YouVersion Logo
Search Icon

GALATIN 4

4
Kapitlu 4
1Irrid ngħid li, sakemm idum iż-żmien li fih il-werriet ikun għadu tifel, dan ma jkunx aħjar minn ilsir, għad li hu sid il-ġid kollu; 2iżda jkun taħt il-ħarsien tat-tuturi u tal-amministraturi, sa ma jasal iż-żmien magħżul mill-missier#4,2: Iż-żmien magħżul mill-missier: skont il-liġi Ellenika l-missier kien jagħżel l-età meta l-iben kellu jieħu l-awtonomija tiegħu.. 3Hekk ukoll aħna: meta konna tfal, konna lsiera taħt l-elementi tad-dinja#4,3: L-elementi tad-dinja: setgħat spiritwali li jaħkmu fuq il-bniedem: ara Gal 4,9; Kol 2,8-20..#Gal 3,23; Kol 2,20. 4Iżda meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-Liġi,#Ġw 1,14; Rum 1,3; Ef 1,10. 5biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-Liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied.#Rum 8,15; Gal 3,13. 6U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: Abba! Missier!#Rum 8,15-16. 7U hekk m’intix iżjed ilsir, iżda iben; u jekk iben, werriet ukoll bil-grazzja ta’ Alla.#Rum 8,17; Gal 3,29.
Pawlu jiftaħ qalbu
8Imma fl-imgħoddi lil Alla ma kontux tafuh u kontu taqdu lill-ħlejjaq li m’humiex allat.#2 Kron 13,9; Is 37,19; Ġer 2,11; 1 Kor 8,4-6. 9Issa lil Alla tafuh, jew aħjar, Alla jafkom; mela, kif erġajtu lura lejn l-elementi bla saħħa u bla siwi, u tridu terġgħu taqduhom biex tħarsu 10l-jiem, ix-xhur, l-istaġuni u s-snin#4,10: Il-jiem, ix-xhur, l-istaġuni u s-snin: il-festi skont il-kalendarju Lhudi, jew riti li kellhom x’jaqsmu mal-kwiekeb u l-pjaneti.? 11Qiegħed nibża’ li t-taħbit li tħabatt għalikom kien kollu ta’ xejn.
12Kunu bħali, nitlobkom, bħalma jien bħalkom, l-aħwa. Ħadd minnkom ma naqasni f’xejn. 13Intom tafu li meta xandartilkom l-Evanġelju għall-ewwel darba, kien minħabba li kont marid.#1 Kor 2,3. 14Għalkemm din il-marda f’ġismi kienet ta’ prova għalikom, intom ma stmerrejtunix u anqas skartajtuni, iżda lqajtuni bħala anġlu ta’ Alla, bħala Kristu Ġesù. 15Fejn hu issa l-ferħ tagħkom? Jien xhud għalikom, li kieku kien jista’ jkun kontu taqilgħu għajnejkom u tagħtuhomli. 16Sirt issa, mela, għadu tagħkom għax qiegħed ngħidilkom il-verità?#Għam 5,10. 17Huma jfittxukom, iżda mhux b’fehma tajba; iridu jifirdukom minni biex intom tfittxu lilhom. 18Tajjeb li wieħed jitqanqal għall-ġid tal-oħrajn dejjem, u mhux biss meta nkun magħkom jien. 19Uliedi, għal darba oħra qiegħed inħoss l-uġigħ tal-ħlas sakemm Kristu jissawwar fikom. 20Bħalissa jien ridt kieku nkun għandkom u nbiddel leħni, għax inħossni inkwetat minħabba fikom.
Sarah u Ħagar
21Għiduli, intom li tridu toqogħdu taħt il-Liġi! Ma tisimgħux xi tgħid il-Liġi? 22Hemm miktub li Abraham kellu żewġ ulied, wieħed mill-ilsira, u wieħed mill-ħielsa;#Ġen 16,15; 21,2. 23imma dak li ġie mill-ilsira twieled bis-saħħa tal-ġisem, waqt li dak li ġie mill-ħielsa twieled bis-saħħa tal-wegħda.#Rum 9,7-9. 24Dan kollu ntqal b’tixbiha, għax dawn in-nisa jfissru żewġ pattijiet: wieħed ġej mill-muntanja Sinaj, li tiled għall-jasar: din hija Ħagar -#Rum 8,15; Gal 5,1. 25għax Ħagar hija l-muntanja Sinaj li hi fl-Għarabja - u taqbel ma’ Ġerusalemm#4,25: Ġerusalemm: jiġifieri r-reliġjon Lhudija; ara Mt 23,37; Lq 13,34. tal-lum li għadha mjassra flimkien ma’ wliedha. 26Iżda Ġerusalemm ta’ fuq, li hi ommna, hi ħielsa,#Lhud 12,22; Apk 3,12; 21,2-10. 27għax hemm miktub:
“Ifraħ, mara bla wlied li ma tiledx,
erfa’ leħnek u għajjat bil-ferħ, int li ma tbatix b’uġigħ il-ħlas;
għax ulied il-mara abbandunata huma aktar kotrana
minn dawk ta’ dik li għandha ’l żewġha”. # Is 54,1.
28Issa intom, l-aħwa, intom ulied il-wegħda, bħal Iżakk.#Rum 9,7; Gal 3,29. 29Iżda bħalma f’dak iż-żmien, dak li twieled bis-saħħa tal-ġisem ippersegwita lil dak li twieled bis-saħħa tal-Ispirtu, hekk ukoll issa.#Ġen 21,9. 30Iżda xi tgħid l-Iskrittura? “Keċċi ’l barra ’l-ilsira u ’l binha, għax bin l-ilsira ma jaqsamx fil-wirt ma’ bin il-ħielsa”.#Ġen 21,10. 31Għalhekk, l-aħwa, aħna m’aħniex ulied l-ilsira, imma wlied il-ħielsa.#Gal 3,29.

Currently Selected:

GALATIN 4: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in