EŻODU 3
3
Kapitlu 3
Alla jsejjaħ lil Mosè
1Mosè kien jirgħa l-merħla ta’ ħatnu Ġetru, qassis ta’ Midjan, u ħa l-merħla ’l hemm fid-deżert, u wasal sa ħdejn Ħoreb, il-muntanja ta’ Alla.#Eż 6,2-13; 7,7; Atti 7,30-35; 13,17. 2Hawn deherlu l-anġlu tal-Mulej f’ħuġġieġa nar qalb l-għollieq. Mosè ħares u ra l-għollieq jaqbad bin-nar bla ma jintemm. 3Mosè qal: “Ħa nersaq u nara din id-dehra tal-għaġeb għala mhux jinħaraq l-għolliq.” 4Il-Mulej rah riesaq biex jara, u Alla sejjaħlu minn qalb l-għollieq u qallu: “Mosè, Mosè!” U Mosè wieġeb: “Hawn jien!”#Ġen 28,16-17; Eż 19,12. 5U l-Mulej qallu: “La tersaqx ’l hawn. Neħħi l-qorq minn riġlejk, għax il-post li inti fuqu hu art qaddisa.”#Ġoż 5,15. 6U ssokta jgħidlu: “Jien hu Alla ta’ missierek: Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk u Alla ta’ Ġakobb.” Mosè għatta wiċċu, għax beża’ jħares lejn Alla.#Eż 4,5; 33,20; Mt 22,32; Lq 20,37; Atti 3,13; 7,32.
7U l-Mulej qallu: “Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom. 8Issa nżilt biex neħlishom minn idejn l-Eġizzjani u biex intellagħhom minn dik l-art u neħodhom f’art tajba u wiesgħa, f’art tnixxi ħalib u għasel, art il-Kangħanin u l-Ħittin, l-Amurrin u l-Periżżin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin.#Ġen 15,19-21; Dt 7,1. 9U issa, ara, il-karba ta’ wlied Iżrael waslet sa għandi, u rajt ukoll it-tgħakkis li bih qegħdin jgħakksuhom l-Eġizzjani. 10Ejja, mela, ħa nibagħtek għand il-Fargħun biex toħroġ lil ulied Iżrael, il-poplu tiegħi, mill-Eġittu.” 11Mosè wieġeb lil Alla: “Min jien biex immur quddiem il-Fargħun u noħroġ lil ulied Iżrael mill-Eġittu?” U Alla wieġbu: 12“Jiena nkun miegħek, u dan ikun is-sinjal li jien bgħattek: meta tkun ħriġt il-poplu mill-Eġittu, intom tqimu lil Alla fuq din il-muntanja.”#Atti 7,7.
L-Isem ta’ Alla
13Mosè reġa’ wieġeb: “Ara, jiena mmur għand ulied Iżrael u ngħidilhom: ‘Alla ta’ missirijietkom bagħatni għandkom,’ u huma jistaqsuni, ‘X’jismu?’ Jiena xi ngħidilhom?” 14Alla wieġbu: “JIEN LI JIEN#3,14-15: Jien li jien … Jiena Hu … Jaħweh: bil-Lhudi: eħjeh … Jaħweh: Eħjeh hu l-imperfett l-ewwel persuna tal-verb ħaweh (hajah); Jaħweh, l-imperfett it-tielet persuna tal-istess verb. Fl-ewwel forma ħaweh (hajah) tfisser: dak li kien; fil-forma kawżattiva; ġieb xi ħaġa fl-eżistenza. Fis-sens teoloġiku tfisser Alla hu dak li hu fih innifsu jew dak li jġib fl-eżistenza, joħlaq jew li hu preżenti, l-aktar fl-istorja tal-poplu tiegħu. Dan mhux Alla tal-filosofi, iżda Alla attiv fl-istorja tas-salvazzjoni. B’dan l-isem proprju l-Lhud kienu jagħrfu lil Allat foloz tal-popli ta’ madwarhom. Aktar ’il quddiem il-Lhud b’qima ma kinux ilissnu dan l-isem ħlief darba fis-sena, u mill-qassis il-kbir biss, nhar Jum il-Maħfra. Flok Jaħweh kienu jaqraw Adonaj, sidi; u t-tradutturi Griegi ta’ Lixandra ttraduċew Kyrios, sid, li minnha ħarġet il-kelma dominus (Latina), lord, signore. Meta mbagħad il-Lhud fis-sekli ħamsa u sitta żiedu l-vokali mal-konsonanti fit-test Lhudi, daħħlu l-vokali ta’ Adonaj; hekk li fis-sekli sittax sa dsatax l-Ewropej bdew jaqraw Ġeħova, kelma mħallta li ma teżistix fil Bibbja; għalhekk għandna nwarrbuha. F’din it-traduzzjoni użajna l-kelma Mulej, li tfisser Sidi, minbarra f’xi każi fejn Jaħweh għandha importanza speċjali (Eż 15,3). Fit-Testment il-Ġdid, l-isem ta’ Ġesù Kristu ħa post l-isem ta’ Jaħweh, għax hu Alla nnifsu. Ġesù stess ħa għalih dan l-isem meta lil-Lhud qalilhom: Jiena-Hu: ara Ġw 8,24. 28. 58; 13,19; 18,5; Is 14,18; 42,6; 43,25; 51,12; Fil 2,9..” U kompla jgħidlu: “Hekk għidilhom lil ulied Iżrael, ‘JIENA-HU bagħatni għandkom.’ ”#Is 42,8; Ġw 8,24; 17,6; Apk 1,4. 15U Alla kompla jgħidlu: “Hekk għandek tgħidilhom lil ulied Iżrael: ‘Jaħweh, Alla ta’ missirijietkom, Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb, bagħatni għandkom.’ Dan ikun ismi għal dejjem u dan l-isem ifakkarkom fija minn nisel għal nisel.#Dt 7,1; S 135,3. 16Mur u iġbor ix-xjuħ ta’ Iżrael u għidilhom: ‘Il-Mulej, Alla ta’ Missirijietkom, Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb, deherli u qalli: Ħsibt fikom u x’qegħdin jagħmlulkom fl-Eġittu. 17Jien inwegħedkom li ntellagħkom mit-tbatija tal-Eġittu, f’art il-Kangħanin, il-Ħittin u l-Amurrin, il-Periżżin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin, f’art tnixxi ħalib u għasel.’ 18Huma jisimgħu kliemek, u int u x-xjuħ ta’ Iżrael tmorru għand is-sultan tal-Eġittu u tgħidulu: ‘Il-Mulej, Alla tal-Għebrej, iltaqa’ magħna. U issa, nitolbuk, ħallina nitbiegħdu tlitt ijiem mixi fid-deżert biex hemm noffru sagrifiċċji lill-Mulej Alla tagħna.’#Eż 5,3. 19Jien naf li s-sultan tal-Eġittu ma jħallikomx toħorġu mingħajr ma jkun imġiegħel b’saħħa. 20Għalhekk jiena mmidd idejja u nolqot lill-Eġittu bl-għeġubijiet li nagħmel fih; wara dan il-Fargħun iħallikom tmorru. 21U jien nagħmel mod li dan il-poplu jkollu r-rispett tal-Eġizzjani, u meta titilqu ma titilqux b’idejkom vojta,#Eż 11,2-3; 12,35-36. 22iżda kull mara titlob lill-ġâra tagħha, u ’l dik li tgħammar f’darha, ħwejjeġ tal-fidda u deheb, u lbiesi, u intom tlibbsuhom lil uliedkom subien u bniet; u hekk intom tneżżgħu lill-Eġizzjani.”
Currently Selected:
EŻODU 3: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.