ĠENESI 10
10
Kapitlu 10
Nisel Noè
1U dan hu n-nisel ta’ wlied Noè: Sem, Ħam u Ġafet, u tweldulhom ulied wara d-dilluvju.
Ulied Ġafet
2U wlied Ġafet kienu: Gomer, Magog, Madaj, Ġawan, Tubal, Mesek u Tiras.#1 Kron 1,5-23. #Eżek 38,2.
3Ulied Gomer kienu: Askenaż, Rifat u Togarma. 4Ulied Ġawan kienu: Elisa, Tarsis, il-Kittin u r-Rodanin. 5Minnhom ħarġu l-popli tax-xtajtiet tal-ġnus. Dawn kienu wlied Ġafet f’artijiethom, kull wieħed skont ilsienu, u skont il-familji tagħhom fi ġnushom.
Ulied Ħam
6U wlied Ħam kienu: Kus, Misrajm, Put u Kangħan. 7Ulied Kus kienu: Seba, Ħawila, Sabta, Ragħma u Sabteka; u wlied Ragħma kienu Seba u Dedan.#1 Slat 10. 8Kus wiled lil Nimrod, li kien l-ewwel wieħed setgħan fl-art. 9Kien kaċċatur qalbieni f’għajnejn il-Mulej: u għalhekk kienu jgħidu: “Bħal Nimrod kaċċatur qalbieni f’għajnejn il-Mulej.” 10U l-bidu tas-saltna tiegħu kienu: Babel, Erek, Akkad, Kalni, fl-art ta’ Singħar. 11Minn din l-art mar l-Assirja u bena ’l Ninwè, ’l Reħobot-għir, u ’l Kalaħ, 12u ’l Resen, bejn Ninwè u Kalaħ; u din kienet il-belt il-kbira. 13Misrajm wiled lil-Ludim, lill-Għanamin, lil-Leħabin, lin-Naftuħin, 14lill-Patrusin, lill-Kasluħin, li minnhom ħarġu l-Filistin u l-Kafturin. 15U Kangħan wiled lil Sidon, ibnu l-kbir, lil Ħet, 16lill-Ġebusin, lill-Amurrin u lill-Girgasin, 17lill-Ħiwwin, lill-Għarakin, lis-Sinin, 18lill-Arwadin, lis-Semarin, lill-Ħamatin. U wara nfirdu l-familji tal-Kangħanin. 19U l-medda ta’ art il-Kangħanin kienet tibda minn Sidon u tibqa’ sejra lejn Gerar sa Gaża, imbagħad tieħu lejn Sodoma u Gomorra, u lejn Edom u Sebojim sa Lasa.
20Dawk kienu wlied Ħam skont il-familji tagħhom, ilsienhom, artijiethom u ġnushom.
Ulied Sem
21U ’l Sem tweldulu t-tfal lilu wkoll. Hu missier l-ulied kollha ta’ Għeber, u kien ħu l-kbir ta’ Ġafet. 22Ulied Sem kienu: Għelam, Assur, Arfaksad, Lud u Aram. 23Ulied Aram kienu: Għus, Ħul, Ġeter u Mas. 24Arfaksad wiled lil Selaħ, u Selaħ wiled lil Għeber. 25Lil Għeber tweldulu żewġt itfal, wieħed kien jismu Peleg, għax fi żmienu tqassmet l-art, u isem ħuh kien Ġoktan.
26U Ġoktan wiled lil Almodad, lil Salef, lil Ħasarmawt, lil Ġeraħ, 27lil Ħedoram, lil Użal, lil Dikla, 28lil Għobal, lil Abimajel, lil Seba, 29lil Ofir, lil Ħawila, lil Ġobab. Dawn kollha wlied Ġoktan. 30U l-art fejn kienu jgħammru kienet tieħu minn Mesa lejn Sefar sal-muntanji tal-Lvant.
31Dawn kienu wlied Sem skont il-familji tagħhom, ilsienhom, artijiethom u ġnushom.
32Dawn kienu l-familji ta’ wlied Noè skont in-nisel tagħhom, fi ġnushom; u minnhom ħarġu l-ġnus ta’ fuq l-art wara d-dilluvju.#Ġen 9,1.
Currently Selected:
ĠENESI 10: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.