YouVersion Logo
Search Icon

GALATIN 5

5
Kapitlu 5
1Kristu ħelisna biex ngħixu ta’ nies ħielsa. Żommu sħiħ, u terġgħux tmiddu għonqkom għall-madmad tal-jasar.#Ġw 8,32-36; Atti 15,10; Gal 2,4; 5,13.
Il-libertà tan-nisrani
2Araw, jiena, Pawlu, qiegħed ngħidilkom: jekk toqogħdu għaċ-ċirkonċiżjoni, xejn ma jkun jiswielkom Kristu. 3Jiena nistqarr għal darb’oħra quddiem kull min qagħad għaċ-ċirkonċiżjoni, li hu marbut għall-ħarsien tal-Liġi kollha. 4Intom li tfittxu l-ġustifikazzjoni fil-Liġi intom maqtugħa minn Kristu; intom twarrabtu mill-grazzja. 5Imma aħna t-tama tal-ġustifikazzjoni nistennewha bl-Ispirtu permezz tal-fidi. 6Għaliex fi Kristu Ġesù, biċ-ċirkonċiżjoni jew mingħajrha, xejn ma jkun jiswa ħlief biss il-fidi li taħdem permezz tal-imħabba.#1 Kor 7,19; Gal 6,15.
7Kontu tiġru sewwa. Min fixkilkom li ma toqogħdux għas-sewwa? 8Din il-persważjoni mhijiex ġejja minn dak li sejħilkom.#Gal 1,6. 9Daqsxejn ta’ ħmira ttalla’ l-għaġna kollha.#1 Kor 5,6. 10Jien żgur minnkom fil-Mulej li ma taħsbux mod ieħor; min qiegħed iġarrabkom, hu min hu, għad irid jieħu l-ħaqq tiegħu. 11Ngħid għalija, l-aħwa, jekk jien għadni nippriedka ċ-ċirkonċiżjoni, għaliex jien ippersegwitat? Mela tħassar l-iskandlu tas-salib?#1 Kor 1,23. 12Ħalli jqattgħu ġisimhom dawk li jħawdukom.
13Intom imma, l-aħwa, intom ġejtu msejħa għall-ħelsien; imma tinqdewx b’dan il-ħelsien għall-ġisem, iżda aqdu lil xulxin fl-imħabba.#1 Pt 2,16. 14Il-Liġi kollha tinġabar f’liġi waħda: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek’.#Lev 19,18; Mt 5,43; 19,19; 22,39; Mk 12,31; Lq 10,27; Rum 13,9; Ġak 2,8. 15Jekk intom tgiddmu u tieklu lil xulxin, oqogħdu attenti li ma tikkunsmawx lil xulxin!
Il-frott tal-Ispirtu u l-frott tal-ġisem
16Jien ngħidilkom, imxu fl-Ispirtu u taqgħux għall-passjonijiet tal-ġisem.#Rum 8,4; Gal 5,25. 17Il-passjonijiet tal-ġisem huma kontra l-Ispirtu, u l-Ispirtu hu kontra l-ġisem; dawn it-tnejn huma kontra xulxin, biex ma jħallukomx tagħmlu dak li tixtiequ.#Rum 7,15-24; 1 Pt 2,11. 18Jekk lilkom imexxikom l-Ispirtu, m’intomx taħt il-liġi.#Rum 6,14; 7,4; 8,14. 19L-għemejjel tal-ġisem huma magħrufa: żina, faħx, nuqqas ta’ rażan,#1 Kor 6,9-10; Ef 5,5; Apk 12,15. 20idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, 21invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn. Inwissikom, bħalma wissejtkom qabel, min jagħmel dawn il-ħwejjeġ ma jiritx is-saltna ta’ Alla. 22Il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi,#Ef 5,9. 23il-ħlewwa, ir-rażan. Kontra dawn ma hemmx liġi.#1 Tim 1,9. 24Dawk li huma ta’ Kristu Ġesù sallbu l-ġisem bil-ġibdiet u l-passjonijiet tiegħu.#Rum 6,6; Kol 3,5. 25Jekk ngħixu bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu;#Rum 8,4; Gal 5,16. 26ma nkunux minn dawk li jfittxu l-ftaħir fieragħ; ma nġarrbux lil xulxin; ma ngħirux għal xulxin.#Fil 2,3.

Currently Selected:

GALATIN 5: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in