqegħedhulekx quddiemek, jien inkun ħati kontrik għal għomri kollu. 10Għax kieku ma qgħadniex nitnikkru, kieku s’issa rġajna morna hemmhekk darbtejn.”
11U Iżrael missierhom weġibhom: “Jekk inhu hekk, tajjeb, agħmlu hekk: ħudu magħkom mill-aħjar ġid ta’ din l-art fil-ħoroġ tagħkom u ħudu rigal lil dak ir-raġel; xi ftit balzmu, xi ftit għasel, dragant u lawdnu, pistaċċi u lewż.#Ġen 37,25; 45,23. 12Flus magħkom ħudu d-doppju u ħudu wkoll il-flus li kienu raddewlkom f’wiċċ l-ixkejjer, li ma kienx hemm xi żball. 13U ’l ħukom ħuduh magħkom ukoll. Aqbdu u morru lura għand dak ir-raġel. 14U El-Xaddaj jagħmel li ssibu ħniena quddiem dak ir-raġel, u jagħtikom lura lil ħukom l-ieħor u ’l Benjamin; u jien, jekk għandi niċċaħħad minn uliedi, ħa niċċaħħad!”#Ġen 17,1; 42,24.
15U huma ħadu f’idejhom dawn ir-rigali, u flus ħadu għal darba tnejn, u ’l Benjamin; u qabdu u niżlu lejn l-Eġittu, u daħlu quddiem Ġużeppi.
16U malli Ġużeppi ra lil Benjamin magħhom, qal lil dak li kien jieħu ħsieb daru: “Ġib lil dawk l-irġiel id-dar, u oqtol xi bhima, u lesti kollox, għax dawk l-irġiel illum jieklu miegħi f’nofsinhar.” 17U dak ir-raġel għamel skont ma qallu Ġużeppi u daħħal lil dawn l-irġiel f’dar Ġużeppi. 18U huma beżgħu għax daħħluhom f’dar Ġużeppi, u qalu: “Minħabba l-biċċa tal-flus li reġġgħulna fl-ixkejjer tagħna l-ewwel darba daħħluna hawn, biex jaħbtu għalina u jinxteħtu fuqna, u jeħduna lsiera, u jaqbdu l-ħmir tagħna.” 19U resqu fuq dak li kien jieħu ħsieb id-dar ta’ Ġużeppi u kellmuh f’bieb id-dar, 20u qalulu: “Jekk jogħġbok, sidna: Aħna nżilna l-ewwel darba nixtru l-qamħ,#Ġen 42,3. 21u meta konna wasalna fil-lukanda ftaħna l-ixkejjer tagħna, u hemm sibna l-flus, kull wieħed f’wiċċ l-ixkora tiegħu, sewwasew flusna skont ma jiżnu, u issa ġibniehom lura magħna.#Ġen 42,27-28. 22U ġibna wkoll flus oħra magħna biex nixtru l-qamħ. Ma nafux min qiegħed il-flus tagħna fl-ixkejjer tagħna.” 23U hu weġibhom: “Is-sliem għalikom. La tibżgħux! Alla tagħkom u Alla ta’ missirijietkom takom teżor moħbi fl-ixkejjer tagħkom; fluskom diġà waslu għandi.” U ħarġilhom lil Simgħon.
L-aħwa l-mistiedna ta’ Ġużeppi
24Imbagħad dak ir-raġel daħħal ’il dawk l-irġiel f’dar Ġużeppi; tahom l-ilma u ħaslu riġlejhom; u tahom ukoll l-għalf għall-ħmir tagħhom.
25U lestew ir-rigali għal meta jasal Ġużeppi f’nofsinhar, għax semgħu li kellhom jieklu hemm. 26U Ġużeppi daħal id-dar, u huma ġibulu r-rigali li kellhom f’idejhom id-dar u nxteħtu wiċċhom fl-art quddiemu. 27U hu sellmilhom u staqsiehom: “Kif inhu x-xwejjaħ missierkom li semmejtu, għadu ħaj?” 28U huma weġbuh: “Qawwi u sħiħ il-qaddej tiegħek missierna, għadu ħaj.” U niżlu għarkupptejhom u nxteħtu wiċċhom fl-art quddiemu.
29U rafa’ għajnejh, u ra lil Benjamin ħuh, bin ommu, u staqsiehom: “Dan ħukom iż-żgħir li intom għedtuli?” U żied jgħid: “Alla jħenn għalik, ibni!”#Ġen 42,13.
30U Ġużeppi ħass ġewwenih jitqanqlu għal ħuh, ħass li għandu jibki, u daħal jgħaġġel fil-kamra tiegħu, u beka hemm.#Ġen 42,24. 31Imbagħad ħasel wiċċu u ħareġ, żamm kemm felaħ u qal: “Ġibu l-ikel!” 32U ġibulu għalih waħdu, u lilhom għalihom weħidhom, u lill-Eġizzjani, li jieklu miegħu, għalihom weħidhom ukoll - għaliex l-Eġizzjani ma jistgħux jieklu mal-Għebrej, għax ikun għajb għall-Eġizzjani. 33U qagħdu bilqiegħda quddiemu, wieħed wara l-ieħor, il-kbir l-ewwel u ż-żgħir l-aħħar, skont ma kellhom snin, u l-aħwa bdew iħarsu mistagħġba lejn xulxin. 34U refgħulhom ishma minn quddiemu, u s-sehem ta’ Benjamin kien ħames darbiet iktar mis-sehem ta’ ħutu kollha. U xorbu u ferħu miegħu.

Currently Selected:

ĠENESI 43: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in