ĠENESI 26
26
Kapitlu 26
Iżakk f’Gerar
1U ġara li waqa’ l-ġuħ fuq il-pajjiż - barra dak li kien hemm qabel fi żmien Abraham. U Iżakk mar għand Abimelek, sultan tal-Filistin f’Gerar.#Ġen 12,10-20; 20. 2U deherlu l-Mulej u qallu: “La tinżilx l-Eġittu; oqgħod fl-art li se ngħidlek. 3Oqgħod frustier f’din l-art, u jien inkun miegħek u nbierkek. Għax lilek u lil nislek nagħti dawn l-artijiet kollha, u jien intemm il-ħalfa li ħlift lil Abraham missierek.#Ġen 12,7; 15,18; Eż 32,13; S 105,9-11; Sir 44,22; Lhud 11,9. 4U jien inkattar lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema u lil nislek nagħtih dawn l-artijiet kollha. U jitbierku f’nislek il-ġnus kollha tal-art,#Ġen 12,3; 22,17-18; 28,14; Eż 32,13. 5għax Abraham sama’ minn kliemi u l-ordnijiet, it-twissijiet, il-kmandamenti u l-liġijiet tiegħi.”
6U Iżakk baqa’ jgħammar f’Gerar. 7U meta n-nies tal-post kienu jistaqsuh dwar martu, kien jgħidilhom: “Din oħti,” għax kien jibża’ jgħidilhom: “Marti,” li ma kinux joqtluh in-nies tal-post minħabba Rebekka, billi kienet sabiħa fil-għajn. 8Ġara imma li kien ilu hemm żmien twil, u Abimelek, sultan tal-Filistin, ħareġ fit-tieqa, u ra lil Iżakk iżiegħel b’martu Rebekka. 9U Abimelek sejjaħ lil Iżakk u qallu: “Mela dik martek! Kif għedtilna: ‘Din oħti?’ ” U Iżakk wieġbu: “Għax għedt: ‘Inkella mmut minħabba fiha’.” 10U Abimelek qallu: “Dan x’għamiltilna? Bħallikieku xejn xi ħadd min-nies sata’ raqad ma’ martek, u kont iġġib il-ħtija fuqna.” 11U Abimelek wissa l-poplu kollu u qalilhom: “Min imiss lil dan ir-raġel jew lil martu jagħtuh il-mewt.”
12U Iżakk żara’ f’dik l-art, u dik is-sena ġabar mitt darba iżjed, għax il-Mulej bierku. 13U dan il-bniedem kiber, u baqa’ jikber, sakemm kiber sewwa. 14U kellu mrieħel tan-nagħaġ u mrieħel tal-baqar u ħafna qaddejja. Għalhekk il-Filistin bdew jgħiru għalih. 15(U l-bjar kollha li kienu ħaffru l-qaddejja ta’ missieru, fi żmien Abraham, missieru, għalquhom il-Filistin u mlewhom bit-trab).#Ġen 21,22-34. 16U Abimelek qal lil Iżakk: “Itlaq minn magħna, għax int tqawwejt wisq iżjed minna.”
Iżakk jitlewwem ma’ Abimelek
17U Iżakk telaq minn hemm u waqqaf l-għarix f’Wied Gerar u baqa’ jgħammar hemm. 18(U Iżakk raġa’ ħammel il-bjar tal-ilma li kienu ħaffru fi żmien Abraham, missieru, u li kienu għalquhom il-Filistin wara li kien miet Abraham, u semmiehom bl-ismijiet li kien semmiehom bihom missieru). 19U l-qaddejja ta’ Iżakk ħaffru, u sabu hemm bir bl-ilma ġieri. 20U r-rgħajja ta’ Gerar tlewmu mar-rgħajja ta’ Iżakk, u qalulhom: “Dan l-ilma tagħna.” U hu semma l-bir, Esek, tlewwim, għax hemm tlewmu miegħu. 21U reġgħu ħaffru bir ieħor, u tlewmu fuqu wkoll; u semmieh Xitna, mibegħda. 22Għalhekk telaq minn hemm, u ħaffer bir ieħor u ma ġġildux għalih, u semmieh Reħobot, wisa’, għax qal: “Issa l-Mulej wessgħalna, u issa noktru fl-art.”
23U minn hemm tala’ Birsaba. 24U deherlu l-Mulej billejl stess u qallu: “Jiena Alla ta’ Abraham, missierek. La tibżax, għax jiena miegħek, u jiena nbierkek, u nkattar nislek minħabba Abraham, missierek, il-qaddej tiegħi.”#Ġen 46,3. 25U hemm bena artal u sejjaħ isem il-Mulej, u hemm waqqaf l-għarix tiegħu. U l-qaddejja ta’ Iżakk ħaffru bir hemmhekk.
26Imbagħad Abimelek mar għandu minn Gerar u miegħu kellu lil Aħużżat, ħabibu, u Fikol, il-kmandant tal-eżerċtu tiegħu.#Prov 16,7.
27U Iżakk qalilhom: “Għalfejn ġejtu għandi? Intom bgħadtuni, u keċċejtuni ’l bogħod minnkom.” 28U huma qalulu: “Aħna rajna sewwa li l-Mulej miegħek, u għedna: “Ħa naħilfu lil xulxin, aħna u int, u nagħmlu patt miegħek 29li ma tagħmlilna ebda deni, bħalma aħna qatt ma missejniek u bħalma aħna dejjem għamilnielek il-ġid, u bgħatniek bis-sliem. Għax int issa mbierek mill-Mulej.”
30U hu għamlilhom ikla, u kielu u xorbu. 31U qamu kmieni filgħodu u ħalfu lil xulxin, u Iżakk qabbadhom it-triq u huma telqu minn ħdejh bis-sliem. 32Dak in-nhar stess ġew il-qaddejja ta’ Iżakk, u ħabbrulu fuq il-bir li kienu qegħdin iħaffru u qalulu: “Sibna l-ilma.” 33U semma l-bir Siba#26,33: Siba: tfisser ħalfa. Birsaba, mela, Bir il-ħalfa; ara Ġen 21,31.; għalhekk il-belt għadu jisimha Birsaba sal-lum.#Ġen 21,31.
Iż-żwieġ ta’ Għesaw
34Meta Għesaw kellu erbgħin sena, ħa b’martu lil Ġuditta bint Beri l-Ħitti, u lil Baxemat bint Elon il-Ħitti.#Ġen 24,3-4; 27,46; 28,1-2; 36,1-5. 35U dawn kienu ta’ mrar għal qalb Iżakk u Rebekka.
Currently Selected:
ĠENESI 26: MB20
Highlight
Share
Copy
![None](/_next/image?url=https%3A%2F%2Fimageproxy.youversionapi.com%2F58%2Fhttps%3A%2F%2Fweb-assets.youversion.com%2Fapp-icons%2Fen.png&w=128&q=75)
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.