ĠENESI 22
22
Kapitlu 22
Il-prova ta’ Abraham
1U wara dawn il-ġrajja Alla ried iġarrab lil Abraham u qallu: “Abraham!” U hu wieġbu: “Hawn jien!”#Għerf 10,5; Sir 44,20; Lhud 11,17-18; Ġak 2,21-22. 2U qallu: “Aqbad lil ibnek il-waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-art ta’ Morija, u hemm offrih b’sagrifiċċju tal-ħruq fuq waħda mill-għoljiet li jien se ngħidlek.”
3U Abraham bakkar mas-sebħ, xedd il-ħmar tiegħu, ħa tnejn mill-qaddejja tiegħu, u lil Iżakk. Qatta’ l-ħatab għas-sagrifiċċju tal-ħruq, u qam, u telaq lejn il-post li qallu bih Alla.
4Fit-tielet jum Abraham rafa’ għajnejh, u lemaħ il-post mill-bogħod. 5U Abraham qal lill-qaddejja tiegħu: “Oqogħdu hawn bil-ħmar, u jien u ż-żagħżugħ immorru sa hemm, u nagħtu qima u nerġgħu lura ħdejkom.” 6U Abraham qabad il-ħatab għas-sagrifiċċju, għabbieh fuq Iżakk ibnu, ħa f’idejh in-nar u s-sikkina, u telqu t-tnejn flimkien.
7U Iżakk qal lil Abraham missieru: “Missier!” u dak wieġbu: “Hawn jien, ibni.” U Iżakk wieġbu: “Hawn huma n-nar u l-ħatab, fejn hu l-ħaruf għas-sagrifiċċju tal-ħruq?” 8U Abraham wieġbu: “Alla jaħseb hu għall-ħaruf għas-sagrifiċċju, ibni.” U baqgħu sejrin it-tnejn flimkien.
9U waslu fil-post li kien semmielu Alla; u hemm Abraham bena l-artal u firex il-ħatab fuqu, u rabat lil ibnu Iżakk u qiegħdu fuq l-artal, fuq il-ħatab.#Ġak 2,21. 10U Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu.#Għerf 10,5. 11U sejjaħlu l-anġlu tal-Mulej mis-smewwiet u qallu: “Abraham, Abraham!” U dan wieġbu: “Hawn jien.” U qallu: 12“La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara; għax issa naf li inti tibża’ minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni.”#Eż 20,20; Dt 6,2; Lhud 11,17.
13U Abraham rafa’ għajnejh, ta ħarsa madwaru, u ra muntun warajh maqbud minn qrunu fil-friegħi. U Abraham mar u qabad il-muntun, u offrieh b’sagrifiċċju tal-ħruq minflok ibnu. 14U Abraham semma dak il-post: “Jaħweh-jire#22,14: Jaħweh-jire: Il-Mulej jara, jaħseb, jipprovdi., jiġifieri, il-Mulej jipprovdi,” kif għadu jingħad sal-lum: “Fuq il-muntanja Jaħweh-jire, il-Mulej jipprovdi.”
15U għat-tieni darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham mis-smewwiet 16u qallu: “Naħlef fuq ruħi - oraklu tal-Mulej - la darba int għamilt ħaġa bħal din, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni,#Ġen 12,2; 15,5; 16,10; 32,13; Eż 32,13; Lq 1,73; Rum 4,13; Lhud 6,13-14; 11,12. 17jien inbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar; u nislek għad jiret bwieb l-għedewwa tiegħu. 18U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art talli smajt minn kelmti.”#Ġen 12,3; 18,18; 26,4; Sir 44,21; Atti 3,25; Gal 3,16.
19U Abraham raġa’ lura ħdejn il-qaddejja tiegħu, u qabdu u telqu flimkien lejn Birsaba. U Abraham baqa’ jgħammar f’Birsaba.
20Wara dawn il-ġrajja ħabbru lil Abraham u qalulu: “Ara, lil ħuk Naħor ukoll, Milka wilditlu t-tfal: 21lil Għus, il-kbir; u ’l Buż ħuh; u ’l Kemwel, Aram, 22u ’l Kesed, u ’l Ħażu, u ’l Pildas, u ’l Ġedlaf, u ’l Betwel.” 23U Betwel wiled ’il Rebekka. Dawn it-tmienja wildithom Milka lil Naħor, ħu Abraham.#Ġen 24,15; 25,20; 28,2.
24U l-konkubina tiegħu, li kien jisimha Rewma, wilditlu wkoll ’il Tebaħ, ’il Gaħam, ’il Taħas u ’l Magħka.
Currently Selected:
ĠENESI 22: MB20
Highlight
Share
Copy
![None](/_next/image?url=https%3A%2F%2Fimageproxy.youversionapi.com%2F58%2Fhttps%3A%2F%2Fweb-assets.youversion.com%2Fapp-icons%2Fen.png&w=128&q=75)
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.